Attakki tal-11 ta' Settembru

L-attakki tal-11 ta' Settembru (imsejħin fil-qasir "9/11"), kienu serje ta' erba' attakki suwiċidi koordinati mmirati lejn siti speċifiċi fil-Belt ta' New York u f'Washington, l-Istati Uniti, nhar il-11 ta' Settembru 2001.

Ġabra ta' ritratti tal-attakki tal-11 ta' Settembru

F'dik il-għodwa, 19-il terrorista mill-grupp Iżlamiku militanti al-Qaeda[1][2][3] ħatfu erba' ajruplani tal-passiġġieri fi triqithom lejn San Francisco u Los Angeles wara li dawn telqu minn Boston, Newark, u Washington. Il-pirati tal-ajru ħabtu intenzjonalment żewġ ajruplani fit-Twin Towers tal-World Trade Center fil-Belt ta' New York. Fid-08:46, l-ajruplan tat-titjira 11 tal-American Airlines daħal fit-Torri tat-Tramuntana, u fid-09:03 l-ajruplan tat-titjira 175 tal-United Airlines daħal fit-Torri tan-Nofsinhar; iż-żewġ torrijiet waqgħu sagħtejn wara l-impatt tal-ajruplani. Il-pirati tal-ajru ħabtu t-tielet ajruplan tat-titjira 77 tal-American Airlines fid-09:37 fil-Pentagon f'Arlington, Virginia. Meta l-passiġġieri ppruvaw jieħdu kontroll tar-raba' ajruplan tat-titjira 93 tal-United Airlines, dan ħabat fl-10:03 ta' filgħodu f'għalqa qrib Shanksville, Pennsylvania, u hekk ma tħalliex jasal għall-mira tiegħu f'Washington, probabbilment il-Capitol jew il-White House. Mietu kważi 3,000 ruħ f'dawn l-attakki.

Is-suspetti mill-ewwel waqgħu fuq al-Qaeda, u fl-2004, il-mexxej tal-grupp Osama bin Laden, li fil-bidu ċaħad l-involviment tiegħu, ħa r-responsabbiltà għall-attakki.[4] Al-Qaeda u Bin Laden qalu li l-attakki saru minħabba l-appoġġ Amerikan lil Iżrael, il-preżenza tat-truppi Amerikani fl-Arabja Sawdija, u s-sanzjonijiet kontra l-Iraq. L-Istati Uniti wieġbu għall-attakki tal-11 ta' Settembru bil-Gwerra Kontra t-Terroriżmu (bl-Ingliż: War on Terror), meta invadew l-Afganistan biex ineħħu lit-Talibani, li kienu qed jaħbu għandhom lill-membri tal-Al-Qaeda. Ħafna pajjiżi ħarrxu l-liġijiet tagħhom kontra t-terroriżmu. F'Mejju 2011, Bin Laden instab u nqatel.[5]

