Samarkanda

belt fl-Użbekistan

Samarkanda (/ˈsæmərkænd/; bl-Użbek: Samarqand; bit-Taġik: Самарқанд; bil-Persjan: سمرقند‎), magħrufa wkoll bħala Samarkand, hija belt fix-Xlokk tal-Użbekistan u fost l-eqdem bliet abitati kontinwament fl-Asja Ċentrali. Hemm evidenza ta’ attività umana fiż-żona tal-belt mill-aħħar tal-Era Paleolitika, minkejja li ma hemm l-ebda evidenza diretta meta Samarkanda ġiet imwaqqfa; diversi teoriji jipproponu ġiet imwaqqfa bejn is-sekli 8 u 7 Q.K. Peress li kienet tgawdi prosperità bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħha tul it-Triq tal-Ħarir bejn iċ-Ċina u l-Baħar Mediterran, kien hemm żminijiet meta Samarkanda kienet waħda mill-ikbar bliet tal-Asja Ċentrali.

Samarkanda
 Użbekistan
Amministrazzjoni
Stat sovranUżbekistan
Reġjun tal-UżbekistanReġjun ta' Samarkanda
Isem uffiċjali Samarqand/Самарқанд
Ismijiet oriġinali Самарқанд
Самарқанд
Самарканд
سمرقند
Kodiċi postali 140100
Ġeografija
Koordinati 39°39′17″N 66°58′33″E / 39.6547°N 66.9758°E / 39.6547; 66.9758Koordinati: 39°39′17″N 66°58′33″E / 39.6547°N 66.9758°E / 39.6547; 66.9758
Samarkanda is located in Uzbekistan
Samarkanda
Samarkanda
Samarkanda (Uzbekistan)
Superfiċjenti 108±1 kilometru kwadru
Għoli 702 m
Demografija
Popolazzjoni 546,303 abitanti (1 Jannar 2020)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 662
Żona tal-Ħin UTC+5
bliet ġemellati Firenze, Balkh, Merv, Bukhara, Nishapur, Lahore, Lviv, Istanbul, Eskişehir, Cusco, Mary, Banda Aceh, Khujand, Antalya, Gyeongju, Krasnoyarsk, New Delhi, Xi'an, Belt tal-Messiku, Rio de Janeiro, Kairouan, Bremen, Lyon, Liège, Plovdiv, Jūrmala, Samara, Narau Ganja (en) Translate
samshahar.uz

Sa żmien l-Imperu Akemenida tal-Persja, hija kienet il-belt kapitali tas-satrapija Sogdjana. Il-belt inħakmet minn Alessandru Manju fit-329 BCE, meta kienet magħrufa bħala Markanda (jew Μαράκανδα bl-alfabett Grieg). Il-belt kienet immexxija minn sensiela ta’ mexxejja Iranjani u Torok sa ma ġiet maħkuma mill-Mongoli taħt Genghis Khan fl-1220. Attwalment, Samarkanda hija l-kapitali tar-Reġjun ta’ Samarkanda u waħda mill-ikbar bliet tal-Użbekistan.

Il-belt hija magħrufa bħala ċentru ta’ studju Iżlamiku għoli u l-post fejn twieled ir-Rinaxximent Timurida. Fis-seklu 14, Timur (Tamerlane) għamilha l-kapitali tal-imperu tiegħu u s-sit tal-mawżolew tiegħu magħruf bħala Gur-e Amir. Il-Moskea ta’ Bibi-Khanym, rikostruwita matul l-era Sovjetika, għadha waħda mill-iktar binjiet ikoniċi u famużi tal-belt. Ir-Reġistan, il-pjazza ewlenija ta’ Samarkanda kienet iċ-ċentru antik tal-belt u hija kkonfinata minn tliet binjiet reliġjużi monumentali. Il-belt bir-reqqa kollha ppreservat it-tradizzjonijiet tas-snajja’ antiki: ir-rakkmu, ix-xogħol bid-deheb, l-insiġ tal-ħarir, l-inċiżjonijiet fuq ir-ram, iċ-ċeramika, it-tinqix tal-injam, u tpittir tal-injam. Fl-2001, l-UNESCO żiedet lill-belt fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji bħala Samarkanda – Salib it-Toroq ta’ Kulturi.[1]

Samarkanda moderna hija maqsuma f’żewġ partijiet: il-belt l-antika, u l-belt il-ġdida, li ġiet żviluppata matul żmien l-Imperu Russu u l-Unjoni Sovjetika. Il-belt l-antika tinkludi diversi monumenti storiċi, ħwienet u djar privati antiki, filwaqt li l-belt il-ġdida tinkludi binjiet amministrattivi flimkien ma’ ċentri kulturali u istituzzjonijiet edukattivi.

