Andrea Palladio (30 ta’ Novembru 1508 – 19 ta’ Awwissu 1580), ismu veru Andrea di Pietro della Gondola, kien arkitett famuż Taljan tas-seklu 16. Ta l-isem lil stil - l-istil Palladjan, li jżomm mal-prinċipji Klassiko-Rumani, kontra t-tiżjin rikk Rinaxximentali. Palladio ppjana ħafna knejjes, vilel u palazzi, l-iżjed f’Vicenza, fejn trabba u għex, f’Venezja u fl-inħawi ta’ madwar. Kien l-arkitett l-iżjed importanti tar-Repubblika ta’ Venezja. Ippubblika t-trattat I Quattro Libri dell'Architettura (1570) li bid-disinji li jinsabu fih kellu influwenza profonda fuq l-arkitettura Ewropea; l-imitazzjoni tal-istil tiegħu bdiet moviment li jissejjaħ il-Palladjaniżmu jew in-Neo-Palladjaniżmu, li dam ħaj tliet sekli.

Andrea Palladio
Ħajja
Isem propju Andrea di Pietro della Gondola
Twelid Padova, Novembru 1508
Nazzjonalità Repubblika ta' Venezja
Mewt Vicenzau Maser, 19 Awwissu 1580
Familja
Konjuga/i Allegradonna (en) Translate
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Venet
Għalliema Bartolomeo Cavazza (en) Translate
Gian Giorgio Trissino (mul) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni arkitett
teoriku tal-arti
Post tax-xogħol Veneto
Vicenza
Venezja
Udine
Xogħlijiet importanti Bażilika Palladjana
Gallerie dell'Accademia (en) Translate
Villa Saraceno (en) Translate
Villa Almerico Capra (La Rotonda) (en) Translate
Gioiello di Vicenza (en) Translate
bażilka ta' San Giorgio Maggiore
Teatru Olimpiku
Sħubija Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Andrea Palladio

Bijografija

immodifika

Andrea di Pietro della Gondola twieled Padova, dak iż-żmien parti mir-Repubblika ta’ Venezja, f’familja ta’ nisel umli: missieru Pietro kien tal-mitħna u ommu Marta, imlaqqma la Zota, kienet mara tad-dar.

Meta kellu 13-il sena Andrea sar lavrant bħala scalpellino f’Padova, fil-ħanut ta’ Bartolomeo Cavazza da Sossano imma wara 18-il xahar biss, f’April 1532, ħarab lejn il-belt ta’ Vicenza fil-qrib, iżda kellu jiġi lura għax kien kiser il-kuntratt ma’ Cavazza. Sena wara nkiteb fl-għaqda tal-iskulturi ta’ Vicenza. Hemm ħadem bħala assistent fil-ħwienet prinċipali tal-iskulturi u l-bennejja, speċjalment mal-bennejja Pedemuro li għalihom beda jieħu ħsieb il-parti arkitettonika l-iżjed elaborata tal-proġetti tagħhom. L-ewwel traċċi tal-istil ta’ Palladio ġejjin minn din il-fażi, diġà narawhom fil-portal tal-Chiesa dei Servi u forsi nistgħu nsibu xi ħjiel tiegħu ukoll fil-Palazzo Gualdo.

Andrea kien għadu ma jissejjaħx "Palladio" meta ħadem fuq il-bini tal-villa ta’ Gerolamo Godi f’Lonedo di Lugo Vicentino. X’aktarx li l-proġett ma kienx f'idejh għalkollox, imma kien inkarigat biex imexxih mill-bennejja Pedemuro, li ġa semmejna, li kienu jqisu ż-żagħżugħ Andrea, li bilkemm kellu tletin sena, bħala speċjalista tal-parti arkitettonika.

