Il-Perit Duminku Mintoff, magħruf aħjar bħala Dom Mintoff (twieled fis-6 ta' Awwissu 1916 – miet fl-20 ta' Awwissu 2012) kien politiku Malti, li serva ta' Prim Ministru ta' Malta għal erba' leġiżlaturi. Huwa kien l-iktar Prim Ministru Malti li dam fil-kariga, 16-il sena. Bejn l-1949 u l-1984 huwa kien il-mexxej tal-Partit Laburista, l-iktar mexxej li dam fil-kariga – 35 sena. B'kollox serva għal 47 sena bħala deputat fil-Parlament Malti bejn l-1945 u l-1998. Mill-1945 sal-1996 Duminku Mintoff kien elett erbatax-il darba f'kull elezzjoni li saret.

Dom Mintoff
2. Ministru għall-Affarijiet Barranin

21 Ġunju 1971 - 20 Diċembru 1981
Ġorġ Borg Olivier - Alex Sceberras Trigona
8. Prim Ministru ta' Malta

21 Ġunju 1971 - 22 Diċembru 1984
Ġorġ Borg Olivier - Karmenu Mifsud Bonnici
Rappreżentant tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

3 Mejju 1965 - 24 April 1967
Prim Ministru ta' Malta

11 Marzu 1955 - 26 April 1958
Ġorġ Borg Olivier - Ġorġ Borg Olivier
Membru tal-Kamra tad-Deputati ta' Malta

Ħajja
Twelid Bormla, 6 Awwissu 1916, 1916
Nazzjonalità Malta
Mewt Ħal Tarxien, 20 Awwissu 2012
Kawża tal-mewt  (mard)
Familja
Missier Laurence Mintoff
Omm Concella Farrugia
Konjuga/i Moyra de Vere Bentinck (en) Translate  (28 Novembru 1947 -
Ulied
uri
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Hertford College (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
arkitett
ġurnalist
inġinier ċivili
Premjijiet
Sħubija Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa

Dom Mintoff jibqa' msemmi bħala figura kontroversjali lokalment u internazzjonalment, maħbub minn ħafna u kkritikat minn oħrajn. Jibqa' mfakkar għal kwalitajiet tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż kif ukoll bħala oratur. Il-politika prinċipali tiegħu kienet waħda bbażata fuq it-tixtrid tal-ġid komuni fis-soċjetà. Mintoff kien jemmen li dan il-ġid seta' jitkattar bis-saħħa ta' ekonomija b'saħħitha bbażata fuq il-manifattura u l-esportazzjoni tal-istess prodotti mmanifatturati. Fl-istess ħin Mintoff kien imexxi l-ekonomija tal-pajjiż fuq livell ta' protezzjoniżmu tal-prodotti lokali.

 Malta needs new members with fresh ideas which could unite all the progressive elements and transform the medieval social system into a system which would be envied by the rest of the world. 

—Dom Mintoff, The Daily Chronicle, 1939

 Lili staqsewni: sakemm trid tibqa' ħaj? Sakemm jitilqu l-Ingliżi? Weġibthom: irrid nibqa' ħaj sakemm jitilqu l-Ingliżi imma rrid nibqa' ħaj sakemm tasal dik il-ġurnata li Malta wkoll tgħin lill-ħaddieħor u rrid li intom taħilfu li tagħmlu dan 'il quddiem. 

—Dom Mintoff fil-Furjana, 28 ta' April 1978

 …(Dom Mintoff) bħall-ftit nies kbar li nibtu minn din il-ħolqa, jibqa' bniedem li ma nftihemx minkejja l-appoġġ enormi li sab. Tkun l-istorja biss li tifdih minn din is-solitudni. L-ambigwità ta' personalità dinamika u riformattiva tibqa' dejjem hemm, biex tqanqal l-apprezzament jew il-kuntrarju. Dan hu tabilħaqq il-prezz li kull riformatur irid iħallas, l-aktar jekk il-qofol tal-istrateġija tiegħu jkun li jikkonfronta lill-imgħoddi mal-preżent.. 

Mintoff persunaġġ u riformatur ewlieni, 1991 – Oliver Friggieri

 I have no doubt that he left his mark on our country’s history and if we consider everything I think his contribution in political development was more positive than negative, though many of us remember the negative side of his politics. 

—Eddie Fenech Adami, The Times, 22 ta' Awwissu, 2012

 Il-Perit Duminku Mintoff huwa personalità ewlenija fil-ħajja pubblika Maltija minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sa tmiem is-Seklu Għoxrin. Il-ħidma kbira tiegħu immarkat profondament l-istorja riċenti ta' pajjiżna fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali. L-impenn u d-determinazzjoni tiegħu wasslu għal żviluppi u bidliet profondi li jimmarkaw lil Malta u Għawdex. 

—Lawrence Gonzi, Stqarrija DOI, 20 ta' Awwissu 2012

Mintoff kien bin Wenzu u Concetta imwielda Farrugia, u kien it-tielet wild fost disa' aħwa, u l-ikbar wieħed mis-subien. Missieru kien jaħdem mar-Royal Navy Ingliża.[1] Wenzu aktar tard kien jaħdem ta' kok fil-Berġa ta' Kastilja, li dak iż-żmien kienet l-kwartier ġenerali tal-Militar Ingliż f'Malta.

Mintoff twieled id-dar, fi Triq l-irlandiżi / Irish Street, Bormla, f'ambjent fqir, sempliċi, iffullat u storbjuż. Iktar tard il-familja Mintoff marret toqgħod f'dar oħra Bormla qrib St. Helen's Gate.[2] Tgħammed fil-knisja Kolleġġjata tal-Kunċizzjoni ta' Bormla. Ingħata l-isem Duminku għax ommu wara li kellha żewġt ibniet xtaqet tifel u kienet għamlet wegħda ma' San Duminku. Meta twieled Mintoff kien il-jum li fih kienet mfakkra l-mewt ta' dan il-qaddis.

Mintoff ħa l-edukazzjoni tiegħu, l-ewwel fl-iskola tan-nuna f'Bormla, u wara għand il-Freres fil-Kottonera,[3] is-Seminarju tal-Furjana,[4] u fil-Liċeo tal-Belt[5] u ggradwa mill-Università ta' Malta [6]fl-1937 fil-B.Sc. Sentejn wara, fl-1939 iggradwa bħala Perit (B.E. & A. & C.E.). Fuq dak iż-żmien ta' student fl-Università ta' Malta, Mintoff jirrakkonta inċident partikulari:

 Meta kont l-Università, sħabi tal-kors tax-xjenza, għażluni biex nirrappreżentahom fil-kumitat tal-istudenti. Aqtgħu lil min insib President? Lill-Capo Giorgio Borg Olivier! U kif dħalna hemm, insib li l-Viċi-President kien Ċensu Tabone! Meta dħalt għidtilhom: “X'hemm?”, u dawn lanqas kellmuni. Imbagħad qabeż wieħed minnhom u qalli, bit-Taljan: “Hawn trid titkellem bit-Taljan bilfors”. Jien għidtlu: “Imma jien Malti, kif tridni nitkellem bit-Taljan?” Għamilna nofs siegħa; huma ma jridux jibdew is-seduta għax jien nitkellem bil-Malti u huma jitkellmu bit-Taljan, mhux għax kienu jafu jitkellmu bit-Taljan aktar minni tafux! Iżda għax huma ma' Mussolini u jiena ma kontx ma' Mussolini. Is-seduta sfrattat u sfrattaw sewwa għax anki l-kumitat sfratta mbagħad. L-istess Capo spiċċa minn President, spiċċa għal kollox. 

Fl-istess sena, Mintoff rebaħ borża ta' studju mill-Fondazzjoni Sir Cecil Rhodes biex isiefer l-Ingilterra biex ikompli l-istudji tiegħu fl-Università ta' Oxford. Matul il-vjaġġ, waqt il-wafa tiegħu f'Napli irċieva telegramma li kienet tgħid li biex jidħol fl-Università ta' Oxford ried ikollu ċertifikat li jikkonferma li kien fi stat ta' 'saħħa tajba u għalhekk mar ifittex tabib. Sab lit-tabib Giuseppe Moscati (dan fl-1987 kien ġie ddikjarat qaddis) li ħariġlu ċertifikat mingħajr ma żammlu flus; minflok qallu, "Mur u agħmel il-ġid." Fl-1941 ġab l-M.A. fix-xjenzi u inġinerija. Huwa pprattika l-professjoni tiegħu l-Ingilterra sal-1943.

L-istudji tiegħu fl-Ingilterra

....................

....................

...................

Il-ħsibijiet ideoloġiċi ta' Mintoff

....................

....................

Bidu tal-Karriera Politika

immodifika

Mintoff kien daħal l-ewwel darba fix-xena politika fl-1935. Kien mogħti l-kariga ta' Assistent Segretarju tal-Każin tal-Partit Laburista ta' Bormla, iżda fl-1937 kellu jirreżenja biex ikun jista' jkompli l-istudji tiegħu barra minn Malta.

Ta' 23 sena, Mintoff kien diġà jikteb fl-istampa lokali dwar ideat ġodda għall-politika Maltija. F'artiklu li kien deher fil-ġurnal Daily Malta Chronicle Mintoff kiteb:

 Malta needs new members with fresh ideas which could unite all the progressive elements and transform the medieval social system into a system which would be envied by the rest of the world. 

(tr. Malti: Malta għandha bżonn ta' membri ġodda b'ideat godda li jkunu jistgħu jgħaqqdu l-elementi progressivi kollha u tbiddel is-sistema soċjali medjevali f'sistema li tkun l-għira tal-bqija tad-dinja)

Lura mill-Ingilterra

immodifika

Mar-ritorn tiegħu mill-Ingilterra fl-1944, Mintoff reġa' nħatar Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, iżda wara xi żmien irriżenja minn din il-kariga wara li ġie elett bħala Deputat Mexxej tal-Partit.

Fl-istess żmien Mintoff kien iltaqa' ma' Umberto Calosso, professur li kien jgħallem is-St Edwards, ideologu Soċjalista u anti-faxxista li spiċċa eżijat hawn Malta fi żmien Mussolini.[7] li kien jgħix Bormla. Calosso kien iġġieled fil-Gwerra Ċivili Spanjola (1936 - 1949). Kif din intemmet Calosso kien ġie Malta u beda jgħallem fil-Kulleġġ ta' St Edwards. Wara xi żmien Calosso kien ħa ċ-ċittadinanza Ingliża. Bħala ideologu Soċjalist, Calosso kien wieħed minn dawk li influwenzaw lil Mintoff lejn dan it-twemmin politiku waqt il-ħafna diskursati li kien ikollhom bejniethom..

Kien fit-23 ta' Settembru, tal-1945, li Mintoff tkellem għall-ewwel darba fil-meeting li kien sar f'Bormla fil-kampanja elettorali għall-Kunsill tal-Gvern. Fl-elezzjoni ta' Novembru 1945, li għaliha vvutaw bejn wieħed u ieħor 31% biss tal-votanti eliġibbli, il-Partit Laburista ġab il-maġġoranza ta' siġġijiet, b'kollox 9 minn 10. Mintoff ikkontesta b'suċċess din l-elezzjoni u ġie elett flimkien ma' Pawlu Boffa (il-Kap tal-Partit Laburista li ġie wkoll maħtur Kap tal-Kunsill), Robert Bencini, Ġużè Cassar, Turu Colombo, Godwin Ganado, Anthony Schembri Adami, John Raimondo u Karmenu Vassallo għall-Partit Laburista.

Fuq insistenza ta' Pawlu Boffa mal-Gvernatur Ingliż, il-kap tal-Partit Laburista, Mintoff sar membru tal-Kunsill Eżekuttiv fl-1 ta' Awwissu, 1946. Fit-12 ta' Settembru, id-disa' membri tal-Partit Laburista irriżenjaw bħala sinjal ta' protesta kontra is-sensji li ngħataw lill-ħaddiema tat-tarzna, kif ukoll kontra l-fatt li membri eletti Maltin fil-Kunsill tal-Gvern tnaqqrilhom ħafna mill-poter, kif kienet tiddetta l-kostituzzjoni mfassla ta' dak i-żmien. (Macdonald Constitution. Din il-kostituzzjoni kienet tħalli lill-għaxaar membri magħżula mill-poplu u tmien membri uffiċjali, tnejn nominati mill-Gvernatur. B'dan il-mod il-membri eletti kienu f'minoranza. Il-Gvernatur kellu l-poter tal-veto. Din is-sitwazzjoni kienet baqgħet hekk sakemm kienet qed titfassal kostituzzjoni aktar demokratika li kienet tħalli li jerġa' jkun stabilit is-Self Government bħal ma kien inħoloq fl-1921.

Fl-10 ta' Settembru, 1947, C.R.F. Douglas, il-Gvernatur u l-Kap-Kmandant (Commander-in-Chief) ta' Malta, iddikjara pubblikament li l-kostituzzjoni proposta u maqbula bejn il-partiti kienet ser tidħol fis-seħħ fit-22 ta' Settembru, 1947. F'din il-kostituzzjoni, is-Senat ġie abolit u minnflok inħoloq korp leġiżlattiv ta' 40 membru elett mill-poplu. Permezz ta' din il-kostituzzjoni, kien tneħħa s-Senat u minflok ġiet stabbilita kamra waħda, l-Assemblea Leġislattiva. F'din il-kostituzzjoni l-ġdida iddd-ritt tal-vot issa kien għal dawk kollha 'l fuq minn 21 sena, kemm nisa kif ukoll irġiel. Ħaġa oħra ġdida kienet li issa n-nisa setgħu anki jikkontestatw l-elezzjoni biex issiru membri parlamentari.

 
Il-perit Dom Mintoff bħala Ministru tax-Xogħlijiet u r-Rikostruzzjoni, jissorvelja disinji ta' bini ġdid f'Bormla wara t-tiġrif tat-Tieni Gwerra Dinjija

1947-49: Il-Gvern Laburista ta' Boffa - Mintoff Deputat Prim Ministru

immodifika

F'Ottubru 1947, il-Partit Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa kiseb rebħa kbira elettorali meta ġab 63,145 vot u tella' 24 Deputat fl-Assemblea Leġislattiva. Il-Partit Nazzjonalista ġab 19,401 vot u tella' 7 deputati. Id-Democratic Action Party kiseb 14,010 vot u tella' 4 deputati, il-Partit t'Għawdex ġab 5,491 vot u tella' tliet Deputati, filwaqt li l-Partit ta' Jones ġab 3664 vot u tella' żewġ Deputati. il-kandidati indipendenti ġabu143 vot. Minn dawn ma tela' ħadd. Is-sinjorina Agatha Barbara, f'isem il-Partit Laburista saret l-ewwel mara eletta fl-Assemblea Leġislattiva. It-tabib Paul Boffa ġie dikjarat Prim Ministru ta' Malta, u Mintoff inħatar Deputat Prim Ministru u Ministru tax-Xogħol u r-Rikostruzzjoni u baqa' jżomm din il-kariga sa Settembru 1949. F'din l-ewwel legislatura il-Gvern Laburista introduċa t-Taxxa fuq id-Dħul (Income Tax) u l-Pensjoni tax-Xjuħ f'Malta.

1949: Il-qasma fil-Partit Laburista

immodifika

F'Ġunju tal-1948, l-Amerika introduċiet The European Recovery Programme (ERP) - magħruf aħjar bħala l-Marshall Aid. Dan kien immirat biex jgħin lill-pajjiżi Ewropej jerġgħu jġibu l-ekonomija tagħhom fuq saqajha. Il-Gvern Laburista wkoll ittanta li Malta tapplika għal-din ll-iskema finanzjarji. Biss, billi Malta kienet kolonja Ingliża, ma kinetx intitolata għaliha u kellha tiddependi biss fuq il-War Damage Fund li l-Gvern Ingliż kien qiegħed jgħaddilha bil-mod il-mod. Il-kwistjoni tal-Marshall Aid kienet wasslet biex Mintoff, li dak iż-żmien kien Ministru tax-Xogħlijiet, u l-Prim Ministru tiegħu, Dr Pawlu Boffa, iġġieldu bl-ikrah, għaliex Mintoff kien jinsisti li Boffa kellu jżomm aktar iebes mal-Gvern Ingliż, biex Malta titħalla tidħol f’din l-iskema.

Dan kollu wassal biex fl-1949, Boffa kellu jippreżenta memorandum miktub minn Mintoff lill-Gvern Ingliż, liema memorandum kien approvat unanimament mill-kabinett. F'dan il-memorandum, Malta heddet li jekk sat-22 t' Awwissu tal-istess sena, l-Ingilterra ma tkunx talbet għall-Marshall Aid f'isem Malta, il-Gvern Malti kien ser jistaqsi lill-Istati Uniti hu stess għall-din l-għajnuna. Id-delegazzjoni li sejħet dan l-ultimatum, kienet immexxija minn Mintoff flimkien mas-Sur Dwardu Ellul u l-Prim Ministru Boffa. Il-Gvern Ingliż irrifjuta li jiltaqa' mad-delegazzjoni Maltija jekk dawn ma jirtirawx il-memorandum, u għal din ir-raġuni, Boffa ddeċieda li ma jippreżentax il-memorandum. Min-naħa tiegħu, Mintoff ma aċċettax li jirtirah u dan wassal għall-problemi interni kbar, li eventwalment kienu wasslu lil Mintoff li jirtira u rriżenja mill-kabinett. Dom Mintoff, li kien jaf li kellu s-sostenn ta' numru kbir ta' Laburisti beda jorganizza għadd ta' mass meetings u beda pubblikament jikkritika lil Boffa u l-kabinett tiegħu.

