Knisja tal-Injam ta' Urnes

knisja tal-injam f'Luster, in-Norveġja

Il-Knisja tal-Injam ta' Urnes (bin-Norveġiż: Urnes stavkyrkje) hija knisja tal-injam tas-seklu 12 f'Urnes, tul il-Lustrafjord fil-muniċipalità ta' Luster, fil-kontea ta' Vestland, in-Norveġja.

Il-Knisja tal-Injam ta' Urnes.

Il-knisja tinsab fuq in-naħa tal-Lvant tal-fjord, eżatt faċċata tal-villaġġ ta' Solvorn, fuq in-naħa l-oħra tal-fjord, u madwar ħames kilometri (tliet mili) fil-Lvant tal-villaġġ ta' Hafslo. Hija fost l-eqdem knejjes tal-injam fin-Norveġja, b'partijiet mill-kostruzzjoni tal-injam li jmorru lura għat-tieni nofs tas-seklu 11.[1] Il-knisja nbniet skont pjanta ta' knisja-bażilika twila ispirata mill-knejjes Kristjani Medjevali, b'kolonni ċilindriċi u bi ħnejjiet semiċirkolari fuq ġewwa. It-tiżjin tal-kapitelli tal-kolonni u fuq barra tal-knisja jirrappreżenta evidenza viżiva tat-trasformazzjoni, tal-assimilazzjoni u tal-adozzjoni tal-Kristjaneżmu fil-kultura tal-Vikingi. Il-portal tat-Tramuntana tal-knisja huwa definit bħala l-istil ta' Urnes, b'tiżjin li oriġina mill-mitoloġija Norveġiża li tmur lura għas-seklu 12.

Is-sjieda tal-knisja ilha f'idejn Fortidsminneforeningen (Soċjetà għall-Preservazzjoni tal-Monumenti Antiki Norveġiżi) mill-1881. Fl-1979, il-Knisja tal-Injam ta' Urnes tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]

Il-knejjes tal-injam fin-Norveġja jmorru lura għas-sekli 10 u 11 u għandhom struttura kubika tridimensjonali miksija b'xorok tal-injam bħala ħitan; il-qafas tal-istruttura kumplessiva huwa mibni b'xorok u bi travi tal-injam stabbiliti bħala ħitan fejn meħtieġ.[3][4]

It-terminu "Stav" bin-Norveġiż ifisser kolonni b'saħħithom tal-injam li jirreferu għall-pilastri u għall-kolonni fl-irkejjen li jirfdu l-istruttura arkitettonika kumplessiva. L-istil tal-knejjes tal-injam jista' jiġi definit bħala stil li juża l-pilastri weqfin tal-injam għall-ħitan tal-istruttura.

Il-Knisja tal-Injam ta' Urnes inbniet għall-ħabta tal-1130 jew ftit wara, u għadha tinsab fil-pożizzjoni oriġinali tagħha; huwa maħsub li hija l-eqdem knisja ta' dan it-tip. L-iskavi li saru fl-1956 żvelaw li kien hemm żewġ knejjes preċedenti li kienu mibnija fl-istess sit.

L-ewwel knisja kienet inbniet matul il-perjodu ta' tranżizzjoni għall-Kristjaneżmu bil-puntali mdeffsin fl-art. It-tieni waħda nbniet fit-tieni nofs tas-seklu 11. Iż-żewġ knejjes kienu strutturi żgħar b'disinn ta' navata u presbiterju.

F'nofs is-seklu 12, it-tieni knisja tneħħiet; it-tielet knisja, ibbażat parzjalment fuq it-tieni waħda, kienet ferm differenti minn ta' qabilha. Tinkorpora sezzjoni ċentrali tan-navata li hija ogħla mill-bqija tal-binja; il-qafas fih 16-il pilastru kbir, u jiddefinixxi n-navata u l-korsiji tal-madwar. Is-saqaf tal-kompartiment ċentrali huwa żewġ metri (6 piedi u 7 pulzieri) ogħla mis-saqaf tal-korsiji.

Dan id-disinn kien tassew popolari dak iż-żmien u serva bħala ispirazzjoni għall-knejjes tal-injam ta' wara. Jipprovdi rabta bejn l-arkitettura Kristjana u l-arkitettura u l-forom tal-arti ta' żmien il-Vikingi, b'tiżjin tipiku bl-annimali, l-hekk imsejjaħ "stil ta' Urnes".