 
Waħda mill-ewwel xogħlijiet ta’ Palladio, Villa Godi

Minn barra, il-bini prinċipali ta' Villa Godi hu solidu, massiv u bil-forma ta’ dar tipika tal-kampanja Veneta tal-aħħar tas-seklu 15, b’żewġ torrijiet, qisu iżjed l-evoluzzjoni ta’ kastell antik fewdali milli l-prekursur tal-villa Palladjana: joħorġu l-karattri lokali u tradizzjonali, bħall-pożizzjoni asimetrika tat-twieqi fil-faċċata, il-portiku b’tliet ħnejjiet u l-bini ċentrali mdaħħal ’il ġewwa. L-esperjenza diretta tal-arkitett żagħżugħ kienet limitata għall-ambjent tal-Veneto u l-bini sħiħ jirrifletti it-taħriġ tiegħu li f'dak iż-żmien kien għadu limitat. L-istil tiegħu kien se jinbidel, u jinbidel ħafna, imma biss wara li kellu jara b’għajnejh stess l-arkitettura ta’ Ruma antika. Madankollu, f’Villa Godi, bis-sempliċità tal-forom, biċ-caħda ta’ kull tiżjin estern, Palladio pprova fl-istess ħin, għalkemm timidament, jgħaqqad it-tradizzjoni lokali mat-tensjonijiet innovativi li kienu ħa jimmaturaw bil-ħbiberija ma’ Gian Giorgio Trissino, biex jiksbu struttura simetrika b’taqsim ċar tal-volumi.

Fl-1534, Andrea kien intagħżel mill-Konti Gian Giorgio Trissino bħala l-imgħallem biex immexxi l-bini ta’ Villa Cricoli. Trissino kien poeta, filosfu, litterat u diplomatiku fis-servizz tal-Kurja Rumana. Kien umanista, espert tal-arti militari, dilettant tal-arkitettura u awtur tax-xogħol epiku u poetiku L’Italia liberata dai Goti. Kien hu li ta lil Andrea l-laqam Palladio.[1] Trissino daħħal lil Palladio fiċ-ċirku umanista ta’ Vicenza, l-Academia Olimpica, għarrfu bix-xogħlijiet ta’ Vitruvju u ta’ Leone Battista Alberti, u għenu jipperfezzjona ruħu fl-arti liberali u fl-umaniżmu. Trissino u Palladio fl-1541 għamlu l-ewwel vjaġġ arkeoloġiku lejn Ruma biex jitgħallmu iżjed fuq l-arti antika tal-bini.

Wara l-ewwel vjaġġ, reġa’ lura Vicenza, fejn waqt li kompla jaħdem, studja iżjed fil-fond lil Vitruvju. Mar lura Ruma bosta drabi fl-1545, fl-1547 u fl-1549. Barra Vitruvju, li kien jaqra bir-reqqa, Palladio kien jirreferi wkoll għal għadd ta’ awturi Latini oħra bħal Plinju, Ġulju Ċesri u kittieba oħra iktar qrib ta’ żmienu bħal Leon Baptiste Alberti jew Vasari[2].

 
Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore (Venezja)

Mill-1550, minkejja l-mewt ta’ Gian Giorgio Trissino, il-fama ta’ Palladio nfirxet sa Venezja fejn mexxa l-bini tal-Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore.

Fl-1554, taħt Ġulju III, Palladio għamel l-aħħar vjaġġ lejn Ruma mar-"reverendissmu Daniele Barbaro, Patrijarka ta’ Aquileia"[3], li kkollabora miegħu fl-edizzjoni ta’ De architectura ta’ Vitruvju, ippubblikata f’Venezja fl-1556. Fl-istess sena, Palladio ppubblika L'Antichità di Roma.

Minkejja r-rappreżentazzjonijiet tat-tempji ta’ Nimes fil-Quattro libri dell'architettura jidher li Palladio qatt ma ħalla l-Italja fil-vjaġġi tiegħu. Seta’ għamel vjaġġ fil-Piemonte, fuq it-talba ta’ Emanuele Filiberto ta’ Savoja fis-sajf tal-1566.[4] Jista’ jkun li kien matul dan il-vjaġġ li mar La Turbie fi Franza u ra l-monument Ruman tagħha li ddeskriva fil-Quattro libri.