Fil-25 ta' Settembru 1949, ltaqgħet il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista u beda jidher biċ-ċar li l-politika ta' Boffa bdiet tidher inutili f'għajnejn ħafna laburisti. Fid-9 t'Ottubru saret votazzjoni biex Boffa jirreżenja kemm minn Mexxej tal-Partit Laburista kif ukoll minn Prim Ministru ta' Malta. Minn dawk preżenti, 244, ivvutaw favur din id-deċiżjoni, filwaqt li 141 ivvutaw kontra.

1949: Mintoff, Mexxej tal-Partit

immodifika

Dom Mintoff inħatar mexxej tal-Partit Laburista fis-16 t'Ottubru 1949. Boffa, li kien ilu jmexxi l-Partit Laburista sa mill-1921, iddeċieda li joħloq partit ieħor, il-Malta Workers' Party, flimkien mas-sostenituri tiegħu. Dan il-partit irnexxielu jibqa' fil-gvern sas-sajf tal-1950, f'koalizzjoni magħmula minn ħafna partiti żgħar.

Kien propju f'dan iż-żmien li Mintoff beda juża slogans politiċi ta' ċertu qawwa fid-diskorsi tiegħu, fosthom il-famuża "Malta l-ewwel u qabel kollox", għajta li kellha tintuża ħafna fis-snin li segwew. Mintoff kien jemfasizza ħafna fuq il-ġlieda għall-libertà nazzjonali ta' Malta, bi frażijiet bħal "jew bħall-Ingliżi jew mhux mal-Ingliżi" u "aħna m'aħna ser inkunu qatt skjavi u servi f'pajjiżna stess".

Fis-6 ta' Ġunju, 1950, il-Gvern ta' Boffa tilef il-Vot tal-Budget għas-sena 1950-51 u Sir Gerald H. Creasy, Gvernatur u Kap-Kmandant ta' Malta xolja l-Parlament fit-23 ta' Ġunju, 1950.

Kmieni f'Settembru 1950, issejħet elezzjoni ġenerali. F'din l-elezzjoni, l-ebda partit li kkontesta ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza. Dan wassal biex il-Partit Nazzjonalista, li kellu vantaġġ numeriku, wara konsultazzjoni mal-partiti l-oħrajn biex jipprova jifforma Gvern Nazzjonali, spiċċa biex minnflok ifforma Gvern ta' minoranza f'Diċembru, 1950. Dan il-gvern kien magħmul biss minn deputati Nazzjonalisti taħt it-tmexxija tal-avukat Nerik Mizzi.

Fl-1951 il-Partit Laburista ngħaqad mas-Socialist International, organizzazzjoni Soċjal-Demokratika u storikament anti-Komunista. L-MLP kien deċiż li jiżviluppa l-ekonomija ta' Malta fl-inqas żmien possibbli, u joħloq Welfare State sabiex il-livell tal-għixien tal-poplu jkun jista' jitjieb.

F'Jannar u Frar 1951, Borg Olivier tilef No Confidence Motion u kellha ssir Elezzjoni Ġenerali oħra f'Mejju 1951. F'din l-elezzjoni ġara li, bħall-l-elezzjoni preċedenti, l-ebda partit ma rnexxielu jikseb il-maġġoranza, u fit-30 ta' Ġunju, 1951, ġie ffurmat Gvern ta' Koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Malta Workers' Party; Il-Labour Party kien fl-oppożizzjoni immexxi minn Dom Mintoff.

Il-Gvern ta' koalizzjoni tilef Budget Motion f'Ottubru 1953 u kellhom isiru elezzjonijiet ġodda f'nofs Diċembru 1953, liema elezzjonijiet reġgħu intrebħu mill-gvern ta' koalizzjoni mmexxi minn Borg Olivier.

1955-58: L-ewwel Gvern ta' Mintoff

immodifika

Wara qasma fil-Malta Workers' Party f'Novembru 1954, il-Gvern ta' koalizzjoni bejn in-Nazzjonalisti u Boffa ġie xolt fuq Adjournment Motion (eventwalment, sa nofs il-ħamsinijiet, il-Workers' Party ta' Boffa kien spiċċa mix-xena politika Maltija. Minn 24,616 vot u 11-il siġġu fil-Parlament fl-1950, l-appoġġ għal dan il-partit naqas għal 14,000 vot u 3 siġġijiet fl-1953).

Dan wassal biex fl-elezzjonijiet li segwew fi Frar 1955, il-Malta Labour Party taħt it-tmexxija ta' Mintoff irnexxielu jegħleb il-koalizzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista ta' Borg Olivier u l-Malta Workers' Party ta' Boffa. Il-Partit Laburista kiseb 68,474 vot (57%) u akkwista 23 mill-40 siġġu fl-Assemblea Leġislattiva filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 48,514-il vot u 17-il siġġu fl-Assemblea. B'hekk Mintoff ġie maħtur Prim Ministru ta' Malta għall-ewwel darba.

Il-Kwistjoni tal-Integration mal-Ingilterra

immodifika
Duminku Mintoff jippreżenta l-proposta tal-Integration mar-Renju Unit f'Downing Street. Ħajr lill-British Pathe.

Il-Partit Laburista, ried li jinqata' l-kolonjaliżmu f'Malta akkost ta' kollox u ppropona bis-sħiħ l-Integration. Mintoff kien jemmen li l-uniku mod kif il-kundizzjoni soċjo-ekonomika f'Malta setgħet titjieb kien li Malta issir parti mir-Renju Unit biex b'hekk il-Maltin jiġu ttrattati bħala ċittadini tar-Renju Unit. Dan il-pjan kien qed jipproponi fost affarijiet oħra li:

  • Il-Maltin jibbenefikaw mill-istess servizzi soċjali bħall-Ingliżi
  • Il-Maltin jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet ta' xogħol u kundizzjonjiet tal-Ingliżi.
  • Kellu jitfassal pjan ekonomiku għal Malta fuq il-kunċett ta' xogħol għal kulħadd
  • Il-Maltin ikollhom ir-rapreżentanza tagħhom fil-Parlament Ingliż
  • Id-Difiża u l-Politika Barranija kellhom ikunu f'idejn il-Gvern Ingliż
  • Kwistjonijiet lokali bħall-edukazzjoni u r-reliġjon kellhom ikunu f'idejn il-Gvern Malti

F'dik l-istess sena, Mintoff stess tela' b'delegazzjoni Londra biex jiddiskuti dawn il-punti.

 
Mintoff jindirizza konferenza f'Londra dwar l-Integrazzjoni ta' Malta mar-Renju Unit

F'Lulju 1955, il-Prim Ministru Ingliż Sir Anthony Eden, waqqaf Round Table Conference, komposta mit-tliet partiti prinċipali tar-Renju Unit, biex jiġu kkunsidrati mistoqsijiet kostituzzjonali mqajma mill-proposti ta' Malta dwar l-integration. Wara konsultazzjonijiet f'Londra u f'Malta, f'Diċembru 1955 ġie ppubblikat ir-rapport tal-konferenza u ġie msejjaħ għal Frar 1956.

Sadanittant, f'Malta kemm il-partiti politiċi kif ukoll l-Isqof ta' Malta kellhom id-dubji tagħhom dwar x'setgħu jkun l-konsegwenzi jekk Malta tingħad mal-Ingilterra bħala pajjiż wieħed. F'ittra Pastorali konġunta mill-Arċisqof ta' Malta u l-Isqof t'Għawdex, dawn esprimew li kwalunkwe bidla fil-kostituzzjoni, kellha tiggarantixxi bil-miktub l-istatus quo tal-Knisja f'Malta. Huma saħqu li ma setgħu qatt jaqblu ma' proposta li kienet ser tipperikola ir-reliġjon u t-twemmin Kattoliku. Naturalment ma' dawn il-ħsibijiet qablu l-organizzazzjonijiet reliġjużi lokali kollha.

Il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jibbojkottja r-referendum għax, bħall-Isqfijiet, dehrlu li l-integrazzjoni mal-Ingilterra kienet ser tirriżulta f'dominanza tal-Protestantiżmu fuq il-Kattoliċiżmu, fid-dħul taż-żwieġ ċivili, divorzju eċċ. Mabel Strickland (bint Lord Gerald Strickland), u l-kap tal-Progressive Constitutionalists, ukoll kienet kontra l-Integration u appellat lill-partitarji tagħha biex jivvutaw 'Le'.

Min-naħa l-oħra il-Partit Laburista appella lill-votanti biex jivvutaw 'Iva' fir-referendum. Peress li l-appoġġ tal-MLP kien ġej mill-parti l-kbira mill-klassi tal-ħaddiema li ħafna minnhom kienu jiddependu mill-Ingliżi għax-xogħol, proposti li kienu jiggarantixxu xogħol u livelli ta' għixien bħal dawk tal-Ingliżi setgħu jsibu ħafna appoġġ.

Fit-13 ta' Frar 1956 saret il-votazzjoni referendali dwar l-Integrazzjoni li fih 45.2% tal-elettorat ħareġ jivvota. Il-figuri uffiċjali juru li 67,607 (56%) ivvutaw favur l-Integrazzjoni filwaqt li 20,177 ivvutaw kontra. Kien hemm 2,559 vot invalidu. Dak li ma marrux jivvutaw kien 62,480. Numru kbir ta' dawk li astjenew kienu għamlu dan biex jobdu d-direttivi tal-Partit Nazzjonalista li kien qed jagħmel bojkott kontra l-Pjan ta' Integrazzjoni.

Dan ir-riżultat qajjem ħafna kontroversji. Il-Prim Ministru Ingliż Sir Anthony Eden stqarr fil-House of Commons li Malta kellha tiġi rappreżentata fil-House of Commons wara li l-Maltin juru x-xewqa tagħhom f'Elezzjoni Ġenerali. Fl-istess ħin l-Ingliżi bdew jirreallizaw li integration bejn Malta u l-Ingliterra kienet ser toħloq aktar problemi milli ssolvihom.

1958: Ir-Riżenja tal-Gvern ta' Mintoff u l-Irvellijiet tat-28 ta' April

immodifika

Sadanittant, qam xi tilwim bejn il-Gvern Malti u dak Ingliż rigward il-futur tat-tarzna u l-assistenza finanzjarja Ingliża. Fit-30 ta' Diċembru 1957, il-Parlament Malti gie msejjaħ b'urġenza biex jikkunsidra mozzjoni tal-Prim Ministru Mintoff:

 Darba li l-Gvern Ingliż ma jridx jonora l-obbligu li daħal għalih fid-Dikjarazzjoni ta' Lulju 1955, li jevita l-qgħad, ir-Rappreżentanti tal-Poplu Malti fil-Parlament miġbura jiddikjaraw li jinħallu mill-pattijiet u obbligi li għandhom lejn il-Gvern Ingliż u minn dawk sal-lum assunti lejn l-alleati tiegħu - u dan sakemm il-Gvern Ingliż ma jagħtix garanzija li l-għadd ta' nies miegħu impjegati f'Malta ma jonqosx qabel ma jkun hemm "alternative employment' għan-nies li jingħataw is-sensja. 

Il-Parlament Malti għadda din ir-riżoluzzjoni b'vot unanimu.

Biex tiġi evitata din, saru xi diskussjonijiet kemm f'Malta kif ukoll fl-Ingilterra iżda dawn ma ħallewx il-frott mixtieq għax fost il-ħafna proposti li ġew diskussi ma ntlaħaq l-ebda ftehim rigward il-kwistjoni tal-integrazzjoni u tat-tarzna. Issa beda jsir iktar evidenti li kambjamenti fil-policies tad-difiża Ingliżi kienu ser jirriżultaw f'rundowns massivi tal-militar minn Malta. Kien hemm bżonn li jiġi implementat pjan ta' żvilupp koordinat biex tiġi diversifikata l-ekonomija ta' Malta.

Fl-24 ta' Marzu, il-Gvern Laburista mmexxi minn Mintoff irriżenja mill-kariga b'sinjal ta' protesta u ddikjaraw lilhom infushom favur Malta newtrali u politikament indipendenti. F'mass meeting fil-Furjana, fis-6 ta' April, Mintoff stqarr li l-Ingliżi ma kienx jimpurtahom mill-Maltin u t-tbatijiet tagħhom. Għalhekk, la bil-kelma t-tajba u negozjati ċivili ma kienu ser jaslu mkien, huwa ħeġġeġ lill-Maltin biex jinżlu fit-toroq u jsemmgħu leħinhom mit-toroq u l-pjazez.

Eventwalment sar strajk ġenerali storiku fit-28 ta' April, fost irvellijiet u vjolenza, u intimidazzjoni mill-pulizija u l-forzi militari. Ma tħallewx isiru meetings pubbliċi u dimostrazzjonijiet u l-Partit Laburista adotta reżistenza passiva.

Wara dan, l-oppożizzjoni Nazzjonalista rrifjutat li tifforma gvern ta' minoranza, u affermat il-policy favur Dominion Status fi ħdan il-Commonwealth. Ftit jiem wara l-Ingliżi rrevokaw il-kostituzzjoni u b'hekk it-tmexxija ta' Malta waqgħet f'idejn il-Gvernatur Ingliż, Sir Robert Laycock. B'konsegwenza, il-Gvernatur iddikjara stat ta' emerġenza.

Fid-19 ta' Novembru, 1958, Mintoff mexxa delegazzjoni tal-MLP lejn Londra biex tiġi diskussa l-introduzzjoni tas-self-government u b'hekk din kienet l-ewwel rikjesta uffiċjali għall-Indipendenza ta' Malta; din iżda ma ħalliet l-ebda frott.

Fl-ewwel mass meeting Laburista fl-1959, Mintoff stqarr li l-partit tiegħu kien ser ibiddel l-ekonomija ta' Malta minn waħda distruttiva għal waħda bbażata fuq ħbiberija u paċi.

F'artiklu bl-isem New Plan for Malta li deher fir-rivista New Statesman, Mintoff elabora fuq il-viżjoni tiegħu ta' Malta. Huwa qal li Malta għandha ssir port newtrali fejn il-libertà tagħha kellha tkun garantita mill-Kunsill tal-Ġnus Magħquda . Fi kliemu:

 As a nuclear-free zone with a free and stable society, we would quickly develop into a Switzerland in the heart of the Mediterranean. 

(tr. Malti: Bħala żona mhux nukleari b' soċjetà ħielsa u stabbli, aħna mal-ewwel niżviluppaw fi Svizzera fil-qalba tal-Mediterran.)

Din l-analoġija ta' Svizzera fil-Mediterran kellha terġa' tagħmel ritorn kważi 40 sena wara meta l-Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant użaha biex jispjega l-kunċett tiegħu ta' Partnership mal-Unjoni Ewropea opposta għall-veduta Nazzjonalista ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.

Mintoff ippropona li Malta kellha tkun parti mis-Suq Komuni Ewropew u li kellha wkoll tadotta rbit kummerċjali simili mal-pajjiżi Għarab ġirien ta' Malta.

 We possess the capability, the strength and the social capital to build a New Malta, the meeting point of unity and commerce between the European continent and the Arab nations. 

(tr. Malti: Aħna nippossjedu l-kapaċità, is-saħħa u l-kapital soċjali biex nibnu Malta ġdida, il-punt fejn l-unità u l-kummerċ bejn il-konttinent Ewropew u n-nazzjonijiet Għarab jiltaqgħu.)

Is-slogan ta' Mintoff, "Malta l-ewwel u qabel kollox" beda jintuża f'mod frekwenti ħafna fil-kitbiet u d-diskorsi ta' Mintoff ta' dak iż-żmien. Ir-retorika ta' Mintoff kienet waħda simili ħafna għal bosta movimenti anti-kolonjali ta' dak iż-żmien, bħal Gamal Abdel Nasser tal-Eġittu, u Makarios III ta' Ċipru.

Fi Frar 1959, il-Kostituzzjoni tal-1947 ġiet irtirata u minflok, Kostituzzjoni temporanja ġiet fis-seħħ fil-15 ta' April, 1959. Malta għal darb'oħra kienet mingħajr il-Gvern Awtonomu u l-Parlament tagħha. It-tmexxija issa kienet f'idejn il-Gvernatur assistit minn grupp ta' konsulenti. Dan ġie magħruf bħala Malta (Constitution) Order in Council, 1959.

Bejn l-1955-58 il-gvern Laburista kien leħaq implimenta partijiet mill-programm elettorali tiegħu, fejn twettqu bosta riformi soċjali li kienu l-pedament li fuqu inbena l-Welfare State fis-snin sebgħin u tmenin. F'dan iż-żmien, tkompliet ir-rikostruzzjoni ta' ħafna żoni milquta fit-Tieni Gwerra Dinjija, inbnew 33 skola ġdida, u bosta oqsma residenzjali.

Il-Kwistjoni Politiko-Reliġjuża tas-Sittinjiet

immodifika

Fis-snin sittin, il-Knisja Kattolika Maltija mmexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi kompliet topponi lill-Malta Labour Party. Il-knisja kienet determinata li ma tħallix lil Mintoff jakkwista l-poter partikolarment minħabba l-politika soċjalista li kien iħaddan u l-pjanijiet sekularisti tiegħu. F'Ittra Pastorali maħruġa fl-1960, il-Knisja għamlitha ċara li ħadd ma jista' jkun Soċjalist tajjeb u Nisrani sinċier fl-istess ħin. Min-naħa tiegħu, l-MLP kien jinsisti li mhux minnu li l-Partit hu kontra l-Knisja, u kien jisħaq li l-politika Soċjalista kienet sinonima mat-twemmin Nisrani; iżda kien kollu għalxejn.

