Il-kassisa, Ribes nigrum hi speċi ta' Ribes indiġena fl-Ewropa ta' Fuq u fl-Asja, u hi perenni.

Kassisa
Klassifikazzjoni xjentifika
Renju: Plantae
(mhux klassifikata): Angiospermae
(mhux klassifikata): Eudicotyledones
(mhux klassifikata): Eudicotyledones tan-nulekju
Ordni: Saxifragales
Familja: Grossulariaceae
Ġeneru: Ribes
Speċi: R. nigrum
Isem binominali
Ribes nigrum
Sinonimi

R. nigrum forma chlorocarpum (Späth) Rehder
R. nigrum var. chlorocarpum Späth
R. nigrum var. sibiricum W.Wolf
R. cyathiforme Pojark.
R. olidum Moench, nom. illeg.

Sors :[1]

Il-kassis jikber f'arbuxxelli żgħar għoljin bejn 1-2 m. Il-weraq tagħhom huma alternati, sempliċi, bejn 3-5 ċm twal u wisgħin, u palmati maqsumin f'ħames tebqiet bit-truf bis-snien. Il-fjuri huma bejn 4-6 mm fid-dijametru, b'ħames petali b'lewn minn aħdar ħamrani sal-kannella; dawn dawn joħorġu f'raċemi bejn 5-10 ċm twal.

Il-pjanta tagħti fwieħa qawwija mill-weraq u z-zkuk. Tagħmel bakek li jittieklu, 1 ċm fid-dijametru, ta' kulur vjola skur ħafna, kważi iswed, bil-ġilda tleqq u caliċi li ma jaqax fuq nett. Il-ftit żerriegħa fil-bakek huma rikki fin-nutrijenti. Arbuxxell stabbilit jista' jipproduċi sa 5 kilogrammi ta' bakek matul is-sajf.

Ix-xtieli mill-Ażja kultant jiddistingwuhom bħala varjetà separata, Ribes nigrum var. sibiricum, jew anki bħala speċi distinta Ribes cyathiforme.

Kultivari

immodifika

Hemm kultivari ħafna tal-kassis, fosthom: Amos Iswed, Ben Alder, Ben Avon, Ben Connan, Ben Dorain, Ben Gairn, Ben Tama, Ben Lomond, Ben Loyal, Ben More, Ben Sarek, Ben Tirran, Ben Zona, Big Ben , Boskoop Giant, Cotswold Cross u Wellington XXX.

Varjetajiet ġodda qed jiġu żviluppati kontinwament biex tissaħaħ it-tolleranza għall-ġlata u r-reżistenza għall-mard u jittejjeb il-ħsad bil-magna, il-kwalità tal-frott, il-kontenut nutrittiv u togħma tal-frott[2]. Żewġ kultivari ġodda li ħarġu mill-programm tat-tnissil tal-kassis f'British Colombia, il-Kanada - Blackcomb u Tahsis - intgħażlu għall-immunità li għandhom għall-fungu tal-arżnu, Cronartium ribicola, u t-tolleranza għall-ġlata[3].

Fil-Finlandja jikkoltivaw varjetajiet li jipproduċu frott aħdar, ta' togħma inqas qawwija u iżjed ħelwa mill-kassis tipiku. Dan jissejjaħ viherherukka[4].

Kultivazzjoni

immodifika
 
Il-produzzjoni tal-kassis u għeneb tax-xewk fl-2005
 
Arbuxxell tal-kassis

Tħejjija qabel it-tħawwil

Hu importanti ħafna li jkun hemm eradikazzjoni kompluta tal-ħaxix ħażin għal staġun sħiħ qabel it-tħawwil. Hu rakkomandat li jintużaw l-erbiċidi għall ħaxix ħażin. Barra minn hekk il-ħamrija għandha tiġi ttestjata għan-nematodi; jista' jkun hemm bżonn il-fumigazzjoni fejn hemm preżenza sinifikanti ta' nematodi li jġorru l-virus.