Etimoloġija

immodifika

Isem il-belt ġej mis-Sogdjan samar, jiġifieri “ġebla jew blata”, u kand, jiġifieri “forti jew belt”.

Storja bikrija

immodifika
 
Fdalijiet tal-ħitan antiki ta’ Samarkanda

Flimkien ma’ Bukhara, Samarkanda hija waħda mill-iktar bliet abitati antiki fl-Asja Ċentrali, u gawdiet minn ġid kbir bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħha fir-rotta kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Mediterran (it-Triq tal-Ħarir). Ma hemm l-ebda evidenza diretta meta ġiet imwaqqfa. Ir-riċerkaturi fl-Istitut tal-Arkeoloġija ta’ Samarkanda huma tal-fehma li l-belt twaqqfet lejn is-sekli 8 u 7 Q.K.

Mill-iskavi arkeoloġiċi li twettqu fi ħdan il-limiti tal-belt (Syob u lejn nofs il-belt) kif ukoll fiż-żoni suburbani (Hojamazgil u Sazag'on) ħarġet fid-dieher evidenza ta’ attività umana antika 40,000 sena, li tmur lura għall-aħħar tal-Era Paleolitika. Grupp ta’ siti arkeoloġiċi Mesolitiċi (mit-12 sas-7 millennji Q.K.) ġew skoperti fis-subborgi ta’ Sazag'on-1, Zamichatosh, u Okhalik. Il-kanali ta’ Syob u ta’ Darg'om, li kienu jfornu lill-belt u lis-subborgi tagħha bl-ilma, tfaċċaw madwar is-sekli 7 u 5 Q.K. (il-bidu ta’ Żmien il-Ħadid).

Mill-perjodu l-iktar bikri tagħha, Samarkanda kienet waħda miċ-ċentri ewlenin taċ-ċivilizzazzjoni Sogdjana. Sa żmien id-dinastija Akemenida tal-Persja, il-belt kienet saret il-kapitali tas-satrapija Sogdjana.

Era Ellenika

immodifika
 
Alessandru joqtol lil Klitu f’Samarkanda

Alessandru Manju ħakem lil Samarkanda fit-329 Q.K. Il-belt kienet magħrufa bħala Maracanda mill-Griegi. Is-sorsi bil-miktub jagħtu ħjiel żgħir dwar is-sistema sussegwenti ta’ gvern; isemmu lil ċertu Orepju li sar mexxej “mhux mill-antenati, iżda bħala rigal ta’ Alessandru”.

Filwaqt li Samarkanda ġarrbet ħsara sinifikanti matul il-ħakma inizjali ta’ Alessandru Manju, il-belt irkuprat malajr u fforixxiet taħt l-influwenza Ellenika ġdida. Kien hemm ukoll tekniki ġodda ewlenin tal-kostruzzjoni; il-brikks rettangolari ġew sostitwiti minn brikks kwadri u ġew introdotti metodi superjuri tas-sengħa tal-bini u tat-tkaħħil.

Il-konkwisti ta’ Alessandru introduċew il-kultura Griega klassika fl-Asja Ċentrali; għal xi żmien, l-estetika Griega kienet influwenzat ferm lill-artiġjani lokali. Dan il-legat Elleniku kompla meta l-belt saret parti minn diversi stati suċċessivi matul is-sekli wara l-mewt ta’ Alessandru, fosthom l-Imperu Selewċida, ir-Renju Grieg-Baktrijan, u l-Imperu Kuxan (anke jekk il-Kuxana nfushom oriġinaw fl-Asja Ċentrali). Wara li l-istat Kuxan tilef il-kontroll ta’ Sogdija matul is-seklu 3 W.K., Samarkanda marret lura bħala ċentru tas-setgħa ekonomika, kulturali u politika, u ma reġgħetx ġiet fuq saqajha qabel is-seklu 5.

Era Sassanida

immodifika

Samarkanda nħakmet mis-Sassanidi Persjani għall-ħabta tal-260 W.K. Taħt it-tmexxija tas-Sassanidi, ir-reġjun sar sit essenzjali għall-Manikeiżmu u ġiet iffaċilitata d-disseminazzjoni tar-reliġjon fl-Asja Ċentrali kollha.