Lorry Sant, trade-unionist militanti, editur tal-gazzetta laburista The Struggle u iktar 'l quddiem, ministru Laburista, ġie mogħti l-interdett mill-awtoritajiet tal-Knisja talli kkritika l-ittra pastorali tal-Arċisqof f'wieħed mill-artikli tiegħi.

F'mass meeting f'Ħaż Żabbar, bħala risposta għad-deċiżjoni tal-Knisja, Mintoff stqarr li:

 Aħna ħdimna u għadna naħdmu fl-interess tal-ħaddiema, l-istess kif għallimna Sidna Ġesù Kristu. Aħna npoġġu dan it-tagħlim fil-prattika. Ġejna akużati għax konna kuraġġużi biżżejjed li niddikjaraw li aħna kontra l-Ingliżi f'din il-ġlieda għall-Indipendenza. Aħna ħa nkompli niġġieldu għall-pajjiżna, imma ngħidulhom “tikkolaborawx mal-Gvern Ingliż”. Imbagħad inkunu nistgħu ningħaqdu bħall-aħwa, għax aħna xorta għadna aħwa. F'din it-taqbida mbierka u ġusta għal-libertà, Alla huwa magħna. 

Eventwalment fl-1961, il-Knisja Kattolika Maltija ddikjarat sanzjonijiet reliġjużi kontra Mintoff u l-kollegi tiegħu tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit, kif ukoll kontra partitarji attivi tal-Partit Laburista. Daħal l-interdett u nies bi twemmin laburista ġew imċaħħda milli jattendu funzjonijiet reliġjużi. Kienu ħafna dawk li kellhom jiżżewwġu fis-sagristija minħabba dawn is-sanzjonijiet, mingħajr funzjoni propja, jew inkella ma ngħatawx assoluzzjoni mill-qrar. Il-knisja waslet ukoll sabiex iddikjarat li partitarji Laburisti ma setgħux jiġu midfuna fil-parti kkonsagrata taċ-ċimiterju, iżda f'fossa waħda mhux ikkonsagrata, magħrufa bħala, 'il-miżbla'. Bejn l-1961 u l-1963, mietu seba' attivisti Laburisti, fosthom il-kittieb prolifiku u l-eks-Ministru Ġużè Ellul Mercer, li kollha ġew midfuna fil-"miżbla".

Il-quċċata tal-kwistjoni politiko-reliġjuża min-naħa tal-knisja waslet fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1962, fejn il-knisja ddikjarat li kull appoġġ (bħal pereżempju l-attendenza fil-meetings u l-qari tal-gazzetti laburisti) u vot lejn l-MLP kien ser jiġi ikkunisdrat bħala dnub mejjet. Ħarġet tgħid ukoll lin-nisa miżżewġa li jekk jaħilfu lil żwieġhom li huma kienu vvutaw lill-Partit Laburista, anke jekk dan fil-verità ma jkunux għamluh, dan l-att ma kienx ser jiġi kkunsidrat bħala ġurament falz. Huwa magħruf ukoll li ħafna qassisin li ma kinux jaqblu ma' dawn il-miżuri ġew sfurzati biex iħallu l-pajjiż bl-iskuża li kienu ser jingħataw xogħol ta' missjunarji f'pajjiżi mbiegħda. L-iktar każ li baqa' magħruf, għalkemm mhux l-uniku, kien dak tal-istudjuż bibbliku ta' fama internazzjonali l-Professur Pietru Pawl Saydon. Nhar is-26 ta' Marzu 1966, fl-ewwel jum tal-votazzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali tal-1966, Saydon f'intervista ma' L-Orizzont, kien qal li "fil-Pastorali dwar l-elezzjonijiet m'hemm l-ebda dnub imsemmi u għalhekk min jivvota Labour ma jagħmilx dnub. Kulħadd għandu jivvota skont kif tgħidlu l-kuxjenza." Fl-istess jum, l-Arċisqof Mikiel Gonzi ssospenda lil Saydon mid-dmirijiet saċerdotali. F'dan iż-żmien Saydon ġie mgħajjar miġnun, skumnikat u xiżmatiku, u sofra ħafna anke minn nies li ħlief ġid ma kienx għamel magħhom. Ġieli tbiegħed minn Malta biex jeħles mill-azzjonijiet ħżiena li spiss kienu jsirulu minn xi wħud.

Waqt attivitajiet tal-Partit Laburista, kienu jindaqqu l-qniepen tal-knejjes kif ukoll kien ikun hemm min idoqq is-sfafar biex itellfu d-diskors.

Apparti l-Partit Nazzjonalista, il-Christian Workers Party, in-Nationalist Democratic Party, il-Progressive Constitutional Party u l-Christian Democratic Party kienu skjerati kontra l-Partit Laburista.

Fl-elezzjonijiet tal-1962, il-programm elettorali tal-Partit Laburista ippropona fost oħrajn, politika ta' libertà tal-kuxjenza, drittijiet ugwali, u d-drittijiet sovrani tan-nazzjon jiffurmaw parti mill-ġurisdizzjoni Maltija, fl-istess linja maċ-Charter tal-Ġnus Magħquda.

Is-Sitt Punti

immodifika

Il-Partit Laburista, fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet saħaq kemm-il darba li ma kienx ser imur kontra l-prinċipji Kattoliċi, u li kien favur it-tneħħija ta' privileġġi li kienu qed iżommu lura il-progress soċjali u ekonomiku. Il-Partit Laburista ibbaża l-pretensjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjoni bejn l-istat u l-knisja fuq sitt punti kruċjali. Dawn kienu:

  • Dritt ta' kull ċittadin li jiżżewweġ biż-żwieġ ċivili
  • Dritt ta' kull ċittadin li jekk irid, jeżenta lil uliedu mit-tagħlim reliġjuż fl-iskejjel
  • Dritt ta' kull ċittadin li jindifen fiċ-ċimiterju
  • Dritt tal-Pulizija li tidħol fil-knisja ħalli twaqqaf id-daqq tal-qniepen jew tfixkil ieħor waqt meetings pubbliċi
  • Il-Moralità pubblika f'Malta tkun interpretata skont il-prinċipji aċċettati fl-Ewropa tal-Punent
  • Dritt għall-elezzjonijiet ħielsa mingħajr dnub mejjet. Kull ċittadin, inkluż il-kleru, ikun indaqs quddiem il-liġi

Il-Partit Laburista ried li l-pajjiż ikun stat lajku u mhux influenzat b'mod qawwi mill-Knisja; l-ugwaljanza bejn reliġjonijiet differenti; ir-rikonoxximent legali taż-żwieġ ċivili (dan daħal fl-1975 minn Gvern Laburista) u anki d-divorzju għal min kien jemmen fih (dan daħal b'referendum fl-2011); it-taghlim tar-religjon fl-iskejjel tal-Istat li jingħata biss lil min jixtiequ; li l-iskejjel privati jgħaddu minn proċess ta' spezzjoni qabel jikkwalifikaw għall-fondi mill-Gvern; is-servizzi soċjali jingħataw lil kulħadd mingħajr diskriminazzjoni (anki lil tfal imwielda barra ż-żwieġ); li l-Knisja tagħti kontribut finanzjarju u l-privilegum fori jkun ristrett; iċ-ċensura fuq l-arti tkun ħielsa mill-influwenza tal-Knisja; u li l-Knisja ma tindaħalx fl-affarijiet tal-Istat.

Fl-elezzjonijiet ta' Frar 1962, avolja kien hemm sanzjonijiet reliġjużi ħorox, l-MLP xorta irnexxilu jakkwista l-akbar numru ta' voti indirizzati lejn partit (50,974) - dawn il-Partit beda jsejħilhom "Suldati tal-Azzar" - iżda dawn ma kinux biżżejjed biex jissuperaw il-voti li ġabet l-koalizzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma' erba' partiti politiċi oħra. Il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ 16-il siġġu minn 50 u 33.8% tal-voti. In-Nazzjonalisti rebħu 25 siġġu u Ġorġ Borg Olivier reġa' sar Prim Ministru ta' Malta.

Il-Mixja lejn l-Indipendenza

immodifika

Fis-sittinijiet bdew diskussjonijiet formali mal-Ingilterra bl-iskop li tinkiseb l-Indipendenza. Il-Malta Labour Party għamel bosta proposti u emendi għall-kostituzzjoni iżda ħafna minnhom ġew injorati. Ħafna minn dawn il-proposti kienu immirati biex iġibu rikonċiljazzjoni mal-Knisja kif ukoll riformi demokratiċi iktar moderni. Dawn kienu jinkludu fost oħrajn ir-rikonoxximent tal-Reliġjon Kattolika bħala r-Reliġjon Uffiċjali ta' Malta, ugwaljanza bejn kull ċittadin quddiem il-liġi, libertà tal-kuxjenza, żwieg ċivili, edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel statali, drittijiet umani fundamentali, libertà tal-espressjoni u t-tmiem tal-‘prattiki korrotti' b'riferenza għall-libertà tal-persuna li tivvota kif jidrilha hi mingħajr interferenza minn reliġjon. L-Ingilterra ħadet din l-opportunità biex tinnegozja trattat li kien jiffavorixxi l-interessi tagħha f'kull aspett. Filwaqt li l-Gvern Malti deher li kien ser ikollu poter amministrattiv totali fuq il-gżira, s-setturi l-iktar importanti tal-pajjiż, inklużi id-difiża, il-Port il-Kbir, it-tarzna, il-kommunikazzjoni, l-ajruport, kif ukoll parti sewwa tat-territorju nazzjonali, xorta kienu ser ikunu kkontrollati mill-Ingliżi. Mintoff iġġieled kontra dawn it-trattati mingħajr suċċess, iżda wiegħed reviżjoni hekk kif il-Partit Laburista jitla' fil-poter.

Eventwalment, bejn it-2 u l-4 ta' Mejju 1964, sar ir-referendum dwar l-Indipendenza. Kienu marru għal votazzjoni 45%. F'din il-votazzjoni, 56% tal-votanti vvotaw favur l-Indipendenza. Malta akwwistat l-indipendenza tagħha ftit xhur wara, fil-21 ta' Settembru, 1964.

1966-69: Lejn il-Paċi bejn il-Knisja u l-Partit Laburista

immodifika

Fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1966, il-Knisja għal darb' oħra lagħbet rwol importanti, peress li s-sanzjonijiet imposti fuq il-Partit Laburista u s-sostenituri tiegħu, kienu għadhom fis-seħħ. Iż-żminijiet kienu qed jinbidlu, u l-knisja kattolika indunat b'dan. Għalhekk din id-darba is-sanzjonijiet ma kienux proklamati b'mod ferventi pubblikament bħalma ġara fl-elezzjonijet ta' qabel. Iżda dan ma jfissirx li kienu inqas effettivi. Infatti kien għad hemm ħafna qassisin li waqt l-omeliji tagħhom minn fuq il-pulptu, kienu jgħaddu kummenti kontra l-Partit Laburista. Kif kien mistenni, l-elezzjonijiet intrebħu mill-Partit Nazzjonalista, iżda l-Partit Laburista mar aħjar mill-elezzjonijjiet preċedenti tal-1962 u żied konsiderevolment l-ammont ta' voti. Il-Partit Laburista, rebaħ 22 siġġu minn 50 u 43.1% tal-voti. It-28 siġġu l-ieħor intrebħu kollha mill-Partit Nazzjonalista, bil-partiti ż-żgħar ma jirnexxielhom itellgħu kandidat. Ġorġ Borg Olivier b'hekk baqa' Prim Ministru.

Sar ċaqliq fir-relazzjonijiet bejn il-knisja u l-Partit Laburista meta ntbagħat f'Malta, l-isqof Emmanuel Gerada li kien jifforma parti mill-korp diplomatiku tal-Vatikan. Infatti f'April 1969, wara ħafna diskussjonijiet, iż-żewġ naħat laħqu ftehim u Mons. Gerada iffirma trattat mal-Partit Laburista li kien jgħid li l-Knisja ma kellix tindaħal iktar fi kwistjonijiet politiċi u li kellhom jiġu wkoll irtirati s-sanzjonijiet kollha kontra l-Partit Laburista. B'hekk il-Partit Laburista seta' fl-aħħar jikkonċentra biss fuq kwistjonijiet politiċi minflok jinħela fi ġlied żejjed kontra l-knisja.

Iktar 'l quddiem, l-Isqof Ġużeppi Mercieca kellu jieħu post l-Arċisqof Gonzi, bħala kap tal-Knisja Kattolika f'Malta. Intant, is-sitt punti msemmija mill-Partit Laburista rigward ir-relazzjoni bejn l-istat u l-knisja, kienu iktar il-quddiem, inklużi fil-Kostituzzjoni Repubblikana tal-1974.

1971: Mintoff lura fil-Gvern wara 13-il sena

immodifika

Lejn l-aħħar tas-snin sittin, ftit qabel l-elezzjonijiet tal-1971, l-oppożizzjoni Laburista immexxija minn Mintoff, flimkien mall-General Workers Union, bdew ipoġġu pressjoni fuq il-Gvern Nazzjonalista biex jinsisti għall-trattament aħjar mill-Ingliżi, u bdew jorganizzaw ħafna azzjonijiet industrijali, li kien jinkludi ukoll kwistjoni dwar it-tarzna li damet seba' xhur.

Fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1971 l-MLP u l-GWU ippreżentaw programm konġunt imsemmi 'Malta Maltija fil-Paċi u l-Progress'. Il-programm kien definit bhala wieħed soċjal-demokratiku, u il-wegħdiet prinċipali kienu jinkludu it-twaqqif ta' ftehim dwar forzi militari barranin f'Malta, l-introduzzjoni ta' leġislazzjoni soċjali bħal ġimgha ta' 40 siegħa, il-paga minima, riforma fuq it-taxxa tad-dħul u pjan ekonomiku li kien jemfasizza fuq l-edukazzjoni, l-industrija, agrikoltura u sajd, turiżmu, housing, children's allowance u forom oħrajn ta' welfare.

Il-programm emfasizza ukoll fuq id-drittijiet ugwali mingħajr distinzjoni ta' razza, kulur jew twemmin, kif ukoll id-dover li jwaqqaf it-tbatija u s-sofferenza li tirriżulta minn nuqqas ta' ugwaljanza bejn is-sinjur u l-fqir. Il-Partit Laburista wiegħed ukoll 50% parteċipazzjoni tal-Union fit-tmexxija tat-tarzna sabiex tkun tista' tiġi rranġata is-sitwazzjni ekonomika.

Għall-elezzjonijiet ġenerali tal-1971, il-Partit Laburista iddeċieda li jiġġieled l-elezzjoni ġenerali fuq il-kwistjonijiet li kienu qed jifnu l-pajjiż f'dak iz-zmien: il-korruzzjoni, il-qagħad u l-emigrazzjoni (ta' min isemmi li ftit xhur qabel, eluf ta' Maltin kienu emigraw lejn il-Kanada u l-Awstralja biex ifittxu ħajja u futur aħjar).

Il-kampanja elettorali kienet pjuttost kwieta. L-MLP rebaħ l-elezzjonijiet bi 28 siġġu minn 55 fil-Parlament, u 50.8% tal-voti, kontra it-48.1% tal-voti mirbuħa minn Nazzjonalisti u l-1% tal-Progressive Constitutionalists. Il-Partit Laburista rnexxielu jirbaħ l-elezzjonijiet għalkemm għamel dan b'maġġoranza minima ta' siġġu wieħed biss fil-Parlament. Din il-maġġoranza ta' siġġu wieħed kienet perikoluza għall-Partit Laburista. Xi individwi ippruvaw jikkorompu MP Laburista biex jaqsam il-kamra. Il-ħatja eventwalment ġew arrestati u mhux talli l-pjan fallielhom, talli kien MP nazzjonalist li qasam il-kamra, b'hekk il-Partit Laburista issa kellu maggoranza ta' tliet siġġijiet. Iktar 'l quddiem, d-deputat Laburista Paul Carachi talab lill-Ispeaker tal-Kamra għal siġġu fin-nofs sabiex ikun jista' jkollu status indipendenti.

Issa li kien fil-poter, il-Gvern Laburista seta' jimbarka fuq il-proġett ta' industrijalizzazzjoni tal-pajjiż.

L-ewwel ħaġa li għamel Mintoff mal-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru, kienet li neħħa lil Sir Maurice Dorman minn Gvernatur ta' Malta, u minn floku laħħaq Malti, Sir Anthony Mamo; fl-1974 Sir Anthony Mamo ġie maħtur bhala l-ewwel President tar-Repubblika ta' Malta.

Vapuri tal-Gwerra Amerikani ma tħallewx jużaw il-portijiet Maltin, u l-Kmandant tan-N.A.T.O. ġie ddikjarat persona non grata u għalhekk kellu jitlaq minn Malta, bil-kwartieri tan-N.A.T.O. jiġu magħluqa.

Sadanittant, Mintoff laħaq bosta ftehim ma' pajjiżi barranin, bl-intenzjoni li jattira investiment lejn Malta u jingħata għajnuna finanzjarja; l-iktar għajnuna konkreta waslet mill-Libja u l-pajjiżi Komunisti, bħall-Unjoni Sovjetika u ċ-Ċina.

L-ewwel gvern tal-Punent li jiftaħ relazzjonijiet maċ-Ċina Komunista

immodifika

Fil-31 ta' Jannar, 1972 il-Gvern Laburista mmexxi minn Mintoff stabbilixxa relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dan wassal ghall-kummerċ bejn iz-żewġ pajjiżi u bl-għoti ta' għajnuna finanzjarja mingħajr interessi miċ-Ċina, seta' jinbena baċir kbir ta' 300,000 tunnellata fit-tarzna ta' Malta, kif ukoll il-bini ta' breakwater fil-port ta' Marsaxlokk. Bdew isiru ukoll xi skambji fuq livelli edukattivi u kulturali bejn studenti Ċiniżi u studenti Maltin, kif ukoll skambji ghal skopijiet militari bejn il-forzi armati taz-żewġ pajjiżi. Dawn saru apparti bosta ftehim iehor f'oqsma diversi bhas-saħħha, mediċina, turiżmu, trasport, xjenza u teknoloġija. Mintoff kien ukoll wieħed mill-ewwel mexxejja ta' pajjiżi tal-punent li żar iċ-Ċina ta' Mao, mossa li kienet pjuttost kontroversjali dak iż-żmien.