Kronoloġija tal-ġrajjiet

immodifika
  • 08.46: l-ajruplan maħtuf tat-titjira 11 tal-American Airlines tat-tip Boeing 767 bi 92 passiġġier u l-ekwipaġġ abbord, minn mill-Ajruport Internazzjonali ta' Boston għal Los Angeles, ħabat fit-Torri tat-Tramuntana tal-World Trade Centre. L-ajruplan ħabat fit-torri fis-sulari 94 sa 98, imma l-kumplament tat-torri ma ġarrabx ħsarat immedjati.
  • 09.03: l-ajruplan maħtuf tat-titjira 175 tal-United Airlines tat-tip Boeing 767 b'65 passiġġier u l-ekwipaġġ abbord, mill-Ajruport Internazzjonali ta' Boston għal Los Angeles, ħabat fit-Torri tan-Nofsinhar tal-World Trade Centre. L-ajruplan ħabat fis-sulari 78 sa 84 u sar fjamma waħda u qered diversi kolonni strutturali fit-torri li, madankollu, ma kkrollax immedjatament. Bdew ħerġin dħaħen minn diversi sulari tat-Torri tat-Tramuntana. Hekk kif id-dħaħen kbar bdew jinfirxu 'l isfel f'diversi sulari, ammont kbir ta' nies bdew jippreferu jaqbżu mit-twieqi tal-uffiċċji tagħhom għal isfel.
  • 09.40: l-ajruplan maħtuf tat-titjira 77 tal-American Airlines tat-tip Boeing 757 b'64 passiġġier u l-ekwipaġġ abbord, mill-Ajruport Internazzjonali ta' Dulles għal Los Angeles, ħabat fuq il-Pentagon u joqtol madwar 189 membru tal-militar u impjegati ċivili li kienu fil-bini.
  • 09.45: il-bini governattiv kollu fi New York ġie evakwat. L-ajruporti kollha Amerikani ngħalqu mill-awtoritajiet. It-titjiriet internazzjonali ġew ikkanċellati jew devjati lejn il-Kanada u l-Karibew. Il-Borża ta' New York ingħalqet.
  • 09.50: telefonata thedded li "issa jmiss lill-Air Force One", u b'hekk il-President George W. Bush ma tħalliex jirritorna fil-belt kapitali tas-Servizz Sigriet minħabba t-"theddida reali".
  • 10.05: it-Torri tan-Nofsinhar tal-World Trade Centre ġġarraf u nqatlu ħafna minn dawk li kienu salvaw fl-attakk inizjali fuq il-bini flimkien ma' madwar 420 membru tas-servizzi ta' emerġenza. It-torri kollu kkrolla f'għaxar sekondi.
  • 10.10: l-ajruplan maħtuf tat-titjira 93 tal-United Airlines tat-tip Boeing 757 b'45 passiġġier u l-ekwipaġġ abbord, mill-Ajruport Internazzjonali ta' Newark għal San Francisco, ħabat 130 kilometru minn Pittsburgh fil-Lvant ta' Pennsylvania, wara konfront bejn dawk li ħatfu l-ajruplan u xi passiġġieri.
  • 10.28: it-Torri tat-Tramuntana tal-World Trade Centre ġġarraf. Dan għaliex peress li l-ajruplan daħal fis-sulari ta' fuq u ġarrafhom, il-bini mġarraf beda nieżel fuq is-sulari ta' taħt, li ma felħux għall-piż u sular beda jwaqqa' lill-ieħor ta' taħtu sakemm il-bini kollu waqa'.
  • 17.20: il-Binja numru 7 tal-World Trade Centre, b'47 sular biswit it-tifrik tat-Twin Towers, iġġarraf ukoll. Dan minkejja li dan il-bini ma kienx milqut minn xi ajruplan f'idejn it-terroristi. Wara snin ta' investigazzjoni dwar x'wassal għal dan il-kollass, l-Istitut Nazzjonali għall-Istandards u t-Teknoloġija (bl-Ingliż: National Institute of Standards and Technology (NIST)), sab li s-sħana tremenda ta' fuq l-art dgħajfet kolonna strutturali ewlenija fil-Binja numru 7 tal-World Trade Centre u konsegwentement, il-binja kollha, ċediet wara seba' sigħat.
  • 19.00: il-President Bush irritorna f'Washington D.C. minn Florida.
  • 20.30: il-President Bush indirizza lill-poplu Amerikan f'xandira televiżiva mill-White House.

Jumejn wara l-attakk terroristiku, ħaddiema tas-salvataġġ kienu għadhom qed ifittxu qalb il-fdalijiet tal-World Trade Centre bit-tama li jsibu xi persuni ħajjin.