It-talenti tiegħu kienu apprezzati ukoll f’Firenze fejn fl-1566 daħħluh bħala membru tal-Accademia dell'Arte del Disegno. Il-Quattro libri dell'architettura, li kien ħadem fuqhom minn meta kien żagħżugħ, kienu ppubblikati f’Venezja fl-1570. Fihom wera l-parti l-kbira tax-xogħlijiet tiegħu bħala inċiżjonijiet fl-injam maħdumin taħt id-direzzjoni tiegħu.

Fl-istess sena Palladio kien nominat għall-kariga prestiġjuża ta' Proto della Serenissima (arkitett prinċipali tar-Repubblika ta’ Venezja), minflok Jacopo Sansovino li kien miet. Hemm bena l-Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore u l-knisja tar-Redentur.

Andrea Palladio miet fl-1580 qabel ma lesta t-Teatru Olimpiku ta’ Vicenza li spiċċawh ibnu Silla u d-dixxiplu tiegħu Vincenzo Scamozzi.

Xogħlijiet

immodifika
 
Villa Capra msejħa Villa Rotonda, ħdejn Vicenza

Ix-xogħlijiet arkitettoniċi ta’ Palladio huma kkonċentrati fil-Veneto, fejn wieħed għadu jista’ jarahom. Vicenza hemm it-Teatru Olimpiku, il-Palazz Muniċipali msejjaħ il-Bażilika Palladjana, il-Loggia del Capitanio, bosta palazzi u vilel, li fostom l-iżjed famuża hi Villa Rotonda.

Fil-bosta vilel mibnijin fil-Veneto, Palladio kien ispirat u oriġinali fl-użu ta’ elementi mill-arkitettura antika li sa llum għadhom jagħtu x-xogħol tiegħu dehra ta’ grazzja u ekwilbriju. Il-bini kien jinbena bil-brikks u miksi bl-istukko; il-ġebla kienet tintuża biss għad-dettalji.

 
Villa Badoer

Il-vilel Palladjani l-iżjed famużi huma:

  • Villa Godi,
  • Villa Badoer,
  • Villa Barbaro msejħa Villa Volpi, Maser,
  • Villa Foscari qrib Mira,
  • Villa Capra msejħa Villa Rotonda, qrib Vicenza,
  • Villa Serego, Santa Sofia.

Ix-xogħlijiet pubbliċi u r-residenzi urbani l-iżjed famużi huma:

  • Palazzo la Ragione, Vicenza,
  • Palazzo Chiericati, Vicenza,
  • Il-Kjostru ta’ San Giorgio Maggiore,
 
Villa Pisani, Bagnolo di Lonigo, mill-ktieb I Quattro Libri dell'Architettura, edizzjoni tal-1570
  • Palazzo Valmarana,
  • Il-Bażilika ta’ San Giorgio Maggiore,
  • Il-Knisja tar-Redentur,
  • Loggia del Capitanio, li ma tlestietx,
  • It-Teatru Olimpiku ta’ Vicenza.

I Quattro Libri dell'Architettura

immodifika

I Quattro Libri dell'Architettura ma nistgħux nifirduhom mix-xogħol ta’ Palladio. Dan it-trattat tal-arkitettura u fl-istess ħin l-espressjoni tal-ħsieb teoriku u l-preżentazzjoni tal-bini li nbena minn Palladio jew kien disinjat minnu.

L-influenza ta’ Palladio fuq l-arkitettura

immodifika

Palladio hu arkitett tar-Rinaxximent Taljan li jista’ jitqies bħala umanista. Palladio hu bniedem ta’ żmienu, mill-kitba tiegħu toħroġ teorija universalista, forsi influwenzata minn Vitruvju u Plinju. L-attenzjoni kontinwa li ta għall-proporzjon u s-simetrija bħalma jinstabu fin-natura tidher ċara f’xogħlu. Palladio qagħad attent ħafna biex japplika r-regoli tal-proporzjon għall-kompożizzjoni arkitettonika kostitwiti mill-Antiki u, ta’ minn jinnota, ir-regoli tal-proporzjon mużikali mnedija minn Pitagora. Palladio stess qalu dan fl-1567: "Il-proporzjonijiet tal-vuċi huma armonija għall-widnejn: dawk tal-qies huma armonija għall-għajnejn".