1972: Trattat ta' Difiża mal-Ingilterra

immodifika

Fis-27 ta' Marzu, 1972, il-Ftehim ta' Difiża għal 7 snin ġie iffirmat bejn il-Gvern Laburista rappreżentat minn Dom Mintoff u l-Gvern Ingliż (Lord Carrington). Permezz tiegħu Malta kienet ser tirċievi 14-il miljun lira fis-sena mill pajjiżi tan-N.A.T.O. biex l-Ingilterra tkun tista' iżżomm il-bażi militari tagħha f'Malta. Dan il-ftehim kellu jintemm f'Marzu 1979, meta Malta kellha tkun ħielsa mill-forzi militari Ingliżi. Barra minn dan, Malta kienet ser tirċievi miljun lira fis-sena f'għajnuna ekonomika u żewġ miljuni u nofs oħra f'għajnuna mingħand l-Italja.

It-Tarzna

immodifika

Dwar it-tarzna, fejn il-Partit Laburista wiegħed li jintroduċi 50% parteċipazzjoni tal-Union fit-tmexxija, Mintoff iddeċieda li jattwa miżuri ta' razzjonalizzazzjoni qabel dik il-proposta tiġi fis-seħħ. F'meeting li għamel għall-ħaddiema tat-tarza fil-15 ta' Marzu, 1973, fi Pjazza Gavino Gulia f'Bormla, Mintoff wera d-diżapprovazzjoni tiegħu għan-nuqqas ta' ħeġġa tal-ħaddiema u tahom tliet għażliet: ir-riżenja tiegħu, il-falliment tat-Tarza jew inkella li Mintoff jieħu r-riedni f'idejh għall-sitt xhur. Il-ħaddiema ivvutaw għat-tielet proposta b'turija ta' idejn. Mintoff imbagħad beda jispjega bosta proposti li kellu għat-tarzna, fosthom t-tneħħija tas-sistema tax-shifts; din wasslet biex għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, it-tarzna tagħmel qliegħ, liema żmien dam sejjer għal seba' snin.

Mintoff u l-Libja ta' Gaddafi

immodifika

Nhar l-1 ta' Settembru 1969 is-Sultan Idris tal-Libja kien imneħħi b'kolp ta' stat immexxi minn kurunell tal-armata ta' 27 sena jismu Muammar Gaddafi. L-armata rivoluzzjonarja neħħiet il-monarkija u pproklamat il-Ġamaħarija Libjana Għarbija Soċjalista tal-Poplu, b'kunsill rivoluzzjonarju fil-kmand tal-pajjiż b'Gaddafi jkun iċ-chairman tiegħu għal għomru. Qabel l-elezzjoni tal-1971, Mintoff kien wiegħed li jekk jitla' hu se jġib għajnuna mil-Libja. Il-Partit Nazzjonalista u Mabel Strickland kkritikaw ir-rabtiet ta' Mintoff mal-Libja. Kif Mintoff rebaħ l-elezzjoni, mill-ewwel bdew it-taħdidiet mal-Libja. Il-Libja tat lill-Gvern ta' Mintoff 3 miljun lira Maltija kif telqet il-marina Ingliża minn Malta, bil-kundizzjoni li l-faċilitajiet militari ta' Malta qatt ma jerġgħu jintużaw biex jintbagħtu supply missions lil Israel (kif Gaddafi allega li kien ġara fil-Kriżi tal-Kanal tas-Swejs tal-1956 u l-Gwerra tal-1967).

Mill-1973 Mintoff beda politika ta' rapprochement kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi, li Mintoff kien isejħilhom aħwa mid-demm, blood brothers. Beda x-xogħol fuq moskea f'Kordin, immexxija minn fondazzjoni Libjana, il-‘World Islamic Society'. Infetħu Istituti Kulturali Libjani f'Tas-Sliema u l-Belt u mijiet ta' Maltin sabu impjiegi fil-Libja. Dak li għal 26 sena kien is-St Michael's Training College f'Ta' Ġiorni, fejn il-Freres ta' De La Salle kienu jħarrġu lill-għalliema rġiel, sar skola Libjana Al Fateh. Meta l-prezz internazzjonali taż-żejt għola fil-kriżi tal-1973, Mintoff laħaq ftehim mal-Libja, li kellha tagħti lil Malta ż-żejt kollu li kellha bżonn għall-ekonomija tagħha bi prezz preferenzjali.

Fl-1979 Gaddafi wiegħed “appoġġ totali” lil Malta, hekk kif l-aħħar suldati Ingliżi telqu minn Malta. Għaċ-ċerimonja ta' Jum il-Ħelsien, Gaddafi kien l-uniku mexxej ta' pajjiż preżenti, b'delegazzjoni kbira ħafna. Il-media oċċidentali spekulat fuq il-possibiltà li Malta tallinea ruħha militarment mal-Libja imma dan qatt ma ġara.

Fl-1980 inqalgħet tilwima bejn il-Libja u Malta, meta Saipem 2 – rig taż-żejt Taljan ikkummissjonat mit-Texaco biex ifittex iż-żejt f'isem il-Gvern Malti – kien avviċinat minn gunboats u sottomarin Libjani u mġiegħel jieqaf iħaffer fil-Medina bank, 68 mil nawtiku fix-xlokk ta' Malta. Iż-żewġ pajjiżi jgħidu li għandhom il-ġurisdizzjoni territorjali fuq dik iż-żona tal-Pjattaforma Kontinentali, u fl-1982 il-kwistjoni marret quddiem il-Qorti Internazzjonali fil-Ħag.

Minkejja dan, bejn l-1982 u l-1984 ir-relazzjonijiet kulturali u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jikbru. Iċ-ċertifikat matrikulari f'Livell Ordinarju fl-Għarbi sar obbligatorju biex tidħol l-Università ta' Malta. Ġie ffirmat Trattat ta' Ħbiberija u Koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, li kien jinkludi protokoll ta' sigurtà li bih il-forzi Libjani riedu jħarrġu u jarmaw lis-suldati Maltin. U l-Libjani ma kellhomx bżonn aktar ta' visa biex jidħlu Malta.

Mintoff baqa' ħabib ta' Gaddafi u tal-Libja anke fis-snin ta' wara. Fiż-żjara tal-President Eddie Fenech Adami fil-Libja fl-2008, Gaddafi staqsa fuq saħħet Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici. Fl-1998, Mintoff kien assenti waqt vot importanti li kellu jittieħed fil-Parlament għax kien il-Libja u l-Prim Ministru Alfred Sant ikkritikah fuq dan il-fatt. Nhar id-19 ta' Ġunju 1998, Mintoff fil-Parlament qal hekk:

 Kelli dritt immur il-Libja jew ma kellix? Kelli dritt inżur ħabib tiegħi - u dan m'huwiex xi brigant jew xi ħalliel imma l-mexxej Libjan - li ilu jistedinni biex immur hemmhekk imma ma kellix is-saħħa biex immur? Imma issa kelli s-saħħa u mort... Jien mort hemmhekk fuq żjara privata u tkellimt miegħu kemm fuq affarijiet privati u kemm fuq affarijiet oħra. Miegħi kien hemm sħabi wkoll u nista' ngħid li ttrattana ħafna aħjar milli kien jittratta ministri proprju għaliex kienet żjara privata. Jiena domt nitkellem miegħu għal aktar minn tliet kwarti, imma wara kwarta - għaliex indunajt li kien ma jiflaħx u kellu riħ kbir u wegħedtu li nibgħatlu affarijiet għas-sogħla ħalli jfejquh u fil-fatt bgħatthomlu l-għada stess - għedtlu: Mhux aħjar nieqfu għaliex tidher għajjien?, u huwa qalli: Le... U fuqiex tkellimna? Tkellimna kif Malta u l-Libja jistgħu jsaħħu u jtejbu r-relazzjonijiet tagħhom għall-ġid tat-tnejn... Jiena mhux talli m'għandix x'naħbi talli għandi biex niftaħar għaliex dan ix-xogħol imissu għamlu l-Ministru tal-Foreign Affairs jew il-Prim Ministru. 

Il-Konferenza ta' Helsinki

immodifika

Mintoff minn dejjem saħaq fuq il-ħtieġa ta' paċi fil-Mediterran fil-Konferenza ta' Helsinki tal-1975. l-pajjiżi Ewropej, l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Unjoni Sovjetika kienu qegħdin jiddiskutu f'Helsinki, fil-Finlandja, ftehim għall-paċi. Mintoff kien qal fil-Konferenza li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. Huwa ried li fid-dikjarazzjoni finali tal-laqgħa jkun hemm kapitlu dwar il-Mediterran u qalilhom ukoll li hu ma kienx lest li jiffirma d-dikjarazzjoni qabel ma jidħol fid-dikjarazzjoni l-kapitlu dwar il-Mediterran. Mintoff qanqal ir-rabja tal-Istati Uniti kif ukoll tal-Unjoni Sovjetika, li stagħġbu kif stat tant żgħir bħal Malta kien qiegħed iżomm ix-xogħol ta' din il-konferenza internazzjonali.

Il-Gvern ta' Mintoff kien iddikjara wkoll li Malta tkun stat newtrali u li tkun tagħmel parti mill-Moviment tal-Pajjiżi Mhux Allineati. Din id-dikjarazzjoni kienet intbagħtet u ġiet depożitata fl-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda u nbagħtet ukoll lill-potenzi ewlenin tal-Ewopa u tad-dinja. Fl-1973, Malta ssieħbet fil-Moviment Non-Allineat, li kien jinkludi bosta pajjiżi tat-tielet dinja bħall-Indja, Kuba u l-Alġerija; Malta saret ukoll membru tal-Grupp tas-77. Biex jiddefendu l-istat ta' newtralità ta' Malta, il-Gvern ta' Mintoff kien għamel patt u ftehim mal-Italja, ieħor mal-Libja u ieħor mal-Unjoni Sovjetika. F'dawn il-pattijiet kien maħsub ukoll li dawn il-pajjiżi jgħinu finanzjarjament u ekonomikament lil Malta. Il-Gvern ta' Mintoff ried ukoll jagħmel patt ukoll mal-Istati Uniti, iżda din ma qablitx.

L-Air Malta

immodifika

Fil-21 ta' Marzu, 1973 il-parlament Malti approva mozzjoni tal-Prim Ministru Laburista, Dom Mintoff, biex titwaqqaf kumpanija nazzjonali tal-ajru - l-Air Malta. L-Air Malta ġiet imwaqqfa bl-assistenza tal-Gvern tal-Pakistan. Il-kumpanija nazzjonali irċiviet ħafna kritika mill-oppożizzjoni Nazzjonalista, li ppreferew jagħmlu użu minn kumpaniji tal-ajru barranin milli dik lokali.

Bank of Valletta

immodifika

Fit-23 ta' Marzu, 1974 gie mhabbar il-ftuh tal-Bank of Valletta, l-ewwel bank kollu kemm hu Malti. 60% ftal-ishma fil-bank kienu ser ikunu f'isem il-Gvern Malti filwaqt li l-40% l-ohra kienu ser jinbiegħu lil pubbliku Malti.

Miżuri oħra tal-Gvern Laburista (1971-1976)

immodifika

Il-Gvern ta' Mintoff waqqaf bosta miżuri fosthom:

  • In-nazzjonalizzazzjoni kif ukoll il-bidu ta' bosta kumpaniji propjetà tal-istat, fosthom l-Air Malta, is-Sea Malta, il-Bank of Valletta, il-Mid-Med Bank, it-Telemalta u x-Xandir Malta;
  • Tnaqqis fid-differenza fis-salarji bejn l-ogħla u l-iktar grad baxx fis-servizzi ċivili;
  • L-għoti ta' żieda għall-għoli tal-ħajja u bonuses bi flat rate minflok b'perċentwali;
  • L-introduzzjoni tas-sistema PAYE (Pay-As-You-Earn) u higher ceiling fejn tidħol it-taxxa tad-Dħul;
  • Il-bidu ta' skema nazzjonali tas-saħħa;
  • Id-demolizzjoni ta' slums u l-bini ta' bosta units residenzjali għall-ħaddiema u l-familji tagħhom;
  • Xiri bulk-buying ta' prodotti mportati bħall-ħalib, zokkor u butir bi prezzijiet orħos;
  • Bosta riformi fil-leġiżlatura industrijali bħal pereżempju, it-tnaqqis tal-working week għal 40 siegħa u liġi favur paga ndaqs għal ħaddiema nisa;
  • Iż-żieda fin-nefqa għas-servizzi soċjali kif ukoll l-introduzzjoni ta' servizzi bħaċ-Children's Allowance;
  • It-tneħħija ta' streaming u eżamijiet fi skejjel statali;
  • Bosta proġetti turistiċi;
  • Inbnew oqsma industrijali ġodda u dawk eżistenti ġew imkabbra;
  • Ġiet mibnija pista tal-ajru ġdida li kienet takkomoda vetturi tal-arju kbar;
  • L-introduzzjoni ta' korpi tax-xogħol bħall-Korpi tal-Pijunieri, li kienu jagħmlu bosta xogħol ta' kostruzzjoni. Membri ta' dawn il-korpi kienu miċħuda mid-dritt li jissieħbu trade unions.

Il-Gvern Laburista kien jemmen fl-intervent tal-istat fl-ekonomija tal-pajjiż, speċjalment fejn is-settur privat kien jonqos milli jieħu l-inizzjattiva.

Malta Repubblika

immodifika
 
Il-Prim Ministru Dom Mintoff u Sir Anthony Mamo, fiċ-ċerimonja li fiha Mamo ġie ddikjarat l-ewwel President tar-Repubblika ta' Malta

Fit-13 ta' Diċembru 1974, Malta saret uffiċjalment Repubblika, u għalhekk ġiet introdotta kostituzzjoni ġdida. Din il-kostituzzjoni li bħal dik Taljana, kienet tiddikjara li Malta kienet repubblika bbażata fuq ix-xogħol, introduċiet bosta artikli, bħal dak li kien jippermetti d-dritt għall-vot lil persuni ta' il-fuq minn 18-il sena fl-elezzjonijiet ġenerali.

49 membru tal-Parlament ivvutaw favur din il-kostituzzjoni filwaqt li 6 membri Nazzjonalisti astjenew. Ta' min jgħid li dawn kienu Ġorġ Borg Olivier u dawk l-aktar qribu. Dan l-avveniment immarka wkoll it-tmiem tal-karriera politika ta' Dott. Borg Olivier, għaliex ftit wara l-elezzjonijiet tal-1976 laħaq floku Dott. Eddie Fenech Adami. Fl-elezzjonijiet tal-1976 il-Partit Laburista gab l-ikbar maggoranza ta' voti qatt registrati fl-istorja politika ta' Malta.

1976: It-Tielet Gvern ta' Mintoff

immodifika

Il-gvern immexxi minn Dom Mintoff kompla bil-ħidma tiegħu u bena' għadd kbir ta' oqsma residenzjali, kif ukoll ħadem biex itejjeb l-infrastruttura. Inbena sptar ġdid ħdejn l-isptar eżistenti (L-Isptar San Luqa).

Fl-1976, saru l-ewwel elezzjonijiet ġenerali taħt il-kostituzzjoni tar-Repubblika ta' Malta. Il-programm elettorali tal-Partit Laburista intitolat "Lejn Malta Soċjalista 'l Quddiem fis-Sliem" poġġa emfasi fuq il-kredenzjali tal-Gvern Laburista, li kien jemmen fis-soċjaliżmu demokratiku. Ġie dikjarat ukoll li Malta setgħet tevolvi f'familja kbira soċjalista, kif ukoll li x-xogħol kien il-mezz kif il-bniedem seta' jikseb l-emanċipazzjoni. Fost ħafna proposti, kien hemm ukoll:

• Il-possibiltà ta' full-employment;
• Attivitajiet kummerċjali kellhom fejn jistgħu, jiġu mħollija f'idejn il-Maltin;
• Il-kontinwazzjoni tal-politika tan-non-alignment

Il-Partit Labruista reġa' rebaħ l-elezzjonijiet b'51.5% tal-voti u 34 siġġu fil-Parlament, filwaqt li n-Nazzjonalisti kisbu 48.5% u 31 siġġu. Din it-telfa kienet l-aħħar waħda għal Dott. Borg Olivier, li ġie rimpjazzat minn Dott. Eddie Fenech Adami fl-1977.

Il-Gvern ta' Mintoff kompla bit-twettiq tal-politika soċjalista tiegħu, iżda ta' min jinnota li f'din il-leġislatura kien hemm żieda kbira fid-diżgwid industrijali u vjolenza politika. F'dan iż-żmien Mintoff beda juża frażi oħra popolari "Min mhux magħna kontra taghna".