Era tal-Eftaliti u tal-Kaganat Tork

immodifika
 
Pittura ta’ uffiċjali Torok waqt udjenza mar-re Varkhuman ta’ Samarkanda, 648-651

Fit-350-375, Samarkanda nħakmet mit-tribujiet nomadiċi taċ-Ċijoniti, ta’ oriġini li għadha kontroversjali sa llum. Ir-risistemazzjoni ta’ gruppi nomadiċi f’Samarkanda tikkonferma l-materjal arkeoloġiku li nstab mis-seklu 4. Il-kultura tan-nomadi mill-baċir tan-nofs tax-xmara Syrdarya nfirxet fir-reġjun tal-madwar.

Fl-457-509, Samarkanda kienet parti mill-istat Kidarita.

Wara l-Eftaliti (magħrufa wkoll bħala l-"Unni Bojod") ħakmu lil Samarkanda, żammew il-kontroll tagħha sa żmien it-Torok Ċelestjali, u f’alleanza mas-Sassanidi Persjani, rebħuha fil-Battalja ta’ Bukhara, għall-ħabta tal-560 W.K.

Fin-nofs tas-seklu 6, ġie ffurmat stat Tork f’Altaj, stabbilit mid-dinastija Ashina. Il-formazzjoni tal-istat il-ġdid issemmiet il-Kaganat Tork wara isem il-poplu Tork, immexxi mill-Kagan. Fil-557-561, l-Imperu Eftalita kellu jċedi wara l-azzjonijiet konġunti tat-Torok u tas-Sassanidi, li wassal għall-istabbiliment ta’ fruntiera komuni bejn iż-żewġ imperi.

Fil-bidu tal-Medju Evu, Samarkanda kienet imdawra minn erba’ ringieli ta’ swar difensivi u kellha erba’ daħliet.

Qabar Tork antik b’żiemel ġie investigat fit-territorju ta’ Samarkanda u x’aktarx li jmur lura għas-seklu 6.

Matul il-perjodu tal-mexxej tal-Kaganat Tork tal-Punent, Tong Yabghu Qaghan (618-630), ġew stabbiliti relazzjonijiet tal-familja mal-mexxej ta’ Samarkanda.

Xi partijiet minn Samarkanda kienu saru Kristjani mis-seklu 4. Fis-seklu 5, f’Samarkanda ġiet stabbilita sede Nestorjana. Fil-bidu tas-seklu 8, din ġiet ittrasformata f’metropolitanat Nestorjan. Qamu diskussjonijiet u polemiki bejn is-segwaċi Sogdjani tal-Kristjaneżmu u tal-Manikeiżmu, li ġew riflessi fid-dokumenti.

Era Iżlamika Bikrija

immodifika
 
Il-Moskea ta’ Bibi Khanym

L-armati tal-Kaliffat Umayyad taħt Qutayba ibn Muslim ħakmu l-belt minn taħt it-Torok għall-ħabta tas-710 W.K.

Matul dan il-perjodu, Samarkanda kienet komunità reliġjuża varjata u kienet tħaddan għadd ta’ reliġjonijiet, fosthom iż-Żoroastrijaniżmu, il-Buddiżmu, il-Ħinduiżmu, il-Manikeiżmu, il-Ġudaiżmu, u l-Kristjaneżmu Nestorjan, u l-maġġoranza tal-popolazzjoni kienet issegwi ż-Żoroastrijaniżmu. Qutayba ġeneralment ma insedjax lill-Għarab fl-Asja Ċentrali; huwa ġiegħel lill-mexxejja lokali jagħtuh ġieħ iżda fil-biċċa l-kbira ħallihom ikomplu b’ħajjithom. Samarkanda kienet l-ikbar eċċezzjoni għal din il-politika: Qutayba stabbilixxa gwarniġjon Għarbi u amministrazzjoni governattiva Għarbija fil-belt, it-tempji tan-nar Żoroastrijani ġġarrfu u minflok inbniet moskea. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-belt ikkonvertiet għall-Iżlam. Bħala riżultat fit-tul, Samarkanda żviluppat f’ċentru tat-tagħlim Iżlamiku u tal-Għarbi.

Lejn l-aħħar tas-snin 40 tas-seklu 8, feġġ moviment ta’ nies li ma kinux sodisfatti bis-setgħa tal-Umayyad fi ħdan il-Kaliffat Għarbi, u dan kien immexxi mill-kmandant Abu Muslim, li wara r-rebħa mir-rewwixta, sar il-gvernatur ta’ Khorasan u ta’ Maverannahr (750-755). Huwa għażel lil Samarkanda bħala r-residenza tiegħu. Ismu huwa assoċjat mal-kostruzzjoni ta’ ħajt difensiv ta’ diversi kilometri madwar il-belt u l-palazz.