Arkitettura

immodifika

Il-knejjes tal-injam kienu jinbnew kompletament bl-injam skont pjanta klassika ta' bażilika. L-ispirazzjoni prinċipali tal-pjanta kienet l-istil ta' bażilika tal-katidrali Kristjani Ewropej, u l-ispirazzjoni tal-qafas tas-saqaf allinjat b'tavli u tas-saqaf miksi bil-folji tal-injam kienet teknika arkitettonika prevalenti fil-pajjiżi Skandinavi. Il-kolonni ċilindriċi b'kapitelli kubiċi u bi ħnejjiet semiċirkolari fil-knisja joħorġu fid-dieher is-self mill-istrutturi spazjali tal-arkitettura Rumaneska bil-ġebel.

Fis-seklu 17, in-navata tal-knisja, li hija kamra ċentrali olzata permezz ta' korsija, ġiet estiża lejn in-Nofsinhar. Ġew miżjuda elementi oħra fil-knisja, inkluż fonti tal-magħmudija (1640), kanopew tal-injam fuq l-artal (1665) u pulptu (1693-1695). Il-pala ta' fuq l-artal, li turi lil Kristu fuq is-salib flimkien mal-Madonna u Ġwanni l-Battista, tmur lura għall-1699. It-twieqi żdiedu fil-knisja fis-seklu 18.

It-tiżjin fuq barra tal-Knisja tal-Injam ta' Urnes, inkluż it-tinqix fl-injam u t-tiżjin skolpit, iservi bħala evidenza viżiva tat-trasformazzjoni, tal-assimilazzjoni u tal-adozzjoni tal-Kristjaneżmu mill-kultura tal-Vikingi. Panewijiet sħaħ ittieħdu mill-Knisja tal-Injam preċedenti ta' Urnes tas-seklu 11 u mbagħad ġew inkorporati fl-istruttura l-ġdida, u b'hekk elementi tat-tradizzjoni Vikinga baqgħu ħajjin. It-tiżjin imnaqqax tal-Portal tat-Tramuntana, b'annimali interkonnessi, f'dan il-kuntest tal-istil ta' Urnes huwa wieħed mill-aħħar eżempji ta' tiżjin tal-Vikingi bl-annimali.

Minn ġewwa, il-knisja hija iktar imżejna b'mod rikk milli minn barra. L-istruttura hija parzjalment mirfuda minn sensiela ta' kolonni tal-injam tas-seklu 12. Fuq nett tal-kolonni, il-kapitelli huma mżejna bit-tinqix ta' motivi umani, veġetali u bl-annimali. Uħud minn dawn il-kapitelli fihom figuri astratti sempliċi b'disinn interkonness tradizzjonali tal-Vikingi. Il-Knisja tal-Injam ta' Urnes fiha wkoll bosta oġġetti liturġiċi għall-qima pubblika.

Portal tat-Tramuntana

immodifika

Il-portal u dettalji oħra tal-ħajt tat-Tramuntana tal-knisja attwali, kif ukoll it-tavli tal-ħitan forfċi tal-istruttura, huma mżejna bl-istil klassiku ta' Urnes. X'aktarx li huma fdalijiet minn waħda mill-knejjes preċedenti.

Ġie spekulat li l-portal oriġinarjament jaf kien il-portal prinċipali, u kien iħares lejn il-Punent. Fil-mitoloġija u fir-reliġjonijiet, il-portal normalment jagħti aċċess lin-nies fid-dar ta' Alla.[5] F'sens Kristjan, il-portali huma simbolu tal-aċċess mid-dinja tal-mortali tal-kaos u t-tħabit mal-ħażen fil-ħajja ta' kuljum.[6]

It-taqbida bejn is-serp u l-bestja l-kbira, kif murija fil-portal tal-Knisja tal-Injam ta' Urnes, tirrappreżenta l-bidu tal-ġrajja Nordika ta' Ragnarök. Huwa possibbli li t-tiżjin tal-iżjed knisja bikrija kien fih xi xeni mill-mitoloġija Nordika, li hija raġuni plawżibbli għar-rikostruzzjoni prematura tagħha fis-seklu 12. F'dan il-kuntest, l-annimal jista' jiġi interpretat bħala Níðhöggr li qed jiekol l-għeruq ta' Yggdrasil: "Is-sriep u d-draguni interkonnessi jirrappreżentaw tmiem id-dinja skont il-leġġenda Nordika ta' Ragnarök".[7]

Il-portal bl-istil ta' Urnes imnaqqax bi sriep u dwieli interkonnessi, flimkien ma' għadd ta' annimali tawwalin u pjanti rrappreżentati mid-dwieli. L-iżjed punt importanti tal-organiżmi mħabblin f'xulxin huwa l-ħsieb li l-organiżmi ħajjin huma kollha interdipendenti, sew jekk huma annimali u sew jekk huma veġetali. Fuq in-naħa tal-lemin tal-knisja, madwar terz 'il fuq minn isfel, hemm serp b'ġilju ħiereġ minn ħalqu. Din il-karatteristika viżiva spiss tissemma mill-istoriċi tal-arti bħala l-istil ta' Urnes.