Fl-1977, meta l-Uffiċju tal-Prim Ministru ħareġ ċirkolari li stqarr li avolja l-Gvern kien jirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema għall-istrajk, id-dritt għall-azzjonijiet industrijali parzjali ma kienux ser jibqgħu rikonoxxuti. F'dan iċ-ċirkolari kien hemm imniżżel ukoll illi dawk kollha li kienu jirrifjutaw li jaħdmu s-sahra, ma kienx ser ikollhom iktar sahra sal-aħħar tas-sena. Ovvjament, dan iċ-ċirkolari ġab miegħu diversi azzjonijiet industrijali u protesti. B'risposta għal dawn, il-Gvern issospenda u ttrasferixxa xi ħaddiema tal-Gvern. Il-Gvern ta' Mintoff ukoll hedded lill-impjegati tal-banek li jekk ma jaċċettawx id-direttivi tal-management, kienu ser jiġu likwidati iż-żewġ banek kummerċjali ta' Malta u posthom jieħdu bank wieħed. Din l-azzjoni kienet tfisser telf kbir ta' impjiegi. L-azzjonijiet industrijali li segwew ġabu magħhom is-sospensjoni ta' numru ta' ħaddiema. Każ simili seħħ ukoll fit-TeleMalta (illum Maltacom), fejn numru ta' ħaddiema ġew sospiżi għal numru ta' xhur. F'dan il-każ, il-Gvern għamel użu mill-korpi tax-xogħol, li kienu suġġetti għal dixxiplina militari, bħala strike-breakers.

Il-Kwistjoni tat-Tobba

immodifika

Fl-aħħar tas-sebgħinijiet il-Gvern ta' Mintoff kellu kwistjoni kbira mal-Assoċjazzjoni tat-Tobba. Ir-raġunijiet ewlenin kienu tnejn. L-ewwel waħda kienet illi l-Gvern obbliga lill-istudenti li jiggradwaw bħala tobba kellhom jagħmlu perjodu ta' reġistrazzjoni ta' sentejn fl-isptar. It-tieni kienet id-deċiżjoni tal-Gvern li jbiddel l-istatus u l-poter tal-Kunsill Mediku. Bosta tobba rrikorrew għall-azzjonijiet industrijali, u bosta minnhom ġew imkeċċija mill-isptarijiet tal-Gvern immedjatament. Dan wassal biex ħafna tobba jiġu mkeċċija minn fuq il-post tax-xogħol u kellhom eventwalment iħallu l-pajjiż. Biex itaffi għan-nuqqas ta' tobba Maltin fl-isptarijiet, il-Gvern malajr impjega tobba barranin biex jirrimpjazawhom. Dan l-aġir wassal għal ħafna kritika minn bosta assoċjazzjonijiet mediċi bħal Assoċjazzjoni Medika Dinjija. Kien f'dan iż-żmien, propjament f'Diċembru tal-1977, li kienet intbgħatet ittra bomba lill-futur Ministru Laburista, il-Professur Edwin Grech, li kien rrifjuta li jieħu sehem fl-azzjonijiet industrijali u minflok aċċetta li jaħdem l-isptar. Din l-ittra infetħet minn bintu Karin, li mietet mal-isplużjoni.

Fil-qasam tas-saħħa, Mintoff ġiegħel lill-isptarijiet privati biex jagħlqu u minflok introduċa servizzi mediċi b'xejn fl-1979. Barra minn hekk, bosta polikliniċi infetħu fl-1981.

Bidliet fl-Edukazzjoni

immodifika

Il-Gvern Laburista ta' Mintoff ukoll implimenta diversi tibdil fis-sistema edukattiva ta' Malta. Fl-1977, ġew riintrodotti l-eżamijiet għal dawk it-tfal minn seba' snin 'il fuq. Fl-1981 daħlet fis-seħħ sistema edukattiva li biha kuntrarju għal dak li seħħ fl-1972, l-istreaming ġie intensifikat. Dan ġara partikolarment minħabba l-fatt li twaqqfu il-Junior Lyceums li kien ser jibda jkollhom attendenza ta' studenti 'l fuq minn 11-il sena li kienu għaddew minn eżami ta' ammissjoni.

Fejn tidħol l-Università, il-Gvern daħħal sistema ta' student-ħaddiem fejn l-istudenti kienu obbligati li apparti li jkollhom il-kwalifiċi neċessarji, kellhom ukoll jalternaw bejn perjodi ta' studju u oħrajn ta' xogħol. Id-dħul fl-Universita beda jiei determinat mhux biss fuq il-bażi tal-kwalifiċi tal-istudenti, iżda wkoll fuq in-neċessità tal-impjegaturi. Ġie imwaqqaf bord li kien jiddeċiedi liema studenti-ħaddiema kellhom jiġu magħżula. Barra minn hekk, bosta korsijiet ġew imwaqqfa u l-fakultà tal-Arti u x-Xjenza ngħalqu. Konsegwentement, bosta għalliema u studenti ħallew l-Università. Bosta akkademiċi u studenti urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għal dawn ir-rigormi, u s-soċjoloġista Ralf Dahrendor, li ġie mqabbad mill-Gvern bħala konsulent, stqarr illi dawn ir-riformi ma kienux ser jgħinu l-edukazzjoni għaliex kienu qed jipproduċu ħaddiema imdejjqa jew studenti mhux kwalifikati biżżejjed.

Fit-8 ta' Novembru, 1977, fil-ġurnata tal-gradwazzjoni, l-istudent universitarju Michael Frendo indirizza lil dawk preżenti u emfasizza fuq il-bżonn li l-iggradwati jiddistingwu bejn il-verità u l-propaganda, is-sinċerità u l-ipokrezija, l-intergrità u l-opportuniżmu, il-libertà u l-iskjavitù. Dan id-diskors qajjem bosta konfronti. Il-President tar-Repubblika u l-Ministru tal-Edukazzjoni ħarġu 'l barra miċ-ċerimonja u bosta sostenituri laburisti daħlu fuq il-kampus u fis-sala u bdew jintimidaw lil dawk preżenti. Fost dawn il-partitarji kien hemm Dennis Sammut, is-Segretarju Amministrattiv tal-Malta Labour Party u Joe Debono Grech, MP Laburista.

Xi partitarji daħlu bil-forza f'Dar l-Istudent, iżda mijiet ta' studenti opponewhom. F'dawn il-konfronti, ħadd ma ġie arresta iżda Frendo ġie mgħoti libell għal difamazzjoni minn żewġ uffiċjali għolja; eventwalment ġie dikjarat mhux ħati.

Sena wara, fil-5 ta' Ottubru, pulizija u partitarji Laburisti sawtu grupp ta' studenti li kienu qed jirritornaw lejn l-Università wara li attendew rally biex jikkomemmoraw il-Ġurnata tal-Istudenti.

Mintoff u l-Unions

immodifika

Fil-21 ta' Marzu, 1978, iż-żewġ komponenti tal-Malta Labour Movement, jiġifieri il-Malta Labour Party u l-General Workers Union ġew statutory partners. B'hekk l-alleanza tagħhom irċiviet status formali. Il-ftehim li ntlaħaq kien jixbah il-ftehim ad hoc li ntlaħaq bejn l-Union u l-Partit fil-leġislatura tal-1971-1976.

Mintoff kien ukoll jistieden bosta trade unions oħra biex jingħaqdu mal-Partit Laburista. Pereżempju, f'meeting fil-Blata l-Bajda fit-28 t' April, 1979, Mintoff stieden lill-dawk li kienu jiffurmat parti mill-Konferderazzjoni tat-Trade Unions ta' Malta; ta' min jinnota imma li ħadd ma aċċetta din l-istedina.

L-Għeluq tal-Bażi Militari Ingliża - 31 ta' Marzu 1979 - Jum il-Ħelsien

immodifika

Fil- 31 ta' Marzu wasal fi tmiemu l-kuntratt dwar il-bażi Militari li kien iffirmat fl-1972 bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż biex dawn tal-aħħar jibqgħu jużaw lil Malta bħala bażi militari. Għal Mintoff u l-Partit Laburista dan kien ifisser il-veru indipendenza ta' Malta u għaldaqstant dan il-jum kien iffesteġġjat bħala Jum il-Ħelsien. Dan l-avvenimenti storiku daħal fil-kalendarju Malti bħala jum ieħor li beda jkun ikkunsidrat bħala Jum Nazzjonali.

 
Il-Prim Ministru Dom Mintoff tiela' fuq il-Monument tal-Ħelsien bit-torċa waqt iċ-ċerimonja tal-31 ta' Marzu, 1979.

Infatti biex tfakkar l-okkazjoni, ġiet mibnija għolja artifiċjali b'monument fuqha. Din l-għolja, magħrufa aħjar bħala l-Għolja tal-Ħelsien inbniet ix-xatt tal-Birgu, ftit metri l-bogħod minn fejn l-aħħar truppi Ingliżi kienu ser jimbarkaw l-aħħar vapur Ingliż li kellu jħalli l-Malta, l-H.M.S. London.

Iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali laħqu l-quċċata f'nofs-il lejl tal-31 ta' Marzu, 1979, fejn eluf ta' Maltin sfidaw il-kesħa u inġabru lejn il-Kottonera biex jassistu għaċ-ċerimonja li fiha Mintoff telgħa l-għolja tal-ħelsien u assista ghall-inżul tal-bandiera Ingliża minn baħri Ingliż, u t-tlugħ tal-bandiera Maltija minn ħaddiem Malti.

Imbagħad, Dom Mintoff flimkien mal-mexxej tal-General Workers Union, Ġorġ Agius, xegħlu t-torċa kommemorattiva mad-tokki tal-qniepen ta' nofs-il lejl.

Dak il-lejl, it-truppi Ingliżi baqgħu abbord l-H.M.S. London, li ħalliet Malta l-għada filgħodu, bil-President tar-Repubblika, Dott. Anton Buttigieg ixejjer lill-bastiment minn fuq is-swar tal-belt Valletta faċċata tal-Port il-Kbir.

It-tluq tal-Ingliżi minn Malta kien ukoll ifisser it-tmiem tal-assistenza finanzjarja mill-Ingilterra. Minn dakinhar, Malta kellha tiddependi biss minnha nnifisha ghall-ghixien. (Ara wkoll Jum il-Ħelsien)

Vjolenza Politika

immodifika

F'dan iż-żmien Malta assistiet għal eskalazzjoni ta' vjolenza politika. Fil-15 t'Ottubru, 1979, ġurnata mlaqqma bħala Black Monday xi hadd pprova attentat ta qtil fuq il-prim ministru Dom Mintoff u dan inzamm mis-segretarji tal-Kastilja stess. " (Li kien sar attentat fuq hajjet il-prim Ministru Dom Mintoff kienet biss storja biex jinhbew il-perpetjuri li holqu il-vjolenza ta' dak inhar filghodu. Fatt li hadd ma jista' jinnegah, ghax l-Inkjesta Muscat Azzoppardi kixfet kollox; Karm Grima, mill-Mosta mar Kastilja biex izomm appuntament ma Dom Mintoff, habib kbir tieghu,u biex iwassallu informazzjoni miktuba fuq ittra,li kien jaf dan Grima fuq ministru kontroversjali minn ta' madwar Mintoff. Informazzjoni kunfidenzjali hafna u li dak inhar filghodu stess, dan il-ministru kien gie infurmat li se jinkixef u ghalhekk ta ordni biex Grima jigi moqtul fuq il-post biex jinghalaq halqu u jehel bil-vjolenza ta' dik il-gurnata. Wara li iddahhal f'kamra maghluqa biex, ghal ta' parsi gej Mintoff, ghax Dom Mintoff kien 10 minuti boghod maqful mad-delegazzjoni Nord Koreana sal-3.00 PM, mil-bieb imbexxaq ta' din il-kamra, xirfu tlitt idejn bil-pistoli f'kull wahda u bdew jisparaw indiskriminalment lejn id-direzzjoni ta' Grima; infatti dan Grima intlaqat bi tlitt bullets mid-disgha li gew sparati.Wara x'hin indunaw li ma mietx dahlu fuqu u komplew ituh bil-butt tal-pistoli sakemm Grima waqa' ma l-art u hasbuh mejjet. Harbu x'hin semghu l-passi tal-cameraman tat-Times li x'hin wasal fuq il-post, minflok ghajjat ghall-ghajjut u hadu lil Grima l-isptar fejn gie ikkurat u ghamlulu 40 punt f'rasu imma l-bullets baqghu f'gismu sa kemm miet, xi 15 il-sena wara. Fuq Grima dan il-ministru infami ma waqafx hemm imma ordna li Grima jinqatel u saru erba attentati ohra fuq hajjet Grima imma gie salvat fl-ahhar bl-intercessjoni stess tal-Perit Mintoff li minn fuq ir-radio ghamel stqarrija li min imiss lil Grima irid jghati kont lilu, Dom Mintoff , innifsu. U hekk l-uniku triq li kien ghad fadlilhom il-familjari ta' Grima kienet li jaccettaw li missierhom imur ghomru Monte Carmeli fuq tlitt certifikati medici foloz, ordnati mil-Ministru tas-Sahha ta' dak iz-zmien u il-frame-up orkestrat minn l-avukat ta' Grima stess, Dr. Guido de Marco ghax hekk kienet l-ahjar ghazla f'dawk iz-zmenijiet hekk kattivi. ara Inkjesta Filletti,L-Inkjesta Muscat Azzoppardi, li Dr. Eddie Fenech Adami ghamel fil-1990 imma hbija fl-istrong room tal-Parlament ghax kixfet li kemm il-PN u kemm l-MLP kienu imdahhla f'dan il-frame-up fahxi fuq Karm Grima. Eventwalment din l-Inkjesta seraqha minn tlitt postijiet differenti u fl-istess hin Dr. Alfred Sant biex jinhbew il-ministri taz-zewg nahhat.Ara mist. Parl. ta'Dr. A. Gatt 14066-sed225-8/6/98, jew Google taht Carmel Grima,Karm Grima fuq ILLUM, Malta today, Times of Malta.) Wara dan, madwar 40 partitarju daħlu fir-residenza privata tal-mexxej Nazzjonalista Fenech Adami fejn aggredew lill-mara tiegħu u għamlu ħerba fid-dar tiegħu. F'dik il-ġurnata stess, l-istess partitarji Laburisti daħlu fil-bini tal-Progress Press u fl-uffiċini tal-gazzetta The Times u kissru l-makkinarju u għamlu ħafna danni fil-bini. Il-Parlament Ewropew kif ukoll bosta mexxejja Ewropej iddeploraw dawn l-inċidenti.

Tlett ijiem wara dawn l-avvenimenti, Mintoff kiteb lil Mabel Strickland, il-propjetarja tal-Progress Press, fejn esprima is-sogħba tiegħu għal dak li kien ġara. Mintoff ukoll kien ikkundana dawn l-atti vjolenti f'intervista mal-gazzetta Taljana 'Panorama' fil-11 ta' Novembru 1979.

Avolja s-sitwazzjoni politika u industrijali fit-tieni nofs tas-sebgħinijiet ma kinitx mill-aħjar, peress li Eddie Fenech Adami ma halliex l-investituri barranin jinvastue f'Malta xorta sal-1979 il-Gvern immexxi minn Mintoff irnexxilu jirdoppja il-Prodott Gross Domestiku ikkumparat ma' dak tal-1974. Kien hemm tnaqqis fir-rata tal-qagħad għal 2.7% u kien hemm żieda ta' impjiegi ġodda minħabba l-espansjoni fis-settur tal-manifattura u t-turiżmu.

Il-Politika Barranija ta' Mintoff fis-sebgħinijiet

immodifika

Fil-leġislatura 1976-1981, il-politika barranija tal-Gvern Laburista kienet pjuttost xettika u tikkritika l-Gvernijiet tal-Pajjiżi tal-Punent u tas-Suq Komuni Ewropew, għalkemm xi mdaqqiet kienet turi l-oppost. Fl-1978 Mintoff kien għamel żewġ stqarrijiet interessanti fil-Parlament:

"Illum hemm żewġ Ewropi: L-Ewropa ta' Kain u l-Ewropa ta' Abel. L-Ewropa ta' Kain moħħha biex tikkonkwista u l-Ewropa ta' Abel hija progressiva. Huwa ma' din l-Ewropa li xi darba rridu nilħqu ftehim."

Mintoff ukoll uża din l-analoġija f'forum Ewropew fi Strasburgu. Iżda avolja kien xettiku mill-Ewropa, Mintoff qatt ma warrab il-possibiltà li eventwalment Malta tingħaqad u ssir parti mill-Komunità Ewropea. Fi kliemu:

"Today we are telling Europe to reach agreement with the Arabs just like we have done. Get powerful enough to get rid of the American and Soviet military bases. When this is achieved we will join you."

(t. Malti: "Illum qd ngħidu l-Ewropa biex nilħqu ftehim mal-Għarab kif għamilna aħna. Issaħħu biżżejjed biex teħilsu mill-bażijiet militari Amerikani u Sovjetiċi. Meta jirnexxielkhom tagħmlu dan, ningħaqdu magħkhom.")

F'intervisti oħrajn, Mintoff spjega li ma riedx li Malta tispiċċa ballun f'idejn iż-żewġ superpotenzi. Huwa ried ukoll jilħaq ftehim mal-Italja u Franza minn naħa, u l-Libja u l-Alġerija minn naħa l-oħra. Huwa stqarr ukoll illi filwaqt li l-Italja u Franza bi kliemhom urew l-interess li jgħinu, kienu il-Libja u l-Alġerija li offrew għajnuna konkreta. Sadanittant, il-Gvern kien ukoll laħaq ftehim importanti ta' newtralità u stabilixxa protokoll finanzjaru mal-Gvern Taljan fl-1980.

L-Elezzjoni tal-1981: Riżultat "Pervers"

immodifika

Fit-3 ta' Jannar, 1981, il-Qrati tal-Ġustizzja ġew sospiżi mill-Gvern. Dawn ġew magħluqa għal aktar minn xahar u ġew rikostitwiti meta l-Gvern introduċa Parliamentary Bill li affettwat drastikament id-drittijiet ta' ċittadin biex ifittex il-Gvern għal danni, kif ukoll introduċiet Kummissjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja.