Skont leġġenda, matul it-tmexxija tal-Abbasidi, is-sigriet tal-produzzjoni tal-karta sar magħruf mingħand żewġ priġunieri Ċiniżi mill-Battalja ta’ Talas fis-751, u dan wassal għat-twaqqif tal-ewwel impjant tal-produzzjoni tal-karta fid-dinja Iżlamika proprju f’Samarkanda. Imbagħad l-invenzjoni nfirxet fil-bqija tad-dinja Iżlamika u fl-Ewropa.

Il-kontroll ta’ Samarkanda min-naħa tal-Abbasidi ma damx biex jibda jogħtor u ġie sostitwit ma’ dak tas-Samanidi (875-999), għalkemm is-Samanidi xorta kienu vassalli nominali tal-Kaliffat meta kellhom il-kontroll ta’ Samarkanda. Taħt it-tmexxija tas-Samanidi, il-belt saret il-kapitali tad-dinastija Samanida u ċentru iktar u iktar importanti ta’ diversi rotot kummerċjali. Is-Samanidi tilfu kontra l-Karakanidi għall-ħabta tad-999. Matul il-mitejn sena ta’ wara, Samarkanda ġiet immexxija minn għadd ta’ tribujiet Torok suċċessivi, fosthom is-Seljuq u l-Khwarazmshah.

L-awtur Iranjan tas-seklu 10 Istakhri, li vvjaġġa fit-Transoxiana, jipprovdi deskrizzjoni ċara tar-rikkezzi naturali tar-reġjun li huwa jsejjaħ "Smarkandian Sogd":

Ma naf bi mkien fir-reġjun jew f’Samarkanda stess fejn jekk wieħed jerħila jixxabbat f’art b’ċertu elevazzjoni ma jarax ħdura u xi post pjaċevoli, u mkien fil-qrib ma hemm muntanji mingħajr siġar jew xi steppa mimlija trab... Samakandian Sogd... ’il bogħod vjaġġ ta’ tmint ijiem fi ħdura u ġonna ma jaqtgħux... Il-ħdura tas-siġar u tar-raba’ miżrugħ hija estiża tul iż-żewġ naħat tax-xmara [Sogd]... u lil hinn minn dawn l-għelieqi hemm mergħa għall-merħliet. Kull raħal u insedjament għandu fortizza... Huwa l-iktar pajjiż li jagħti frott mill-pajjiżi ta’ Allah; bl-aqwa siġar u frott; f’kull dar hemm ġonna, ċisterni u ilma ġieri.

Era Karakanida (Ilek-Kanid): is-sekli 11-12

immodifika
 
In-nekropoli ta’ Shah-i-Zinda

Wara li sfaxxa l-istat tas-Samanidi fis-sena 999, dan ġie sostitwit mill-Istat Karakanida, taħt it-tmexxija tad-dinastija Torka tal-Karakanidi. Wara li l-Istat Karakanida nqasam f’żewġ partijiet, Samarkanda saret parti mill-Kaganat Karakanida tal-Punent u fl-1040-1212 kienet il-belt kapitali. Il-fundatur tal-Kaganat Karakanida tal-Punent kien Ibrahim Tamgach Khan (1040-1068). Għall-ewwel darba, huwa bena madrasa f’Samarkanda permezz ta’ fondi statali u appoġġa l-iżvilupp tal-kultura fir-reġjun. Matul ir-renju tiegħu, f’Samarkanda ġew stabbiliti sptar pubbliku (bemoristan) u madrasa, fejn kienet tiġi mgħallma l-mediċina.

Il-kumpless tan-nekropoli ta’ Shah-i-Zinda ġie stabbilit mill-mexxejja tad-dinastija Karakanida fis-seklu 11.

L-iżjed monument notevoli tal-era Karakanida f’Samarkanda kien il-palazz ta’ Ibrahim ibn Hussein (1178-1202), li nbena fiċ-ċittadella fis-seklu 12. Matul l-iskavi ġew skoperti frammenti ta’ pitturi monumentali. Fuq il-ħajt tal-Lvant, kien hemm pittura ta’ ġellied Tork, liebes kaftan isfar u b’qaws f’idu. Barra minn hekk, kien hemm pitturi ta’ żwiemel, klieb tal-kaċċa, għasafar u nisa lebsin ilbies ta’ dak iż-żmien.