Is-suċċess tal-ħsieb ta’ Palladio hu marbut ukoll ma’ kontroversji kbar bħall-Querelle des Anciens et des Modernes (Il-polemika bejn L-Antiki u l-Moderni) fi Franza. Palladio bħal Trissino kien kritiku tal-arti Gotika. Ix-xogħol teoriku tiegħu għandu bħala għan li joħloq metodu espliċitu biex l-arkitettura ma terġax taqa’ fid-diżordni antika.

L-ideat arkitettoniċi ta’ Palladio kellhom suċċess kbir l-Ingilterra fejn l-arkitett Inigo Jones kien promotur entużjasta ta’ dawn l-ideat. Ħaġa tal-għaġeb li fit-test storiku ta’ Constitutions tal-mażun James Anderson ippublikat f’Londra fl-1723 hemm imsemmijin Palladio u bosta arkitetti oħra tar-Rinaxximent. L-arti ta’ Palladio daħlet Franza mill-Ingilterra lejliet ir-Rivoluzzjoni Franċiża: fil-fatt, kien l-arkitett Claude Nicolas Ledoux li skopra il-Palladjaniżmu l-Ingilterra u introduċieh ġo Franza.

Thomas Jefferson, it-tielet President tal-Istati Uniti, interessa ruħhu ħafna fix-xogħol ta’ Palladio fil-vjaġġi tiegħu fl-Ewropa. Id-dar ta’ Monticello, qrib Charlottesville hi eżempju tal-influwenza tiegħu. Kontemporanju tal-President Jefferson qal li dan kien iħobb jgħid: “Palladio l-mulej tiegħi u l-Erba’ Kotba tal-Arkitettura l-Bibbja tiegħi”.

Xi arkitetti iżjed kontemporanji huma wkoll influwenzati minn Palladio, fosthom Ricardo Bofill li ħadem fuq xi ħames mitt proġett f’xi ħamsin pajjiż, Aldo Rossi, Charles Moore u oħrajn.

Pubblikazzjonijiet

immodifika
  • Madwar l-1554, Venezja u Ruma L'Antichita di Roma kellu bosta edizzjonijiet (1557) - (1560)
  • Fl-1570, it-trattat L-Erba’ Kotba tal-Arkitettura (I Quattro Libri dell'Architettura)[5]
  • Fl-1556 ikkollabora fil-pubblikazzjoni minn Daniele Barbaro ta’ De architectura ta’ Vitruvju li għalih għamel għadd kbir ta’ inċiżjonijiet juru l-arkitettura.

Kronoloġija tax-xogħlijiet

immodifika
 
Statwa ta' Andrea Palladio, Vicenza
 
Villa Emo
 
Villa Foscari magħrufa bħala La Malcontenta
 
Palazzo del Capitanio, Vicenza
 
Pjanta ta' Palazzo Rotonda, Vicenza
 
Palazzo Chiericati, Vicenza, mill-ktieb I Quattro Libri dell'Architettura

Nota: Id-data tirriferixxi għall-bidu tal-ippjanar tax-xogħol u mhux neċessarjament għal meta sar ix-xogħol. Sors: CISA[6]