L-1981 kienet ukoll sena kontroversjali ħafna partikolarment minħabba l-elezzjonijiet ġenerali ta' dik is-sena. Il-Malta Labour Party u l-General Workers' Union ikkontestaw l-elezzjoni flimkien taħt l-isem ta' Malta Labour Movement kontra il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Eddie Fenech Adami. Il-programm elettorali konġunt tal-Partit Laburista u l-GWU kien intitolat 'Mit-Tajjeb Għall-Aħjar' u kien approvat mid-delegati taż-żewġ organizzazzjonijiet rispettivi fil-konferenzi ġenerali u nazzjonali. Il-Partit Laburista kien jappella għall-għaqal u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, biex itejbu s-sitwazzjoni tal-pajjiż. Il-proposti tal-programm elettorali kienu jinkludu:

• Tkomplija ta' xiri bulk-buying ta' materja prima u kumditajiet oħra biex jinżammu prezzjijiet baxxi • Iktar bini ta' oqsma residenzjali, distribuzzjoni ta' pjanti kif ukoll self issussidjat għal dawk li jixtiequ jibdnu d-djar tagħhom.

Rekord ta' 96.1% tal-elettorat ħareġ jivvota fl-elezzjonijiet u l-Partit Laburista, avolja ġab minoranza ta' voti (49.1%) irnexxilu jirbaħ iktar siġġijiet parlamentari min-Nazzjonalisti, li rnexxielhom jirbħu 50.9% tal-voti. B'hekk l-MLP rebaħ l-elezzjonijiet ġenerali għat-tielet darba konsekuttiva. Ir-riżultat ġie meqjus bħala wieħed pervers u filfatt, Mintoff ried li jsiru elezzjonijet ġodda dik is-sena stess biex isolvu din il-polemika. Iżda l-ministri tiegħu ma ridux u b'hekk din baqgħet ma saritx. Din l-anomalija fis-sistema elettorali kienet ikkawżata mill-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964, u għalkemm kien hemm xi diskors biex fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika din tiġi emendata, dan baqa' ma seħħx.

Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa billi ddikjara l-Gvern Laburista bħala wieħed ta' minoranza u akkuża l-Gvern b' jerrymandering. Dan wassal għal ħafna tensjoni fil-pajjiż fis-snin ta' wara. L-ebda MP Nazzjonalista ma attenda l-parlament għal tliet snin sħaħ, u dan apparti n-numru ta' bojkotts li kienu jsiru. Fost dawn kien hmem il-bojkott tat-televiżjoni tal-istat, li dak iż-żmien kien l-uniku stazzjon televiżiv lokali, kif ukoll f'ċerti retail outlets. In-numru ta' theddid minn nazzjonalisti u laburisti u tqegħid ta' bombi ma' djar ta' nies prominenti żdied u dan inevitabilment ġab miegħu instabbilità kbira fil-pajjiż.

Tqegħid ta' bombi

immodifika

Nhar il-5 ta' Ġunju 1980, f'Santa Venera, bomba qawwija splodiet mad-dar tal-Ispettur tal-Pulizija Gejtu Pace. Fis-7 ta' Lulju, fil-Belt, splużjoni qawwija qerdet kważi għal kollox l-uffiċċju tal-Libyan Arab Airlines f'Misraħ il-Ħelsien. Fis-26 ta' Lulju, f'Ħal Luqa, bomba qawwija splodiet fil-kurutur tal-flats fejn kien joqgħod il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Pullicino.

Fis-27 ta' Ġunju 1982, f'Birkirkara bomba bil-miċċa taqbad tpoġġiet taħt il-karozza tal-Maġġur Alexander Grech, li kien Kummissarju Elettorali Ewlieni. Nhar l-4 ta' Awwissu, fin-Naxxar, bomba splodiet mad-dar ta' Joe Zammit, uffiċjal għoli tad-Dipartiment tal-Kummerċ.

Nhar it-28 ta' Mejju 1983, f'San Ġiljan, bomba splodiet mal-faċċata tad-dar ta' Albert Mizzi, Chairman tal-Air Malta.

Nhar il-25 ta' Settembru 1984, instabet bomba fuq l-għatba tal-bieb tal-Palazz tal-Arċisqof fl-Imdina li ma ħaditx. Nhar it-30 ta' Settembru bomba splodiet wara l-bieb tal-Arċipriet tal-Furjana. Nhar it-13 ta' Ottubru 1984 f'Tas-Swatar Ħad Dingli, bomba qawwija splodiet fiċ-ċentru tal-kompjuters. bi ħsarat kbar fil-Computer Room u fl-Operations Section. Fil-15 ta' Ottubru splodiet bomba li tpoġġiet f'wieħed mill-ventilaturi tad-Dar Ġenerali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda. Fil-25 ta' Ottubru, fil-Furjana, bomba splodiet qrib il-karozza tal-Kummissjoni Għolja Ingliża f'Malta. Fis-17 ta' Novembru bomba splodiet mal-koxxa tal-bieb tal-Ambaxxata Taljana fil-Furjana. Fid-19 ta' Novembru bomba splodiet Ħ'Attard mad-dar ta' Mons. Francesco Canalini, rappreżentant tal-Vatikan f'Malta.

Nhar it-12 ta' Dicembru 1985 bomba splodiet mal-Istitut Kulturali Libjan f'Misraħ il-Palazz. L-għada bomba splodiet mal-għassa tal-Pulizija tal-Qrendi. Erbat ijiem wara, bomba tal-ġelatina tpoġġiet mal-għassa tal-Pulizija tal-Imqabba imma ma ħaditx. L-għada, 18 ta' Diċembru, bomba qawwija splodiet mal-Għassa tal-Pulizija ta' Tas-Sliema, żewġ pulizija korrew gravi u żewġ pulizija oħra u tifla zgħira sofrew ġrieħi ħfief.

Żviluppi oħra

immodifika

Il-PN beda jaħdem biex iġib sostenn mis-setturi tas-soċjetà Maltija, kif ukoll mill-alleati politiċi barra l-pajjiż. Kif kien mistenni, id-Demokristjani u l-Konservattivi Ewropej taw l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista. Anki l-President tal-Istati Uniti ta' dak iz-zmien, Ronald Reagan irrifjuta kontinwament l-invit għal żjara uffiċjali mingħand il-President ta' Malta, Agatha Barbara.

Mintoff kien ippropona li Karmenu Mifsud Bonnici jinħatar Deputat Mexxej tal-Partit u fil-fatt dan ġie elett bħala Deputat Mexxej fid-29 ta' Mejju 1980. Fil-15 t'Ottubru, 1982 Karmenu Mifsud Bonnici inħatar Mexxej tal-Malta Labour Party wara mozzjoni minn Dom Mintoff. Huwa ġie co-opted fil-Parlament fit-2 ta' Mejju, 1983 u nħatar Ministru tal-Edukazzjoni.

Fil-Budget tal-1983 il-friża fuq il-pagi u l-prezzijiet kienu probabilment l-iktar temi diskussi u li sabu oppożizzjoni.

Il-Kwistjoni tal-Iskejjel tal-Knisja

immodifika

Fl-1984 kien hemm kontroversja oħra wara dik li nqalgħet bejn il-Knisja u l-Gvern fejn tidħol l-edukazzjoni. Il-Gvern ried li ssir reviżjoni tal-pagi tal-għalliema. Dan wassal għal bosta strajks ordnati mill-MUT (Malta Union of Teachers). Splodiet ukoll bomba ħdejn bini li kien jappartjeni lil xi qraba tal-president tal-Union.

Intant, fl-10 ta' Ottubru 1984 il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions ta' Malta ordnat strajk ġenerali bħala turija ta' simpatija lejn għalliema. Kien hemm ukoll kritika internazzjonali mill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions u bosta organizzazzjonijiet u unions internazzjonali.

1984: Mintoff jirriżenja minn Prim Ministru u minn Mexxej tal-Partit

immodifika

Fit-22 ta' Diċembru, 1984 Mintoff irriżenja minn Prim Ministru ta' Malta u minn floku laħaq Karmenu Mifsud Bonnici.

1984-1998: Mintoff backbencher partikulari

immodifika

Dom Mintoff żamm is-siġġu tiegħu fil-Parlament wara r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru u xorta baqa' attiv politikament avolja ma baqax il-mexxej tal-partit. Beda jissuġġerixxi li jsiru emendi kostituzzjonali rigward is-sistema elettorali u l-Presidenza. Mintoff issuġġerxxa li minflok Presidenza Kostituzzjonali kif inhi fil-preżent, tiddaħħal sistema simili għal dik fl-Istati Uniti u Franza, jiġifieri Presidenza Ezekuttiva. Minħabba dawn is-suġġerimenti, ħafna kienu dawk li ħasbu li Mintoff kien qed iwitti t-triq u jippjana r-ritorn tiegħu bħala President ta' Malta. Dan imma ma seħħx.

Fl-20 ta' Diċembru 1986 intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ partiti u sar il-bdil neċessarju.

1. Malta kellha tkun newtrali u non-aligned;
2. Kull intervent barrani kellu jiġi meqjus bħala corrupt practice;
3. Ilo-Partit li jġib il-maġġornaza ta' voti fl-elezzjonijiet ġenerali kellu d-ritt li jiggverna l-pajjiż.

64 minn 65 membru vvutaw favur dawn l-emendi, b'wieħed biss jivvota kontra.

Dom Mintoff reġa' ikkontesta l-elezzjonijiet tal-1992 u tal-1996 li kellha tkun l-aħħar waħda tiegħu, u xorta baqa' jgawdi minn sostenn enormi avolja kien għadda ħafna żmien minn l-ewwel elezzjoni li kkontesta lura fl-1947. Bejn l-1996 u l-1998, Mintoff kien deputat tal-Gvern Laburista immexxi minn Alfred Sant avolja kellu iktar minn 80 sena.

Mintoff jivvota kontra l-Gvern ta' Alfred Sant

immodifika

Mintoff reġa' kien fl-aħbarjiet fl-1998 meta fil-Parlament ivvota kontra l-MLP fuq proġett relatat mal-iżvilupp tal-Kottonera propost mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Dr. Alfred Sant. Din il-mossa min-naħa ta' Mintoff kienet daqqa ta' ħarta lill-partit fil-gvern peress li dan kellu biss maġġoranza ta' siġġu wieħed fil-Parlament. L-għada li l-Gvern kien tilef vot importanti fil-Parlament dwar il-Proġett tal-Kottonera, nhar id-9 ta' Ġunju 1998, fix-Xatt tal-Birgu, il-Prim Ministru Alfred Sant, ta konferenza tal-aħbarijiet li fiha qal li Mintoff għandu jirriżenja mill-Parlament u sejjaħlu "traditur". Din il-frażi baqgħet tikkundizzjona r-relazzjoni bejn Mintoff u Sant, tant li d-diversi attentati ta' medjazzjoni bejn it-tnejn fallew.

Wara li Sant rabat vot ta' fiduċja mal-vot fuq il-Proġett tal-KOttonera u dan m'għaddiex wara li Mintoff ivvota kontra, Sant ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jsejjaħ elezzjoni ġenerali prematura wara biss 22 xahar ta' tmexxija – liema elezzjoni ġiet mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Edward Fenech Adami. Mintoff ma kienx ikkontesta fl-elezzjoni tal-1998, u lanqas f'dik ta' warajha tal-2003, għalkemm ta' min jgħid li sadanittant flimkien ma' Karmenu Mifsud Bonniċi beda moviment magħruf bħala Front Maltin Inqumu (FMI) li kien involut f'kampanja sħiħa indirizzata kontra s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea.

Nhar l-20 ta' Ottubru 2009, meta mistoqsi mill-PBS fuq l-avvenimenti politiċi li kienu wasslu għall-waqgħa tal-Gvern Laburista ħdax-il seba qabel, Alfred Sant qal li dakinhar ma setax joqgħod għar-rikatt ta' Mintoff u li Mintoff kien qed jiġi 'immanipulat' - mhux finanzjarjament - mill-Partit Nazzjonalista, kif skond Sant deher ċar fil-budget tal-1997, fil-mozzjoni dwar l-UE meta sparixxa l-Libja meta kien hemm vot kruċjali. Huwa qal li f'dak li ġara fl-1998, kien hemm ħafna fatti li għadhom ma ħarġux u jikkonfermaw dak li qed isostni hu. Sant qal li ma jħossx rimors għal dak li għamel fl-1998, iżda jħoss li għamel żball f'deċiżjonijiet li ħa qabel l-1996. Mistoqsi jekk ħafirx lil Mintoff, Alfred Sant qal li din mhix kwistjoni ta' maħfra jew apoloġija għaliex il-fatti huma fatti. Qal li m'għandux iħares lura iżda jkompli miexi 'l quddiem.

Ir-Relazzjoni ta' Mintoff mal-Partit Laburista wara l-1998

immodifika

Għalkemm Mintoff qatt ma tkeċċa jew ġie sospiż mill-Partit Laburista, huwa qatt ma ħa sehem fl-attivitajiet tal-Partit mill-1998 sal-2009. F'Ġunju 2008, il-Partit Laburista għażel mexxej ġdid, Dr. Joseph Muscat, wara r-riżenja ta' Alfred Sant. Ġimgħa wara l-elezzjoni tiegħu, Muscat stieden lil Mintoff iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Partit. Nhar il-31 ta' Marzu 2009, Mintoff attenda għaċ-ċele­b­razzjonijiet tat-30 sena ta' Jum il-Ħel­sien organizzati mill-Partit Laburista fil-Birgu. Nhar il-5 ta' Dicembru, 2009, Dom Mintoff għamel żjara fiċ-Ċentru Naz­zjonali Laburista l-Ħamrun, l-ewwel darba li Mintoff daħal f'dan il-bini li ilu jservi ta' kwartieri tal-Partit Laburista sa mill-1995. Mintoff intlaqa' fiċ-Ċentru minn Muscat imbagħad kellhom laqgħa privata flimkien fl-uffiċċju ta' Dr Muscat.

Ħajja Personali

immodifika

Wieħed minn ħut Mintoff huwa patri Franġiskan, Patri Dijonisju Mintoff, li qabel daħal patri kien jismu Pawlu, awtur u Fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi.

Waħda minnu ħutu kienet soru ta' Sant’Ursola tal-Belt Valletta, Swor Bernadette, li qabel daħlet soru kien jisimha Marija Assunta. Hija mietet fl-1969.

Bin ħuh Daniel, l-Imħallef Wenzu Mintoff kien elett mal-Partit Laburista fl-1987. Huwa tkeċċa mill-Partit fl-1989 u fforma l-Alternattiva Demokratika, iżda kien reġa' lura fil-Partit Laburista fl-1999.

Meta fis-snin erbgħin Mintoff kien qed jistudja l-Ingilterra, huwa ltaqa' ma' Moira de Vere Bentinck (imwielda bħalu fl-1916) barunessa ta' dixxindenza nobbli Ingliża u Olandiża u żżewwġu fl-1947. Meta Moira Mintoff mietet fis-16 ta' Diċembru 1997, il-Priministru Alfred Sant ħareġ stqarrija li fiha qal li "Bil-personalita' kwieta u soda tagħha, Moira Mintoff għamlet snin twal f'ħidma moħbija ta' filantropija waqt li tat kontribut ħiemed imma importanti lill-ħajja soċjali u politika ta' pajjiżna. Għalkemm imwielda u mrobbija fl-Ingilterra, għarfet tul ħajjitha ssir tifhem, tħobb u tkun parti sħiħa minn Malta. F'isem il-Gvern Laburista u f'ismi, nagħti l-kondoljanzi profondi lill-Perit Duminku Mintoff li miegħu għaddiet minn snin twal ta' sagrifiċċji personali li ġġib magħha l-ħidma politika, lit-tfal tagħhom Anne u Yana u lill-familjari kollha tagħhom."

Duminku u Moira Mintoff kellhom żewġ ulied bniet, Anne u Yana.

Anne, imwielda fl-1949, hija ekonomista. Fl-1971 iżżewġet lill-Amerikan Bernard McKenna u kellhom tifla Emma fl-1984.

Yana, imwielda fl-1951, kient attivista, ekonomista u edukatriċi. Illum tmexxi skola fl-Amerika, Katherine Anne Porter School, charter school f'Wimberley, Texas. Baqgħet magħrufa għal meta fl-1978, meta kellha 27 sena, kienet ġiet arrestata għax tefgħet boroż bil-ħmieġ taż-żwiemel fil-House of Commons biex tipprotesta kontra l-preżenza militari tal-Ingliżi fl-Irlanda ta' Fuq. Fl-1991 iżżewġet lill-Amerikan David Bland u kellhom żewġ ulied Ċetta Sian u Daniel Xandru. Fl-2013 ikkontestat l-elezzjonijiet ġenerali f'Malta f'isem il-Partit Laburista iżda ma kinitx eletta.

Passatempi

immodifika

Mintoff huwa magħruf bħala Il-Perit, u għal xi żmien kien magħruf bħala Tal-Pipa, minħabba li kien iħobb ipejjep il-pipa jew Tal-Bokkla, miħabba l-bokkla kbira biż-żiemel li kien iħobb jilbes fil-mass meetings. Dilettant taż-żwiemel, tal-boċċi, tal-qari u tal-għawm. Kellu dar Ħal-Tarxien u dar magħrufa bħala "l-Għarix" f' Delimara li kienet suġġett ta' kontroversja wara li l-Gvern Nazzjonalista ta' Fenech Adami bena l-powerstation ħames metri biss bogħod minnha fil-bidu tas-snin disgħin. Mintoff kien tella' l-Gvern il-qorti u ħa kumpens ta' EUR 864,000 jew Lm 360,000.