Era tal-Mongoli

immodifika
 
Il-fdalijiet ta’ Afrasiab f’Samarkanda tal-qedem li nqerdet minn Genghis Khan

Il-Mongoli ħakmu lil Samarkanda fl-1220. Għalkemm Genghis Khan “ma ddisturbax lill-abitanti [tal-belt] bl-ebda mod”, Juvaini jikteb li Genghis qatel lil dawk kollha li fittxew il-kenn fiċ-ċittadella u fil-moskea, seraq ir-rikkezzi kollha tal-belt, u rrekluta lil 30,000 żagħżugħ fil-militar u lil 30,000 oħra bħala artiġjani. Samarkanda ġarrbet mill-inqas attakk ieħor mill-Mongoli mmexxi minn Khan Baraq sabiex jisraq it-teżor li kellu bżonn biex iħallas lill-armata. Il-belt baqgħet parti mill-Kanat ta’ Chagatai (wieħed minn erba’ Kanati Mongoli suċċessivi) sal-1370.

Il-Vjaġġi ta’ Marco Polo, fejn Polo jagħti rendikont tal-vjaġġ tiegħu tul it-Triq tal-Ħarir fl-aħħar tas-seklu 13, jiddeskrivu lil Samarkanda bħala “belt kbira ħafna u mill-isbaħ...”.

Iż-żona ta’ Yenisei kellha komunità ta’ nissieġa ta’ oriġini Ċiniża, u Samarkanda u l-Mongolja Esterna t-tnejn li huma kellhom artiġjani ta’ oriġini Ċiniża, kif irrapportat minn Changchun. Wara li Genghis Khan ħakem l-Asja Ċentrali, il-barranin intgħażlu bħala amministraturi governattivi; iċ-Ċiniżi u l-Kara-Kitaj (Kitani) inħatru bħala koamministraturi tal-ġonna u tal-għelieqi f’Samarkanda li l-Musulmani ma kinux jitħallew jamministraw waħedhom. Il-Kanat ippermetta wkoll it-twaqqif ta’ żoni mmexxija minn isqfijiet Kristjani.

Tmexxija ta’ Timur (1370-1405)

immodifika
 
Tigra fuq il-faċċata tal-madrasa ta’ Sher-dor

Ibn Battuta, li żar il-belt fl-1333, stqarr li Samarkanda kienet “waħda mill-ikbar, l-ifjen u l-isbaħ bliet”. Sostna wkoll li l-għelieqi tas-siġar tal-frott kienu jissaqqew permezz ta’ sistema ta’ irrigazzjoni msejħa noria.

Fl-1365 seħħet rewwixta kontra l-kontroll tal-Mongoli ta’ Chagatai f’Samarkanda. Fl-1370, il-ħakkiem Timur (Tamerlane), il-fundatur u l-mexxej tal-Imperu Timurida, għamel lil Samarkanda l-belt kapitali tiegħu. Matul il-35 sena ta’ wara, huwa wettaq rikostruzzjoni tal-biċċa l-kbira tal-belt u popolaha b’artiġjani kbar u b’ħaddiema tas-sengħa mill-imperu kollu. Timur kiseb reputazzjoni bħala patrun tal-arti, u Samarkanda kibret u saret iċ-ċentru tar-reġjun ta’ Transoxiana. L-impenn ta’ Timur favur l-arti huwa evidenti bil-mod kif, f’kuntrat man-nuqqas ta’ ħniena li wera lill-għedewwa tiegħu, huwa wera ħniena fil-konfront ta’ dawk li kellhom ħiliet artistiċi speċjali. L-artisti, il-ħaddiem tas-sengħa u l-arkitetti ma nqatlux sabiex minflok setgħu jtejbu u jsebbħu l-belt kapitali ta’ Timur.