Seklu 17 sal-preżent

immodifika

Il-knisja hija mibnija b'navata rettangolari u b'kor idjaq. In-navata u l-kor it-tnejn li huma għandhom spazji ċentrali olzati. Il-kor ġie estiż lejn il-Lvant fis-seklu 17, iżda mbagħad din iż-żieda tneħħiet. It-tpinġija ta' Johan Christian Dahl turiha, u turi wkoll il-qagħda deterjorata tal-knisja dak iż-żmien. Matul is-seklu 20, il-knisja sarilha restawr, u t-tavli tal-ħitan imżejna b'mod rikk ġew mgħottija biex jiġi evitat iktar deterjorament.

Għadd kbir ta' elementi tal-kostruzzjoni Medjevali għadhom fil-post: it-travi tal-art għall-pedamenti (grunnstokker), l-għatbiet u l-ħoġor tat-twieqi (sviller), il-pilastri tal-irkejjen (hjørnestolper), it-travi tal-ħitan (veggtiler) u l-panewijiet tal-ħitan tal-korsiji (stavlægjer). Il-kostruzzjoni tal-kompartiment ċentrali olzat bix-xorok, bil-ħbula u bir-riffieda b'għamla ta' salib, u s-saqaf innifsu, imorru lura wkoll għall-Medju Evu. Mill-knisja preċedenti fis-sit, apparti l-portal, għad fadal żewġ travi fil-ħajt tat-Tramuntana, il-pilastru tar-rokna tal-kor, il-parti forfċija tan-navata u l-parti forfċija tal-Lvant tal-kor.

Il-knisja ma ntużatx b'mod ordinarju mill-1881, meta l-parroċċa ta' Urnes ġiet abolita, u saret parti mill-parroċċa ta' Solvorn fis-Sogn prosti (distrett) tad-djoċesi ta' Bjørgvin. Issa għadha tintuża biss għall-okkażjonijiet speċjali fil-parroċċa bħal magħmudijiet u ż-żwiġijiet.[8][9]

Matul is-sekli twettqu interventi fuq il-binja tal-knisja minħabba ħtiġijiet reliġjużi u prattiċi. Dawn l-interventi għadhom viżibbli sew; ipprovdew xhieda awtentika tal-prattiċi tal-ħajja soċjali u reliġjuża fin-Norveġja. Attwalment, il-Knisja tal-Injam ta' Urnes titqies bħala wieħed mill-iżjed siti turistiċi popolari fil-pajjiż.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Knisja tal-Injam ta' Urnes ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

Gallerija

immodifika

Iktar qari

immodifika
  • Krogh, Knud J. (2011). Urnesstilens kirke – Forgængeren for den nuværende kirke på Urnes (in Norwegian). Oslo. ISBN 978-82-530-3400-3.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Skram, Ola Weel (2019-11-03). "Stavkyrkjene i Noreg er eldre enn først anteke". NRK (bin-Ninorsk Norveġiż). Miġbur 2023-08-24.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Urnes Stave Church". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-24.
  3. ^ Aune, Petter; Ronald L., Sack; Selberg., Arne (1983). "The Stave Churches of Norway". Scientific American. 249 (2): 96–105.
  4. ^ Murphy, G. Ronald (2012). "Yggorasil and the Stave Church". Mythlore. 31 (1–2).
  5. ^ Ødeby, Kristine. "Through the Portal: Viking Motifs Incorporated in the Romanesque Style in Telemark, Norway". Papers from the Institute of Archaeology. 23 (1).
  6. ^ Langley, Maria (2000). "Sacred Wood: A Study of the Norwegian Stave Churches". Thesis for Master's of Art, University of Louisville, 2000.
  7. ^ Fazio, Michael W.; Moffett, Marian; Wodehouse, Lawrence (2003). A World History of Architecture. McGraw-Hill Professional. p. 201. ISBN 978-0-07-141751-8.
  8. ^ "Kirkesøk - Kirkebyggdatabasen". kirkesok.no (bin-Norveġiż). Miġbur 2023-08-24.
  9. ^ "Ny side 1". www.kirkekonsulenten.no. Miġbur 2023-08-24.
  NODES
os 12