Rikoverat fil-Kura Intensiva tal-Isptar

immodifika

Nhar is-16 ta' Settembru 2010 Dom Mintoff iddaħħal l-Isptar Mater Dei b'urġenza, wara li tah attakk ħafif ta' puplesija fir-residenza tiegħu f'Ħal Tarxien. Huwa kien rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, fejn il-qagħda tiegħu ġiet deskritta bħala kritika imma stabbli. Ħamest ijiem wara, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat, wara żjara li għamillu l-isptar, ġie infurmat mill-qraba ta' Mintoff li ma kienx se jibqa' iżjed fit-Taqsima tal-Kura Intensiva imma kien se jittieħed f'sala oħra tal-Isptar Mater Dei hekk kif il-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar. Nhar it-28 ta' Settembru, ġimgħa u nofs wara li kien daħal l-isptar, Mintoff ġie rilaxxat għal kollox mill-isptar u rritorna f'daru Ħal-Tarxien. [8]

Iżda nhar l-10 ta' Novembru 2010, Mintoff reġa' ddaħħal l-isptar fejn, wara li ngħata l-ewwel kura fid-Dipartiment tal-Emerġenza, inżamm fil-Critical Coronary Care Unit (CCCU). Skont stqarrija uffiċjali maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, mill-eżamijiet mediċi li saru rriżulta li l-Perit Mintoff kien qiegħed ibati minn kundizzjoni tal-qalb u deidratazzjoni. Kien spjegat li għalkemm il-kundizzjoni tiegħu kienet tjiebet xi ftit, hu kien għadu f'qagħda kritika. It-tim mediku li qiegħed jieħu ħsieb il-kura tal-Perit Mintoff irrakkomanda li dan jibqa' taħt osservazzjoni kontinwa. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jistrieħ.

Fi Frar 2011 reġa' ddaħħal l-Isptar Mater Dei mitluf minn sensih imma ftit wara rkup­ra tajjeb tant li reġa' beda joħroġ b'mod normali.

Nhar is-6 ta' Awwissu 2011, meta Mintoff għalaq 95 sena, il-ġurnal L-Orizzont irraporta li Mintoff "mistenni jqattal-ġurnata fid-dar tiegħu fil-kum­panija ta' wliedu u n-neputi­jiet, li jingħad se jqattgħu dan is-sajf f'Malta. Jirriżulta lil dan il-ġurnal li, minkejja l-anzja­nità, il-“Perit”, kif baqa' magħ­ruf sal-lum, għadu jżomm lilu nnifsu informat sew u matul il-ġurnata jaqra regolarment, inklużi l-gazzetti lokali. Għalkemm kellu jċedi għal wieħed mill-akbar passatempi li kellu – l-għawm – u li kien sinonimu miegħu li jippratti­kah anke fix-xhur kesħin, jir­ri­żulta li nhar il-Ħadd li għadda huwa qatta' xi ħin fiċ-Ċentru Laburista ta' Marsaxlokk jiddiskuti anke ma' dawk li nzer­taw fil-post. Ilbieraħ il-Mexxej Laburista Joseph Muscat żar ukoll lil Mintoff f'daru, fejn ilu l-aħħar xhur jirkupra sew saħħtu wara li fl-aħħar tal-2010 kien daħal għat-tieni darba fi ftit xhur għall-kura l-Isptar Mater Dei."

Nhar it-3 ta' Ottubru 2011 Mintoff iddaħħal b'emerġenza fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'qagħda kritika iżda aktar tard il-kundizzjoni tiegħu kienet waħda stabbli għalkemm gravi. Mintoff kien qiegħed Għawdex biex jistrieħ kif ukoll biex ikellem speċjalista.

Oratorija

immodifika

 Borg Olivier kull darba jgħid: 'Għax aħna l-Istat għall-poplu u mhux il-poplu għall-Istat'. Jien mhux se noqgħod nagħmel il-filosofija politika imma malajr infehemkom. Għalija l-Istat qisu s-sħab u l-poplu qisu l-għelieqi bil-ħaxix u l-baħar. Issa min huwa wieħed tal-ieħor, is-sħab tal-għelieqi jew l-għelieqi tal-isħab? Min huwa wieħed tal-ieħor, is-sħab tal-baħar jew il-baħar tal-isħab? Is-sħab isir għax hemm il-baħar, għax hemm ix-xmajjar, għax hemm l-umdità. Kif isir is-sħab? L-ilma jsir fwar, il-fwar jitla' 'l fuq, jiksaħ u jsir sħab. L-Istat jieħu mingħand kulħadd; min għandu l-aktar jeħodlu l-aktar. Hekk ukoll is-sħab; l-aktar li jieħu fwar huwa mill-baħar għax hemm isib ħafna ilma. Is-sħab ma jmurx jieħu l-fwar mid-deżert. L-ilma qisu s-sinjur. Lil dan jinġabarlu aktar għax għandu ħafna, bħall-baħar li għandu ħafna ilma.

Imbagħad hemm ix-xemx li tixbaħ il-moviment tagħna tal-ħaddiema. Ix-xemx issaħħan il-baħar, isir fwar u dan isir sħab. Ix-xemx tieħu wkoll mill-ħaxix li jkollu ħafna nida. Meta toħroġ ix-xemx, in-nida ssir fwar u l-fwar jitla' 'l fuq u jsir sħab. Imbagħad jgħaddi ż-żmien, jiġi s-sajf u s-sħana tnixxef kullimkien. Wara ftit taż-żmien ieħor jerġa' jiġi s-sħab. U s-sħab jagħmel ix-xita. U bix-xita kulħadd jieħu r-ruħ. L-Istat ikun ħareġ il-flus li jkun ġabar minn kullimkien u jqassamhom lil kulħadd. Jiġifieri l-Istat u l-poplu huma xorta waħda. Meta intom poġġejtu lilna u aħna kultant nieħdu xi ħaġa, din intom terġgħu teħduha. Aħna rridu li l-Istat ikun tal-poplu u l-poplu tal-Istat. 

Dom Mintoff miet filgħaxija fir-residenza tiegħu f’Ħal Tarxien fl-età ta’ 96 sena, erbatax -il jum wara li għalaq sninu. F’Bormla, il-belt li fiha twieled Mintoff, immedjatament kif inħarġet l-aħbar mill-ewwel saru s-sinjali tal-viżtu fosthom ċfuf suwed mal-bibien ta’ postijiet pub­­bliċi. Għal xi ħinijiet tard filgħaxija fir-residenza ta' Ħal Tarxien kien hemm ħuh, Patri Dijonisju Mintoff u diversi qraba oħra tiegħu. Quddiem ir-residenza tiegħu inġabru għadd ta’ persuni, li damu hemm għal ħinijiet twal. Fost dawn kien hemm xi wħud minnhom jgħidu r-rużarju, oħrajn jitkellmu fuq il-faqar li neħħa u oħrajn bid-dmugħ f’għajnejhom. Ir-residenza kienet qed tkun mgħassa minn żewġ Pulizija. Ftit wara li tħabbret il-mewt tal-Perit Mintoff,twaqfet il-Fundazzjoni Duminku Mintoff issa marufa Għaqda Duminku Mintoff mill-Professur Josef Grech. Is-sit soċjali Facebook kien invażat b’għadd ta’ kummenti mingħand ammiraturi tal-Perit Mintoff. L-għada l-bnadar madwar il-pajjiż ittajru mezza lasta.

Reazzjonijiet għall-aħbar ta' mewtu

immodifika

F’xandira straordinajra fuq l-istazzjon ONE ftit minuti wara li tħabbret il-mewt tal-Perit Mintoff, ta l-ewwel reazzjoni tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej Laburista Joseph Muscat. Hu ddeskriva lill-Perit Mintoff bħala “wieħed mill-ġganti l-kbar tal-istorja ta’ Malta.” Muscat, li kien għadu kif kien ġej mid-dar tal-Perit Mintoff, qal li kienu ilhom jafu x-xhur u anke snin li saħħtu kienet sejra lura. “Dan l-aħħar daħal ħafna drabi l-isptar, iżda dejjem irkupra. Però naħseb li Mintoff miet kif xtaq, f’daru, fil-paċi, imdawwar flimkien ma’ wliedu. Illum tlifna l-Perit ta’ Malta Ħielsa”. Filwaqt li ddeskriva lil Mintoff bħala wieħed mill-ġganti tal-istorja ta’ Malta, Joseph Muscat, qal li l-figura tal-eks-Mexxej Laburista forsi kienet tqajjem kontroversja. “Iżda taqbel jew taqbilx ma’ Mintoff, kulħadd jaqbel li mingħajr dan il-bniedem Malta ma kinitx tkun fejn hi llum” Muscat qal li Mintoff kien bniedem li kontra kull kurrent, poġġa lil Malta fuq il-mappa tad-dinja. Żied jgħid li “sirt naf lil Mintoff fl-1992. Imbagħad meta kont qed nagħmel it-teżi tiegħi, fid-dottorat, kelli diskussjonijiet miegħu fit-tul. Meta kont nitkellem miegħu, kont ninduna li l-imħabba tiegħu għal pajjiżu u għal ħaddiem kienet xi ħaġa bla preċedent”. Qal li l-Perit Mintoff bena monument ħaj madwaru, is-servizzi soċjali, fosthom is-saħħa u li n-nisa għandhom drittijiet daqs l-irġiel. Qal li fl-aħħar snin kien hemm żminijiet diffiċli bejn Mintoff u l-PL. “Iżda nista’ ngħid b’so­disfazzjon, li f’dawn l-aħħar erba’ snin, dan il-kapitlu ngħalaq. Għalhekk illum aħna lkoll inħossuna orfni u llum nibkuh kif jixraq.”

Dakinhar filgħaxija inħarġet stqarrija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li qalet li “f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jsellem il-memorja tal-eks Primn Ministru Duminku Mintoff”. Il-Prim Ministru qal li l-perit Mintoff hu personalità ewlenija fil-ħajja pubblika Maltija minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija sa tmiem is-Seklu Għoxrin. Il-ħidma kbira tiegħu immarkat profondament l-istorja riċenti ta’ pajjiżna fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u soċjali. L-impenn u d-determinazzjoni tiegħu wasslu għal żviluppi u bidliet profondi li jimmarkaw lil Malta u Għawdex. Wara li ta’ l-kondoljanzi tiegħu lil uliedu, il-Prim Ministru Gonzi offra u l-familja aċċettat, li l-Gvern jagħti funeral statali lill-eks Prim Ministru Mintoff.

Reazzjonijiet fil-media internazzjonali

immodifika

Rapporti dwar l-aħbar tal-mewt tiegħu dehru mhux biss f’ġurnali prominenti ta’ pajjiżi Ewropej, bħal La Repubblica fl-Italja, il-Financial Times u l-BBC News tal-Ingilterra, iżda saħansitra f’ġurnali influwenti Amerikani bħal New York Times u The Washington Post. Rapporti oħrajn dehru f’diversi siti popolari bħal Reuters u Yahoo News. Ir-rapporti kollha li dehru fil-midja barranija għamlu refe­renza għall-fatt li Mintoff kien politiku dominanti fix-xena politika Maltija, li ġġieled kontra l-forzi konservattivi u l-kolonjaliżmu, u li wassal biex tingħalaq il-bażi militari f’Malta fl-1979.

Ir-rapport ta’ The New York Times, jiddeskrivi lil Mintoff bħala “mexxej soċjalista li għalaq il-bażijiet tan-NATO f’Malta” u li kellu konfrontazzjoni mal-Ingliżi, iżda kellu relazzjonijiet tajbin mal-Libja u ċ-Ċina. The New York Times, tgħid li Mintoff kien jidher minn xi uħud bħala bniedem li ma tis­tax tipprevedi x’se jagħmel u misterjuż, filwaqt li għall-ammiraturi tiegħu hu meqjus bħala missier Malta moderna. Il-ġurnal Amerikan kompla jgħid li “matul il-karriera tiegħu, Mintoff iġġieled biex Malta ma tkomplix tkun sfruttata mill-barrani, terġa’ tikseb id-dinjità, filwaqt li ħadem biex Malta stabbilit rabtiet ekonomiċi u diplomatiċi, biex tikseb l-istatus tagħha bħala stat newtrali.” Min-naħa tagħha, The New York Times, tat ħarsa dettaljata lejn ħajjet Mintoff, mit-twelid tiegħu fl-1916, meta sar Prim Ministru għall-ewwel darba fl-1955, meta reġa’ ġie elett fil-po­ter fl-1971 u anke meta rreżenja minn Prim Ministru fl-1984.

Il-ġurnal ta ħarsa wkoll lejn il-kisbiet ta’ Mintoff fl-isfera internazzjonali, fosthom, meta fl-1972 reġa’ nnegozja t-trattat tad-difiża mal-Gvern Ingliż, ir-relazzjonijiet li kellu mal-Gvern Libjan u anke maċ-Ċina. Fl-artiklu ta’ The New York Times, kien hemm kumment li kien ta Mintoff lill-istess gazzetta fis-snin sebgħin, fejn kien qal “meta ħadna l-Gvern, kellna Gvernatur Ingliż, Reġina Ingliża, munita Ingliża, u l-banek tagħna mmexxijin mill-Ingliżi. Kellna wkoll il-Pulizija mmexxijin minn Kummissarju li qal fl-apert li l-lealtà tiegħu kienet lejn il-Gvern Ingliż. Dan kien tmien snin ilu. Issa Malta hi Repubblika. Inbidel kollox. M’għad fadal xejn aktar Ingliż.

The Washing­ton Post għamlet refe­renza għall-kisbiet li għamel Mintoff matul il-karriera politika tiegħu, fosthom it-twaqqif ta’ Malta Repubblika fl-1974, u l-għeluq tal-bażijiet militari f’Malta fl-1979. The Washington Post, għam­let referenza għall-konfronti li Mintoff kellu tul il-karriera politika tiegħu, fosthom mal-Ingliżi u mal-Knisja.

Dwar Mintoff, irrapportat ukoll l-aġenzija tal-aħbarijiet Ingliża BBC, fejn iddeskrivietu bħala bniedem dominanti fl-istorja politika ta’ Malta, speċjalment wara l-kisba tal-Indipendenza fl-1964. Il-BBC għamlet referenza għar-relazzjoni li Mintoff kellu mal-Gvern Ingliż, li eventwalment wasslet biex tintemm il-bażi f’Malta fl-1979. F’dan il-perjodu Malta saret Repubblika fl-1974. Ingħad li f’dan iż-żmien, Mintoff daħħal għadd ta’ servizzi soċjali li wasslu biex il-Maltin jibdew jgħixu ħajja aħjar. Fis-sit tal-BBC deher ukoll obitwarju estensiv fuq Mintoff.

Il-funeral statali tal-Perit Mintoff sar is-Sibt 25 t'Awwissu 2012 u kien wieħed mill-akbar funerali, jekk mhux l-akbar li qatt rat Malta. In-nies bdew jinġabru sa minn kmieni fit-toroq tal-Belt Valletta biex isibu post minn ta’ quddiem. Ħafna minnhom kienu bil-kamera f’idejhom. Ma naqsux ir-ritratti tal-Perit fl-idejn u l-għajjat “Mintoff, Mintoff”, “Viva s-Salvatur ta’ Malta”, “grazzi Perit ta’ dak kollu li għamilt magħna”, “grazzi Perit talli għallimtna” u “bħalek ma jkun hawn qatt”, kemm meta t-tebut kien miexi mill-Palazz sal-Kon Katidral, u anke wara l-quddiesa, fejn it-tebut mexa sal-Monument tal-Vittmi tal-Gwerra fil-Floriana.

L-aħħar vjaġġ tal-Perit Mintoff beda mill-Palazz Presidenzjali, sal-Kon Katidral ta’ San Ġwann fejn ingħata bidu għall-quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof Mons Pawlu Cremona. Il-ġisem bla ħajja ta’ Mintoff kien ilu espost għall-qima tal-pubbliku sa mill-ġurnata ta’ qabel. Infatti matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, mijiet ta’ nies, iffurmaw serbut twil li f’xi waqtiet infirex minn Misraħ San Ġorġ għal Triq ir-Repubblika, u għaldaqstant uħud minn dawk preżenti kellhom jistennew għal ċertu tul ta’ ħin sakemm miss lilhom biex daħlu jagħtu qima lill-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista. Għall-ħabta tal-9.40am tas-Sibt, inġabru għadd ta’ suldati quddiem il-Palazz tal-President, libsin l-uniformi bajda. Ftit tal-minuti wara, it-tebut tal-Perit Mintoff li kien imgeżwer bil-bandiera Maltija, deher ħiereġ mill-Palazz tal-President, bl-ewwel għajta tal-folla numeruża preżenti tkun “Viva l-Perit Duminku Mintoff.”

Minn hemm hekk, ‘staff sergeants’ tal-Forzi Armati li kienu mmexxijin mill-‘istaff sergeant’ Patrick Barbara, għabbew it-tebut fuq l-ispallejn, u hekk kif it-tebut kien miexi bil-mod lejn il-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-folla kompliet iċċapċap u tgħajjat “Mintoff, Mintoff.” Fl-istess waqt, għadd ta’ persuni preżenti bdew ifittxu post tajjeb biex ikunu jistgħu jsegwu l-quddiesa minn fuq ‘big screen’ li kien hemm barra l-Kon Katidral.