Timur diġà kien involut direttament fil-proġetti tal-kostruzzjoni, u l-viżjonijiet tiegħu spiss kienu iktar ambizzjużi mill-ħiliet tekniċi tal-ħaddiema tiegħu. Il-belt kienet f’qagħda ta’ kostruzzjoni kostanti, u Timur sikwit kien jordna li jinbnew il-binjiet jew li jerġgħu jiġu kostruwiti malajr jekk ma jkunx sodisfatt bir-riżultati. Skont l-ordnijiet tiegħu, Samarkanda setgħet tintlaħaq bit-toroq biss; ġew imħaffrin ħniedaq fondi u kien hemm ċirkonferenza ta’ tmien kilometri ta’ ħitan li kienu jisseparaw il-belt mill-irħula tal-madwar. Dak iż-żmien il-belt kellha popolazzjoni ta’ madwar 150,000 ruħ. L-ambaxxatur ta’ Enriku III, Ruy Gonzalez de Clavijo, li kien stazzjonat f’Samarkanda bejn l-1403 u l-1406, kien xhud għall-kostruzzjoni bla rażan li kienet għaddejja fil-belt u stqarr: “Il-moskea li Timur kien ordna li tinbena bħala mafkar ta’ ommu u tal-mara tiegħu... għalina kienet l-iktar waħda nobbli li qatt żorna fil-belt ta’ Samarkanda, iżda malli l-kostruzzjoni tagħha tlestiet, beda jsib id-difetti fil-bieb tad-daħla tagħha, li issa qal li kien wisq baxx u li għaldaqstant il-moskea kellha titwaqqa’ minnufih”.

Era ta’ Ulugbek (1409-1449)

immodifika
 
Il-madrasa ta’ Ulugbek f’Samarkanda

Bejn l-1417 u l-1420, Ulugbek, in-neputi ta’ Timur, bena madrasa f’Samarkanda, li saret l-ewwel binja fil-kumpless arkitettoniku kollettiv ta’ Reġistan. Ulugbek stieden għadd kbir ta’ astronomi u ta’ matematiċi tad-dinja Iżlamika f’din il-madrasa. Taħt Ulugbek, Samarkanda saret waħda miċ-ċentri dinjin tax-xjenza Medjevali. Fl-ewwel nofs tas-seklu 15, f’Samarkanda nbniet skola xjentifika sħiħa taħt Ulugbek, li kienet tiġbor taħt saqaf wieħed lil astronomi u lil matematiċi prominenti bħal Giyasiddin Jamshid Kashi, Kazizade Rumi, u al-Kushchi. L-interess prinċipali ta’ Ulugbek fix-xjenza kienet l-astronomija. Fl-1428, tlestiet il-kostruzzjoni tal-osservatorju ta’ Ulugbek. L-istrument ewlieni tal-osservatorju kien il-kwadrant tal-ħajt, li kien uniku fid-dinja.

Sekli 16 sa 18

immodifika

Fl-1500, ġellieda nomadiċi Użbeki ħatfu l-kontroll ta’ Samarkanda. Ix-Xajbanidi kienu l-mexxejja tal-belt għall-ħabta ta’ dan iż-żmien ukoll.

 
L-osservatorju ta’ Ulugbek

Fl-1501, Samarkanda nħatfet minn Muhammad Shaybani mid-dinastija Użbeka tax-Xajbanidi, u l-belt saret parti mill-“Kanat ta’ Bukhara” li kien għadu kemm ġie ffurmat. Samarkanda ntgħażlet bħala l-kapitali ta’ dan l-istat, fejn seħħet l-inkurunazzjoni ta’ Muhammad Shaybani Khan. F’Samarkanda, Muhammad Shaybani Khan ordna li tinbena madrasa kbira, fejn iktar ’il quddiem huwa ħa sehem f’taħditiet xjentifiċi u reliġjużi. L-ewwel darba li din il-madrasa ġiet iddokumentata tmur lura għall-1504 (din il-madrasa nqerdet għalkollox matul is-snin tal-poter Sovjetiku). Muhammad Salikh kiteb li Shaybani Khan bena madrasa f’Samarkanda biex ifakkar b’mod perpetwu lil ħuh Mahmud Sultan. Fazlallah ibn Ruzbihan f’“Mikhmon-namei Bukhara” jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu fir-rigward tal-binja maestuża tal-madrasa, bis-saqaf indurat, hujra għoljin, u spazju miftuħ spazjuż, u jikkwota vers ta’ tifħir lill-madrasa. Zayn ad-din Vasifi, li żar il-madrasa ta’ Shaybani Khan diversi snin wara, kiteb fil-memorji tiegħu li l- veranda, is-sala u l-ispazju miftuħ tal-madrasa kienu spazjużi u tal-għaġeb.

Abdulatif Khan, iben in-neputi ta’ Mirzo Ulugbek, Kuchkunji Khan, li kien il-mexxej ta’ Samarkanda bejn l-1540 u l-1551, kien meqjus bħala espert fl-istorja ta’ Maverannahr u d-dinastija tax-Xibanidi. Huwa kien patrun tal-poeti u tax-xjenzati. Abdulatif Khan stess kien jikteb il-poeżiji bil-psewdonimu letterarju Khush.