Il-kultivaturi għandhom iqisu l-fertilità ġenerali tal-art fejn ikunu se jħawlu (pereż. nutrijenti, pH) biex jiżguraw is-sit jissodisfa l-kondizzjonijiet tat-tħawwil rakkomandati kif hu spjegat fil-gwida għall-produtturi ta' din ix-xitla (www.berrycrops.net).

Hu importanti li jkun hemm biżżejjed irrigazzjoni u skulatura tal-ilma qabel wieħed jaħseb biex iħawwel.

Il-kontroll tal-ħaxix ħażin – Il-kultivaturi jistgħu jużaw "mulch" organiku (fosthom serratura u tiben), plastik oħxon miksi bil-"mulch" organiku, jew kanvas bħala mezz kontra l-ħaxix ħażin. Jekk jintużaw xi erbiċidi kimiċi, wieħed għandu jiċċekkja mal-awtoritajiet biex jiżguraw l-użu ta' dawn is-sustanzi hu reġistrat u xieraq.

Iż-żbir – Iż-żbir annwali tal-friegħi u r-rimjiet qodma li huma inqas minn ~45 grad mal-art huwa importanti għall-kura tal-uċuħ u għall-ħsad bil-magna. Spiss jiġri li meta ż-żbir tar-rimjiet niżlin l-isfel jiġi ttraskurat, il-piż tal-frott li jkollhom jegħlibhom u jniżżilhom mal-art u l-frott ikollu l-ħsara jew jitħassar. Iż-żbir jista' jsir bl-idejn jew mekkanikament.

Il-pjanti tal-familja Ribes huma ibatu minn bosta mardiet, fosthom l-aktar prominenti huma Cronartium ribicola u l-moffa. Però hemm Però hemm ġew żviluppati u qed jiġu żviluppati varjetajiet li jirreżistu xi wħud minn dan il-mard.

Hemm ukoll il-marda Drepanopeziza ribis, iżda din normalment mhijiex problema serja għall-varjetajiet żviluppati permezz ta' programmi tat-tnissil prominenti.

Nurijenti u Fitokimiċi

immodifika

Kassis iswed Ewropej nej
Valur nutrizzjonali kull 100 g

Enerġija 264 kJ (63 Kal)
Karboidrati 15.4 g
Xaħam 0.4 g
Proteini 1.4 g
Vitamina B6 0.066 (5%)
Vitamina C 181 mg (218%)
Riboflavina (Vit B2) 0.05 mg (4%)
Tiamina (Vit B1) 0.05 mg (4%)
Niaċina (Vit B3) 0.3 mg (2%)
Aċtu Pantoteniku (Vit B5) 0.398 mg (8%)
Kalċju 55 mg (6%)
Ħadid 1.5 mg (12%)
Manjeżju 24 mg (7%)
Fosfru 59 mg (8%)
Potassju 322 mg (8%)
Żingu 0.27 mg (7%)

Il-perċentaġġi huma tad-doża rrakkomandata għall-adulti.

Il-frott fih ammont straordinarju ta' vitamina C (302% tal-valur ta’ kuljum irrakomandat kull 100 g. Għandu wkoll livelli tajbin ta' potassju, fosfru, ħadid u Vitamina B5, u firxa wiesgħa ta' nutrijenti essenzjali oħra (ara t-tabella tan-nutrijent fuq il-lemin).