Fost il-personalitajiet distinti li attendew għall-funeral statali kien hemm il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, l-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici, l-Ispeaker Michael Frendo, u eks-ministri Laburisti fil-Kabinett ta’ Mintoff – Vincent Moran, Joe Grima u Reno Calleja. Magħhom kien hemm preżenti wkoll Alex Sciberras Trigona u Joe Debono Grech. Kien hemm preżenti wkoll il-Presidenti Emeritus Eddie Fenech Adami u Ugo Mifsud Bonnici.

Hekk kif it-tebut tal-Perit Mintoff daħal fil-Knisja għall-ħabta tal-10.20am, il-folla nfexxet f’ċapċipa kbira u tgħajjat “Mintoff, Mintoff.” Il-qraba ta’ Mintoff, li dehru kommossi għall-aħħar bil-merħba kbira li ngħata l-Perit, poġġew fl-ewwel erba’ fillieri fuq in-naħa tal-lemin. Fuq talba li saret mill-familja stess, fejn il-qraba poġġa l-Mexxej Laburista Joseph Muscat, flimkien ma’ martu Michelle. Flimkien magħhom kien hemm persuni oħrajn li ħadmu fil-qrib ma’ Mintoff, fosthom is-segretarju personali Joe Camilleri u x-xufier tiegħu.

Omelija tal-Arċisqof

immodifika

Fl-Omelija tiegħu, l-Arċisqof Pawlu Cremona qal li “Dwar il-Perit Duminku Mintoff nixtieq insemmi żewġ sinjali li huma marbutin ma’ ħajtu. L-ewwel sinjal huwa l-interpretazzjoni tal-kmand ta’ Ġesù, li nħobbu lill-proxxmu tagħna, l-aktar lill-fqar, li għaqqadha mal-ħajja politika tiegħu. It-tieni sinjal huwa l-imħabba tiegħu lejn art twelidu.” Fost is-silenzju perfett ta’ dawk preżenti, l-Arċisqof beda biex jgħid li “f’dawn il-ġranet il-gazzetti kienu mimlija bl-istess aħbar, il-mewt tal-Perit Duminku Mintoff. Bir-raġun li jiġri hekk, għax dan il-bniedem għal aktar minn 50 sena, kien protagonist ewlieni fix-xena politika Maltija. Min jaf kemm għad irid jinkiteb aktar dwar ħajtu u dwar il-kisbiet tiegħu.” L-Arċisqof kompla jgħid li madankollu, fil-Knisja, l-aspett tal-bniedem jittieħed minn perspettiva oħra, dik tal-eternità u l-ħajja ta’ dejjem. Qal li meta bniedem imut, ir-relazzjoni tiegħu magħna ssir fi Kristu. “Dan huwa mument meta l-ħajja fuq din l-art tispiċċa u mbagħad inħallu f’idejn Alla, li huwa biss jagħmel il-ġudizzju,” kompla jgħid l-Arċisqof Cremona.

Għaldaqstant, l-Arċisqof saħaq li Omelija ta’ funeral qatt m’għandha tkun eloġju ta’ persuna għax, minn issa ‘l quddiem, dik il-ħajja qiegħda f’idejn il-Mulej. Madankollu, l-Arċisqof Mons Pawlu Cremona tenna li jixtieq jagħmel referenza għal żewġ sinjali li huma marbutin mal-ħajja tal-Perit Duminku Mintoff.

“L-ewwel sinjal huwa, li l-interpretazzjoni tal-kmand ta’ Ġesù, li nħobbu lill-prox-xmu tagħna, l-aktar lill-fqar, Mintoff għaqqadha mal-ħajja politika tiegħu. Għalkemm mhux kulħadd jista’ jaqbel mal-metodi tiegħu, ħadd ma jista jinnega li għal Mintoff din kienet il-missjoni tiegħu. B’hekk ġab kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema u għall-fqir,” kompla jgħid l-Arċisqof Mons Pawlu Cremona.

Imbagħad, l-Arċisqof Cremona semma t-tieni sinjal, l-imħabba li l-Perit Duminku Mintoff kellu lejn art twelidu. Qal li din ġagħlitu biex meta jkun f’diskussjonijiet ma’ pajjiżi ferm akbar minnha, Mintoff jiġġieled għall-aħjar ġid ta’ pajjiżna. L-Arċisqof kompla jgħid “li hija virtù li tħobb lil pajjiżek, għax dik hija espressjoni ta’ mħabba lejn iċ-ċittadini tal-pajjiż. Il-Perit Mintoff tkellem ma’ pajjiżi ħafna ikbar minna biex nakkwistaw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli. “Dawn huma l-virtujiet fost l-aktar li jispikkaw fil-Perit Mintoff. Aħna nemmnu li dawn huma wkoll virtujiet quddiem Alla.”

“Illum wasal il-mument li ninfirdu minn miegħu… il-Mulej jagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem,” temm jgħid l-Arċisqof, filwaqt li s-silenzju tal-folla, li semgħet b’attenzjoni, inkiser b’ċapċipa kbira.

Messaġġ mill-Papa

immodifika

Fl-aħħar tal-quddiesa, nqara messaġġ ta’ kondoljanzi li ntbagħat lill-President ta’ Malta mill-Papa Benedittu XVI. Fil-messaġġ, li kien iffirmat mis-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Tarcisio Bertone, il-Papa ta l-kondoljanzi għall-mewt ta’ Mintoff, filwaqt li qal li se jaħseb fih fit-talb tiegħu. Hekk kif inqara dan il-messaġġ tal-Papa, il-folla preżenti fil-Kon Katidral u anke barra, infexxew f’ċapċipa kbira.

Ma naqasx l-għajjat “Mintoff, Mintoff” anke fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, kemm x’ħin it-tebut kien dieħel u anke x’ħin kien ħiereġ wara li ntemmet il-quddiesa. Iżda fuq kollox, l-aktar ħaġa li spikkat kienet l-emozzjoni tan-nies, li ħafna minnhom hekk kif raw it-tebut jinġarr mis-suldati nfexxew jibku. Wara li l-folla kantat l-Innu Malti b’mod spontanju quddiem il-Kon Katidral, u t-tebut beda miexi, il-maġġoranza kbira ta’ nies baqgħu isegwuh bil-pass sal-monument. Ħafna minn dawk preżenti, speċjalment l-anzjani, filwaqt li kienu qegħdin jagħtuh l-aħħar tislima bdew jirrakkontaw bejniethom stejjer dwar il-Perit b’sens kbir ta’ nostalġija, u waqt li jagħmlu dan bdew iħarsu lejn ir-ritratt tiegħu li ġarrew magħhom. Kollox wasal fi tmiemu hekk kif it-tebut tal-Perit tgħabba fil-‘hearse’, fejn minn hemm hekk tkompla b’mod privat, b’ħafna minn dawk preżenti jinstemgħu jgħidu, “saħħa Perit... itlob għalina.”

Kotba dwar Mintoff

immodifika

F'Ottubru 2012, tnieda l-ktieb Mintoff: Il-bniedem u l-istorja (SKS) b'29 kitba ta’ natura letterarja differenti, miktuba minn ġurnalisti, ekonomisti, qassisin, tobba, edukaturi, storiċi, avukati, politiċi, riċerkaturi, antropologi, attivisti, filantropi, filosfi, artisti, letterati, akkademiċi u oħrajn. Fih għadd kbir ta’ ritratti. Editjat minn Mario Cutajar.

F'Novembru 2012, Horizons ippubblikaw il-ktieb Duminku Mintoff Bejn Storja u Miti. Dan il-ktieb huwa ġabra ta' kitbiet dwar il-Perit Duminku Mintoff, ġabra li saret minn Sergio Grech.

F'Diċembru 2012, quddiem il-Parlament kien imniedi il-ktieb Duminku Mintoff u Malta fi żmienu, ktieb ta' Josef Grech, li fih iktar minn elf paġna u numru kbir ta’ ritratti u karikaturi, bil-firma ta' Mintoff tad-deheb fil-faċċata tiegħu.

F'April 2013, kien imniedi l-ktieb Mintoff għada miġbur minn Karmenu Mifsud Bonnici u Sammy Meilaq. Huwa ġabra ta’ dokumenti u ittri awtentiċi ta' Mintoff stess lil nies prominenti bħall-President tal-Parlament Ewropew ta’ żmien il-kwistjoni tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea li dak iż-żmien kien Romano Prodi u lill-President Amerikan George W. Bush.

Fl-2014, ħareġ L-Elf Lewn ta' Mintoff ta' Claire Xuereb Grech. Il-ktieb fih għadd kbir ta' intervisti interessanti ma' nies minn bosta oqsma tal-ħajja; nies ta' fehmiet politiċi differenti; li jitkellmu dwar Mintoff; dwar meta ġew f'kuntatt dirett miegħu; dwar kif jarawh mill-għajnejn tagħhom. Biex hekk joħorġu l-elf lewn tal-personalità kumplessa tiegħu, kif ukoll ix-xejriet bla qies ta' karattru uniku li biddlu l-bixra ta' wiċċ Malta.

 
The Tail That Wagged The Dog: The life and struggles of Dom Mintoff (1916-2012) ta’ Mark Montebello (2021)

Biografija

immodifika

F’Mejju tal-2021 ġiet maħruġa f’Malta l-ewwel biografija sħiħa riċerkata ta’ Mintoff.[9] The Tail That Wagged The Dog: The life and struggles of Dom Mintoff (1916-2012) –Id-denb li ħarrek lill-kelb: Il-ħajja u t-taqbid ta’ Dom Mintoff (1916-2012)-- miktub u ppubblikat bl-Ingliż minn Mark Montebello, kien maħruġ mid-dar editorjali SKS (Sensiela Kotba Soċjalisti), il-fergħa tal-Partit Laburista[10] li kkummissjonat ix-xogħol.[11] minkejja li għall-ewwel il-Prim Ministru Robert Abela, il-kap tal-partit, laqa’ l-bijografija bil-ferħ,[12] wara ċaħad li jkollu x’jaqsam magħha,[13] għalkemm qatt ma ċaħħad lill-SKS milli tbigħ il-ktieb.[14] Il-bidla fil-fehma ġiet minħabba li ulied Mintoff m’għoġbithomx il-bijografija u għaddbu għaliha.[15][16][17] Montebello ddefenda x-xogħol tiegħu u ma ċeda xejn.[18][19] Il-ktieb ta’ 640 paġna li ħa seba’ snin biex issawwar,[20] ġie milqugħ pożittivament mill-kritiċi,[21][22][23][24][25] u wkoll intagħżel għall-premju nazzjonali tal-ktieb.[26]

Monumenti ta' Mintoff

immodifika

Il-Monument ta' Sergio Gauci

immodifika

Fl-okkażjoni tad-39 anniversarju tal-festa ta’ Jum ir-Repubblika, fit-13 ta' Diċembru 2013, l-Għaqda Duminku Mintoff nediet l-ewwel mafkar f'Malta bl-isem Duminku Mintoff, il-perit ta’ Malta Repubblika li sar mill-iskultur Sergio Gauci. Il-mafkar huwa magħmul minn blokka tal-franka u jinsab Ħal Tarxien.

L-ewwel Monument ta' Galea Bason

immodifika

Dan il-Monument xogħol Noel Galea Bason u kkumissjonat mill-Partit Laburista, jinsab fi Pjazza Paolino Vassallo f'Bormla u kien inawgurat f'lejlet l-40 anniversarju ta' Jum ir-Repubblika, nhar it-12 ta' Diċembru 2014.

It-tieni Monument ta' Galea Bason

immodifika

Dan il-Monument xogħol fil-bronż ta' Noel Galea Bason u kkummissjonat mill-Gvern Malti, jinsab fi Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta u kien inawgurat nhar il-31 ta' Mejju 2018.

Titli u Rikonoxximenti

immodifika
  • Fl-1971 ġie mogħti l-Ordni tar-Repubblika mil-Libja.
  • Fl-1972 it-Tuniżija tagħtu l-Grand Cordon de l'Ordre de la République.
  • Fl-1976 ġie onorat bid-Dottorat Honoris Causa mill-Università tal-Istudji Politiċi, Ponterios il-Greċja.
  • Fl-1978 il-Marokk iddekorah bl-Ordni tal-Gran Cordon of Oissam Alaouite.
  • Fl-2008 il-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi onora lil Dom Mintoff, bil-Premju Internazzjonali Al-Gaddafi għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-premju, li jammonta għal $250,000, kien preżentat waqt ċerimonja li għaliha Mintoff ma setax jattendi minħabba saħħtu. Il-premju ngħata lil Mintoff għall-irwol storiku tiegħu fil-kisba tal-Indipendenza, il-ġustizzja soċjali, in-newtralità u l-koperazzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Il-premju twaqqaf minn Gaddafi fl-1989 u ngħata l-ewwel darba lil Nelson Mandela. Il-premju jingħata lill-personalitajiet internazzjonali, korpi u organizazzjonijiet li jkunu ddistingwew lilhom infushom fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem jew ikun taw kontribut ta' servizz uman. Fost ir-rebbieħa fil-passat kien hemm l-indiġeni Amerikani fl-1991 u Fidel Castro fl-1998. Fl-2003 il-premju ngħata lill-Papa Sheneuda III li jmexxi l-Knisja Ortodossa Koptika f'Lixandra u fl-2004 lil Hugo Chavez, il-President tal-Veneżwela.

Paġni relatati

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ Mintoff, Dom. Mintoff Malta Mediterrra Żgħożiti (bil-Malti). Assoċjazzjoni Għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u l-Paċi, & L-arkivji Nazzjonali. p. 12.
  2. ^ "Call to mark Mintoff's birthplace" at timesofmalta.com
  3. ^ Mintoff, Dom. Mintoff, Malta, Mediterra: Żgħożiti. p. 160.
  4. ^ Mintoff, Dom. Mintoff, Malta, Mediterra: Zgħożiti. p. 173.
  5. ^ Mintoff, Dom. Mintoff, Malta, Mediterra: Żgħożiti. p. 212.
  6. ^ Mintoff, Dom. Mintoff, Malta, Mediterra: Żgħożiti. p. 268.
  7. ^ Mintoff, Dom. Mintoff, Malta, Meditterra, Żgħożiti. p. 273.
  8. ^ "Mintoff joħroġ mil-isptar" at The Times
  9. ^ "Dom Mintoff's biography launched". The Malta Independent. 2021-06-19. Miġbur 2021-06-25.
  10. ^ "SKS Publishers".
  11. ^ Vella, Matthew (2021-05-08). "Dimech biographer Mark Montebello pens Dom Mintoff biography". Malta Today. Miġbur 2021-06-16.
  12. ^ "Presentation of Mintoff's biography to the Prime Minister". SKS Publishers. 2021-05-28. Miġbur 2021-06-14.
  13. ^ Martin, Ivan (2021-07-06). "Labour pulls Dom Mintoff biography from its shelves". Times of Malta. Miġbur 2021-07-14.
  14. ^ Vella, Matthew (2021-07-07). "Labour publisher SKS 'unaware of directive' to pull Mintoff biography". Malta Today. Miġbur 2021-07-15.
  15. ^ Galea, Owen (2021-07-06). "Mintoff's children disassociate themselves from Fr Mark's biography of their father". TVM News. Miġbur 2021-07-10.
  16. ^ Bonnici, Julian (2021-07-06). "Dom Mintoff Daughters 'Disassociate' Themselves From Controversial Book On Malta's Former Prime Minister". Lovin Malta. Miġbur 2021-07-10.
  17. ^ "'Profoundly unethical and immoral': Mintoff's daughters bkunjom new biography". Pressreader. 2021-07-08. Miġbur 2021-07-11.
  18. ^ Vella, Matthew (2021-07-08). "Montebello defends Mintoff biography: 'I have no reason to lie'". Malta Today. Miġbur 2021-07-23.
  19. ^ Martin, Ivan (2021-06-08). "'I was asked to censor my book on Mintoff': Author of controversial biography defends his work after attack by family". Times of Malta. Miġbur 2021-06-15.
  20. ^ "Dom Mintoff biography that was seven years in the making officially launched". Times of Malta. 2021-06-19. Miġbur 2021-06-21.
  21. ^ "La vita pubblica e quella privata del leader s'intrecciano con forza nella nuova biografia di Frate Mark Montebello". Corriere di Malta. 2021-07-05. Miġbur 2021-08-22.
  22. ^ "Mintoff's life and struggles as never seen before" (PDF). Maltese eNewsletter. 2021-07-01. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2023-01-12. Miġbur 2021-07-03.
  23. ^ Vella, Matthew (2021-07-05). "Dom in the flesh: carnal passions of the great socialist". Malta Today. Miġbur 2021-07-08.
  24. ^ "New biography highlights Mintoff's life and struggles as never seen before". Gozo News. 2021-05-08. Miġbur 2021-05-16.
  25. ^ "Sex and socialism: Dom's bedroom secrets". Malta Today. 2021-07-04. Miġbur 2021-07-21.
  26. ^ Farrugia, Claire (2022-08-02). "Controversial Mintoff biography makes National Book Prize shortlist". Malta Today. Miġbur 2022-08-12.

Ħoloq esterni

immodifika
Predeċessur
Segretarju Ġenerali tal-PL
1935–1937

Suċċessur

Predeċessur
Ministru tar-Rikostruzzjoni
1947–1949

Suċċessur

Predeċessur
Pawlu Boffa
Mexxej tal-Partit Laburista
1949–1984

Suċċessur
Karmenu Mifsud Bonnici

Predeċessur
Ġorġ Borg Olivier
Prim Ministru
1955–1958

Suċċessur
Ġorġ Borg Olivier

Predeċessur
Ġorġ Borg Olivier
Prim Ministru
1971–1984

Suċċessur
Karmenu Mifsud Bonnici

  NODES
camera 1
Idea 4
idea 4
Intern 15
iOS 2
mac 1
os 176
todo 1
Training 1