Matul ir-renju tal-Axtarkanid Imamkuli-Khan (1611-1642), f’Samarkanda nbnew kapulavuri arkitettoniċi famużi. Bejn l-1612 u l-1656, il-gvernatur ta’ Samarkanda, Yalangtush Bahadur, bena moskea-katidral, il-madrasa ta’ Tillya-Kari u l-madrasa ta’ Sherdor.

Wara attakk mill-Afxarid Shahanshah Nader Shah, il-belt ġiet abbandunata fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu 18. Mill-1599 sal-1756, Samarkanda kienet immexxija mill-fergħa Axtarkanida tal-Kanat ta’ Bukhara.

Tieni nofs tas-seklu 18 u s-seklu 19

immodifika

Mill-1756 sal-1868, Samarkanda kienet immexxija mill-Emiri Mangud ta’ Bukhara. Il-belt reġgħet ħadet il-ħajja matul ir-renju tal-fundatur tad-dinastija Użbeka, il-Mangiti, Muhammad Rakhim (1756-1758), li sar famuż għall-kwalitajiet tiegħu ta’ rieda qawwija u l-arti militari. Muhammad Rakhim għamel diversi tentattivi biex Samarkanda terġa’ tiġi fuq saqajha bħala belt.

Era Ksarista Russa

immodifika
 
Samarkanda fl-1890

Il-belt spiċċat taħt l-Imperu Russu wara li ċ-ċittadella nħatfet bil-forza taħt il-Kurunell Konstantin Petrovich von Kaufman fl-1868. Ftit żmien wara, il-gwarniġjon Russu żgħir ta’ 500 suldat ġew attakkati. L-attakk, li kien immexxi minn Abdul Malik Tura, l-iben il-kbir ribelluż tal-Emir ta’ Bukhara, kif ukoll Baba Beg ta’ Shahrisabz u Jura Beg ta’ Kitab, ġie kkuntrastat b’telfiet kbar ħafna. Il-Ġeneral Alexander Konstantinovich Abramov sar l-ewwel Gvernatur tal-Okrug Militari, li r-Russi stabbilew tul ix-xmara Zeravshan, b‘Samarkanda bħala ċ-ċentru amministrattiv. Is-sezzjoni Russa tal-belt inbniet minn hemm ’il quddiem, il-biċċa l-kbira fil-Punent tal-belt l-antika.

Fl-1886, il-belt saret il-kapitali tal-Oblast ta’ Samarkanda (li kienet għadha kemm ġiet iffurmata) tat-Turkestan Russu u reġgħet kisbet ferm iktar importanza meta ġiet ikkollegata mas-sistema ferrovjarja Trans-Kaspjana fl-1888.

Era Sovjetika

immodifika
 
Bażar f’Samarkanda, illustrazzjoni ta’ Léon Benett għal Jules Verne

Samarkanda kienet il-kapitali tal-SSR Użbeka mill-1925 sal-1930 qabel ma ġiet sostitwita ma’ Tashkent. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, wara li l-Ġermanja Nażista invadiet lill-Unjoni Sovjetika, għadd ta’ ċittadini ta’ Samarkanda ntbagħtu Smolensk biex jiġġieldu kontra l-għadu. Ħafna nqabdu jew inqatlu min-Nażisti. Barra minn hekk, eluf ta’ refuġjati mir-reġjuni okkupati tal-Punent tal-Unjoni Sovjetika ħarbu mill-belt u din intużat bħala waħda miċ-ċentri prinċipali għaċ-ċivili li kienu qed jaħarbu fl-SSR Użbeka u fl-Unjoni Sovjetika kollha.

Fuq l-inizjattiva tal-Akkademiku tal-Akkademja tax-Xjenzi tal-SSR Użbeka, I. Muminov, u bl-appoġġ ta’ Sharaf Rashidov, 2500 anniversarju ta’ Samarkanda ġie ċċelebrat b’mod mifrux fl-1970. F’dan ir-rigward, infetaħ monument għal Mirzo Ulugbek, ġie stabbilit il-Mużew tal-Istorja ta’ Samarkanda, u tfasslet u ġiet ippubblikata storja ta’ żewġ volumi dwar Samarkanda.