  • 1531: Portal tal-knisja ta’ Santa Maria dei Servi, Vicenza
  • 1534: Villa Trissino, Cricoli, Vicenza (ma’ Gian Giorgio Trissino)
  • 1537- 1542: Villa Godi (għal Girolamo, Pietro e Marcantonio Godi), Lonedo di Lugo di Vicenza
  • 1539 (bejn wieħed u ieħor): Villa Piovene, Lonedo di Lugo di Vicenza (Vicenza) (attribwita)
  • 1540-1542 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Civena, Vicenza
  • 1540 (bejn wieħed u ieħor)-1566 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Poiana, Vicenza (attribwit)
  • 1542-1556 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Thiene, Vicenza (x’aktarx fuq proġett ta’ Giulio Romano)
  • 1542: Villa Gazzotti (għal Taddeo Gazzotti), Bertesina, Vicenza
  • 1542 (bejn wieħed u ieħor): Villa Caldogno (għal Losco Caldogno), Caldogno (Vicenza) (attribwita)
  • 1542: Villa Pisani (għal Vettore, Marco e Daniele Pisani), Bagnolo di Lonigo (Vicenza)
  • 1542: Villa Thiene (għal Marcantonio u Adriano Thiene), Quinto Vicentino (Vicenza) (x’aktarx modifika ta’ proġett ta’ Giulio Romano)
  • 1543: Villa Saraceno (għal Biagio Saraceno) (Vicenza)
  • 1544 (madwar)-1552: Palazzo Porto (għal Iseppo De' Porti), Vicenza
  • 1546-1549: Logge del Palazzo della Ragione (Basilica Palladiana), Vicenza (tlestew fl-1614 wara mewtu)
  • 1546 (bejn wieħed u ieħor)-1563 (bejn wieħed u ieħor): Villa Pojana (għal Bonifacio Pojana), Pojana Maggiore (Vicenza)
  • 1546 (bejn wieħed u ieħor): Villa Contarini, Piazzola sul Brenta (Padova) (attribwita)
  • 1547: Villa Arnaldi (għal Vincenzo Arnaldi), Meledo di Sarego (Vicenza) (ma tkomplietx)
  • 1548: Villa Angarano, Bassano del Grappa (VI) (bini ċentrali ppjanat mill-ġdid minn Baldassarre Longhena)
  • 1550-1557: Palazzo Chiericati (għal Girolamo Chiericati), Vicenza (tlesta fl-1680 (bejn wieħed u ieħor) wara mewtu)
  • 1550: Villa Chiericati (għal Giovanni Chiericati), Vancimuglio di Grumolo delle Abbadesse (Vicenza) (tlestiet fl-1584 wara mewtu minn Domenico Groppino)
  • Villa Cornaro (għal Giorgio Cornaro), Piombino Dese (Padova)
  • 1552 (bejn wieħed u ieħor): Villa Pisani (għal Francesco Pisani), Montagnana (Padova)
  • 1554-1563: Villa Badoer magħrufa bħala La Badoera (għal Francesco Badoer), Fratta Polesine (Ruma)
  • 1554: Villa Porto (għal Paolo Porto), Vivaro di Dueville (Vicenza) (attribwita)
  • 1554: Villa Barbaro (għal Daniele u Marcantonio Barbaro), Maser (Treviso)
  • 1554?: Villa Zeno (għal Marco Zeno), Donegal di Cessalto (Treviso)
  • 1555 (bejn wieħed u ieħor): Palazzo Dalla Torre, Verona (parti biss inbniet; parti nqerdet f’bumbardament fl-1945)
  • 1556: Arco Bollani, Udine
  • 1556 (madwar): Palazzo Antonini, Udine (saru diversi tibdiliet wara)
  • 1556: Barchessa di Villa Thiene, Cicogna di Villafranca Padovana (Padova)
  • 1557: Villa Repeta, Campiglia dei Berici (Vicenza) (meqruda min-nar u mibnija mill-ġdid f’forma oħra)
  • 1558: Faċċata tal-Bażilika ta’ San Pietro di Castello, Venezja (tlestiet wara mewtu)
  • 1558: Villa Emo (għal Leonardo Emo), Fanzolo di Vedelago (Treviso)
  • 1558: Koppla tal-Katidral ta’ Vicenza, Vicenza (meqruda f’bumbardament fit-Tieni Gwerra Dinjija u mibnija mill-ġdid)