Fatti u ċifri

immodifika
  • Fi New York, it-twaqqigħ taż-żewġ torrijiet tal-WTC ħalla 2,996 vittma.
  • Minn dawn 1,102 biss ġew identifikati.
  • Instabu 289 katavru intatt.
  • L-età tal-biċċa l-kbira tal-vittmi kienet bejn 35 u 39 sena.
  • Fost il-vittmi kien hemm 343 membru tal-korp tat-tifi tan-nar ta' New York. Inqas minn nofshom instabu.
  • Kien hemm ukoll 70 uffiċjal tal-pulizija minn diversi dipartimenti, fosthom 30 mill-Awtorità Portwali ta' New York.
  • Il-vittmi kienu jinkludu 189 persuna li mietu f'Washington meta ajruplan ċivili twaqqa' fuq il-Pentagon u 44 persuna oħra li kienu fuq ir-raba' ajruplan.
  • 60 kumpanija differenti fil-World Trade Centre tilfu impjegati minn tagħhom.
  • In-nar fil-bini taż-żewġ torrijiet dam jaqbad wieħed għal 56 minuta u l-ieħor għal 102 minuti.
  • Ingħataw 36,000 borża tad-demm liċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-Demm fi New York.
  • In-numru ta' tfal li tilfu wieħed mill-ġenituri tagħhom qabeż it-3,100.
  • It-tbassir kien li b'kollox se tgħaddi madwar sena biex Ground Zero jitbattal għalkollox mit-tiġrif li kien hemm wara l-waqgħa taż-żewġ torrijiet u xi bini ieħor fil-qrib. Iżda fil-fatt din il-ħidma, li bdiet bħala waħda ta' salvataġġ u li maż-żmien inbidlet f'waħda ta' tindif, damet inqas. Fil-fatt ix-xogħol tlesta fi tmien xhur u 19-il ġurnata.
  • B'kollox minn Ground Zero, li hi zona ta' madwar 16-il ettaru, inħarġu 108,342 trakk ta' tiġrif. L-aħħar wieħed ħareġ fit-30 ta' Mejju 2002.

World Trade Center

immodifika
 
Veduta tal-Istatwa tal-Libertà bit-Twin Towers qabel ċedew

Mibnija fis-snin sebgħin tas-seklu 20, it-Twin Towers tal-World Trade Centre kienu ddisinjati biex jirreżistu nirien normali u rwiefen qawwija anki f'livell ta' uragani. Skont xi rapporti, l-inġiniera tiegħu kienu jemmnu li l-bini kien kapaċi jirreżisti anki l-impatt ta' Boeing 707, u suppost b'ħabta ġo fih ta' ajruplan ta' dan it-tip, il-bini ma kellux jikkrolla. Imma l-ebda inġinier ma seta' qatt ikun preparat għal attakk vjolenti fil-bini bħal dak meta t-terroristi ħatfu żewġ ajruplani jets, ħafna ikbar mill-Boeing 707, u tajruhom direttament għal fuq iż-żewġ torrijiet.

It-Twin Towers kienu l-bażi tal-WTC u kienu l-ogħla bini fl-Istati Uniti: 1,350 pied. Kellhom 110 sulari kull wieħed, kellhom 43,000 tieqa, u 99 lift. Kienu msaħħa b'numru ta' ħitan tal-azzar. Kienu ġew jiswew 750 miljun dollaru Amerikan. Kienu l-uffiċju ta' 1,200 negozju, li kważi kollha kienu nvoluti f'kummerċ internazzjonali. 50,000 ruħ kienu jaħdmu fihom. 90,000 ruħ kienu jżuruhom kuljum. Kienu ilhom mibnijin 25 sena, mill-1976.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Moghadam, Assaf (2008). The Globalization of Martyrdom: Al Qaeda, Salafi Jihad, and the Diffusion of Suicide Attacks. Johns Hopkins University Press. p. 48. ISBN 978-0-8018-9055-0.
  2. ^ Livesey, Bruce (January 25, 2005). "Special Reports – The Salafist Movement: Al Qaeda's New Front". PBS Frontline. WGBH educational foundation. Retrieved October 18, 2011.Geltzer, Joshua A. (2011). US Counter-Terrorism Strategy and al-Qaeda: Signalling and the Terrorist World-View (reprint ed.). Routledge. p. 83. ISBN 978-0415664523.
  3. ^ Wright, Lawrence (2006). The Looming Tower: Al-Qaeda and the Road to 9/11. Knopf. ISBN 978-0-375-41486-2. p. 79.
  4. ^ "Bin Laden Claims Responsibility for 9/11". Fox News (bl-Ingliż). 2015-03-25. Miġbur 2021-09-11.
  5. ^ Baker, Peter; Cooper, Helene; Mazzetti, Mark (2011-05-02). "Bin Laden Is Dead, Obama Says" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-11.
  NODES
INTERN 6