F'xi esperimenti tal-laboratorju ntwera li xi fitokimiċi oħra fil-frott (polifenoli/antoċiani) għandhom potenzjal li jinibixxui l-mekkaniżmi tal-infjammazzjoni li huma suspettati li għandhom x’jaqsmu mal-bidu tal-mard tal-qalb, kanċer, infezzjonijiet mikrobjali jew mard newroloġiku bħall-marda ta' Alzheimer.[5][6]. L-antoċiani prinċipali fil-lbieba tal-kassis delfinidina-3-O-glukoside, delfinidina-3-O-rutinoside, ċianidina-3-O-glukoside, u ċianidina-3-O-rutinoside [7] li jibqgħu fil-meraq konċentrat fost polifenoli oħra li għadhom ma ġewx identifikati.[8] [9]

Iż-żejt miż-żerriegħa tal-kassis huwa rikk f’ħafna nutrijenti, speċjalment il-vitamina E u diversi aċti grassi mhux saturati fosthom l-aċtu alfa-linoleniku u l-aċtu gamma-linoleniku. [10] Fi studju pilota fuq in-nies, id-dermatite atopika naqset fit-trabi mredda' minn ommijiet li kienu jieħdu ż-żejt taż-żerriegħa tal-kassis meta l-ulied baqgħu jieħdu ż-żejt għal aktar minn sentejn.

Użi fit-tisjir

immodifika

Dan il-frott jista' jittiekel nej, imma għandu togħma qarsa qawwija u għalhekk ikollu bżonn ta' xi ħlewwa miegħu. Is-soltu jissajjar maz-zokkor biex isir purè, li mbagħad jista' jitgħadda minn biċċa filoxx biex joħroġ il-meraq. Il-purè jista' jintuża fil-ġamm, jogurt, ġelat, sorbet, u ħafna platti ħafna oħra kemm ħelwin u kemm mhumiex. It-togħma qawwija tiegħu tista' tittaffa billi jiġi mħallat ma' frott ieħor, bħal-lampun u frawli fil-ħelu tas-sajf jew tuffieħ fit-torti. Dan il-frott spiss jintuża fil-kċina Daniża u fir-Rødgrød, diżerta popolari fil-Ġermanja ta' Fuq.

Minbarra li jintuża bħala meraq u fil-ġuleppi u kordjali, il-kassis jintuża wkoll fit-tisjir billi l-qrusa tiegħu toħloq togħma tajba f’ħafna zlazi, platti tal-laħam, u diżerti.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Synonymy - Ribes nigrum, Northern Ontario Plant Database
  2. ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-19. Miġbur 2012-05-09.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)
  3. ^ [1]
  4. ^ Junnila, S. et al. (1987). "A green-fruited blackcurrant variety ‘Vertti’". Annales Agriculturae Fenniae 26: 278–283.
  5. ^ Molecular nutrition & food research, Heinonen M, Antioxidant activity and antimicrobial effect of berry phenolics--a Finnish perspective, vol. 51, ħarġa 6. pp 684–91
  6. ^ Journal of agricultural and food chemistry, Seeram NP, Berry fruits: compositional elements, biochemical activities, and the impact of their intake on human health, performance, and disease vol. 56, ħarġa 3, pp 627–9, 2008
  7. ^ Kapasakalidis, PG; Rastall, RA; Gordon, MH (2006). "Extraction of polyphenols from processed black currant (Ribes nigrum L.) residues". Journal of Agricultural and Food Chemistry 54 (11): 4016–21.
  8. ^ Mcdougall, GJ; Gordon, S; Brennan, R; Stewart, D (2005). "Anthocyanin-flavanol condensation products from black currant (Ribes nigrum L.)". Journal of Agricultural and Food Chemistry 53 (20): 7878–85.
  9. ^ Nielsen, IL; Haren, GR; Magnussen, EL; Dragsted, LO; Rasmussen, SE (2003). "Quantification of anthocyanins in commercial black currant juices by simple high-performance liquid chromatography. Investigation of their pH stability and antioxidative potency". Journal of Agricultural and Food Chemistry 51 (20): 5861–6.
  10. ^ Traitler, H; Winter, H; Richli, U; Ingenbleek, Y (1984). "Characterization of gamma-linolenic acid in Ribes seed". Lipids 19 (12): 923–8.
  NODES