  • 1559: Villa Foscari magħrufa bħala La Malcontenta, Malcontenta di Mira (Venezja)
  • 1559: Casa Cogollo (għal Pietro Cogollo), magħrufa bħala Casa del Palladio, Vicenza (attribwita)
  • 1560-1563 (bejn wieħed u ieħor): kjostru tac-ċipressi u refettorju tal-monasteru ta’ San Giorgio Maggiore, Venezja
  • 1560: Kunvent tal-Karità, Venezja (tlestew biss il-kjostru u l-atriju, inqered fl-1630 min-nar)
  • 1560: Palazzo Schio (għal Bernardo Schio), Vicenza
  • 1563 (bejn wieħed u ieħor): Portal tal-ġenb tal-Katidral ta’ Vicenza
  • 1563 (bejn wieħed u ieħor): Villa Valmarana, Lisiera di Bolzano Vicentino (Vicenza)
  • 1564: Faċċata tal-Knisja ta’ San Francesco della Vigna, Venezja
  • 1564: Palazzo Pretorio, Cividale del Friuli (Udine) (proġett, attribwit)
  • 1565: Knisja tal-monasteru ta’ San Giorgio Maggiore, Venezja (tlestiet bejn l-1607 u l-1611 wara mewtu b’faċċata differenti)
  • 1565: Teatru tal-injam fil-bitħa fil-kunvent tal-Karità, Venezja (meqrud fl-1570 min-nar)
  • 1565: Loggia del Capitanio, Vicenza
  • 1565: Palazzo Valmarana (għal Isabella Nogarola Valmarana), Vicenza
  • 1565: Villa Serego (għal Marcantonio Serègo), Santa Sofia di Pedemonte (Verona)
  • 1565 (bejn wieħed u ieħor): Villa Forni Cerato (għal Girolamo Forni), Montecchio Precalcino (Vicenza)
  • 1566: Villa Capra magħrufa bħala La Rotonda (għal Paolo Almerico), Vicenza (tlestiet fl-1585 wara mewtu minn Vincenzo Scamozzi)
  • 1567 (bejn wieħed u ieħor): Barchesse di Villa Trissino, Meledo di Sarego (Vicenza)
  • 1568: Ponte di Bassano, Bassano del Grappa (mibni mill-ġdid fl-1748 u wara t-Tieni Gwerra Dinjija)
  • 1569-1575: Palazzo Barbaran da Porto (għal Montano Barbarano), Vicenza
  • 1569: Ponte sul Tesina, Torri di Quartesolo (Vicenza) (attribwit)
  • 1570: Villa Porto (għal Iseppo Porto), Molina di Malo (Vicenza)
  • 1571: Palazzo Porto fi Pjazza Castello, Vicenza (tlesta parzjalment fl-1615 minn Vincenzo Scamozzi)
  • 1572?: Palazzo Thiene Bonin Longare, Vicenza
  • 1574-1577: xogħol fis-swali tal-Palazzo Ducale, Venezja
  • 1574: studji għall-faċċata tal-Bażilika ta’ San Petronio, Bolonja
  • 1576 (madwar): Kappella Valmarana (għal Isabella Nogarola Valmarana) fil-Knisja ta’ Santa Corona, Vicenza
  • 1577: Knisja tar-Redentur, Venezja
  • 1578: Knisja ta’ Santa Maria Nova, Vicenza (attribwita, proġett, tlestiet fl-1590 wara mewtu)
  • 1579: Porta Gemona, San Daniele del Friuli (Udine)
  • 1580: Knisja ta’ Santa Luċija, Venezja (disinji tal-intern; twaqqgħet)
  • 1580: Tempietto di Villa Barbaro, Maser
  • 1580: Teatro Olimpico, Vicenza (tlesta wara mewtu minn ibnu Silla u d-dixxiplu tiegħu Vincenzo Scamozzi)
  1. ^ Minn Pallas l-alla Griega tal-għerf
  2. ^ Daħla għall-Ktieb I u Kap XVI ta’ Ktieb II, Ktieb III tal-Quattro libri dell'architettura.
  3. ^ kien hekk li Palladio poġġa ritratt ta’ Barbaro fil-Quattro libri dell'architettura
  4. ^ G. Zorzi, I disegni delle antichità di Andrea Palladio, Venezia, Neri Pozza Editore, 1959
  5. ^ http://www.cesr.univ-tours.fr/architectura/Traite/Notice/ENSBA_LES1338.asp
  6. ^ http://www.cisapalladio.org/veneto/index.php?lingua=i&modo=nomi&ordine=alfa

Biblijografija

immodifika

Ħoloq esterni

immodifika
  NODES
Idea 2
idea 2
INTERN 2