Ġeografija

immodifika

Samarkanda tinsab fil-Grigal tal-Użbekistan, fil-wied tax-xmara Zeravshan, 135 kilometru minn Qarshi. It-triq M37 tikkollega lil Samarkand ma’ Bukhara, xi 240 kilometru ’l bogħod. It-triq M39 tikkollegaha ma’ Tashkent, il-belt kapitali tal-Użbekistan, xi 270 kilometru ’l bogħod. Il-fruntiera mat-Taġikistan tinsab madwar 35 kilometru minn Samarkanda u l-belt kapitali tat-Taġikistan, Dushanbe, tinsab 210 kilometru ’l bogħod mill-belt. It-triq M39 tikkollega lil Samarkanda ma’ Mazar-i-Sharif fl-Afganistan, xi 340 kilometru ’l bogħod.

Samarkanda għandha klima Mediterranja (klassifikazzjoni klimatika ta’ Köppen - Csa) pjuttost simili ħafna għal klima semiarida (BSk) bi sjuf sħan u nexfin, u bi xtiewi relattivament varjabbli u bix-xita, b’perjodi li jalternaw ta’ temp sħun u perjodi ta’ temp kiesaħ. Lulju u Awwissu huma l-iktar xhur sħan tas-sena, b’temperaturi li jilħqu u jaqbżu l-40 °C (104 °F). Il-preċipitazzjoni hija sparsa minn Diċembru sa April. Jannar 2008 kien partikolarment kiesaħ; it-temperatura kienet niżlet saħansitra sa −22 °C (−8 °F).

Data klimatika għal Samarkanda (1981-2010, estremi 1936–preżent)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. mass. rekord °C (°F) 23.2

(73.8)

26.7

(80.1)

32.2

(90.0)

36.2

(97.2)

39.5

(103.1)

41.4

(106.5)

42.4

(108.3)

41.0

(105.8)

38.6

(101.5)

35.2

(95.4)

31.5

(88.7)

27.5

(81.5)

42.4

(108.3)

Temp. mass. medja °C (°F) 6.9

(44.4)

9.2

(48.6)

14.3

(57.7)

21.2

(70.2)

26.5

(79.7)

32.2

(90.0)

34.1

(93.4)

32.9

(91.2)

28.3

(82.9)

21.6

(70.9)

15.3

(59.5)

9.2

(48.6)

21.0

(69.8)

Temp. medja kuljum °C (°F) 1.9

(35.4)

3.6

(38.5)

8.5

(47.3)

14.8

(58.6)

19.8

(67.6)

25.0

(77.0)

26.8

(80.2)

25.2

(77.4)

20.1

(68.2)

13.6

(56.5)

8.4

(47.1)

3.7

(38.7)

14.3

(57.7)

Temp. min. medja °C (°F) −1.7

(28.9)

−0.5

(31.1)

4.0

(39.2)

9.4

(48.9)

13.5

(56.3)

17.4

(63.3)

19.0

(66.2)

17.4

(63.3)

12.8

(55.0)

7.2

(45.0)

3.5

(38.3)

−0.2

(31.6)

8.5

(47.3)

Temp. min. rekord °C (°F) −25.4

(−13.7)

−22

(−8)

−14.9

(5.2)

−6.8

(19.8)

−1.3

(29.7)

4.8

(40.6)

8.6

(47.5)

7.8

(46.0)

0.0

(32.0)

−6.4

(20.5)

−18.1

(−0.6)

−22.8

(−9.0)

−25.4

(−13.7)

Preċipitazzjoni medja mm (pulzieri) 41.2

(1.62)

46.2

(1.82)

68.8

(2.71)

60.5

(2.38)

36.3

(1.43)

6.1

(0.24)

3.7

(0.15)

1.2

(0.05)

3.5

(0.14)

16.8

(0.66)

33.9

(1.33)

47.0

(1.85)

365.2

(14.38)

Medja ta’ Jiem ta’ Preċipitazzjoni 14 14 14 12 10 5 2 1 2 6 9 12 101
Medja ta’ Jiem bil-Borra 9 7 3 0.3 0.1 0 0 0 0 0.3 2 6 28
Umdità relattiva medja (%) 76 74 70 63 54 42 42 43 47 59 68 74 59
Medja tas-sigħat ta’ xemx fix-xahar 132.9 130.9 169.3 219.3 315.9 376.8 397.7 362.3 310.1 234.3 173.3 130.3 2,953.1
Sors 1: Ċentru tas-Servizz Idrometeoroloġiku tal-Użbekistan
Sors 2: Pogoda.ru.net (1981-2010), NOAA (1961-1990)

Sit ta’ Wirt Dinji

immodifika

Il-belt ta’ Samarkand ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tal-belt ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Samarkand – Crossroad of Cultures". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-26.
  NODES
chat 1
Note 1