Koh Ker

sit arkeoloġiku u belt kapitali tal-Imperu Khmer

Koh Ker (bil-Khmer: ប្រាសាទកោះកេរ្ដិ៍,; Brasat Kaôh Kértĕ; pronunzja: [praːsaːt kɑh keː]) huwa sit arkeoloġiku remot fit-Tramuntana tal-Kambodja madwar 120 kilometru (75 mil) 'il bogħod minn Siem Reap u mis-sit tal-qedem ta' Angkor. Huwa reġjun bil-ġungli bi ftit popolazzjoni. Iktar minn 180 santwarju nstabu f'żona protetta ta' 81 kilometru kwadru (31 mil kwadru). Madwar żewġ tużżani monumenti biss jistgħu jżuruhom it-turisti peress li l-biċċa l-kbira tas-santwarji għadhom moħbija fil-foresti u mhux iż-żona kollha ġiet ikklerjata mill-mini tal-art.

Prasat Thom.

Koh Ker huwa l-isem modern ta' belt importanti tal-Imperu Khmer. Fl-inċiżjonijiet il-belt tissemma bħala Lingapura (il-belt tal-lingam) jew Chok Gargyar (tradotta bħala belt ta' osservazzjoni, jew bħala forestra tas-siġar tal-ħadid).

Matul ir-renju tar-rejiet Jayavarman IV u Harshavarman II Koh Ker għal żmien qasir kienet il-belt kapitali tal-imperu kollu (928–944 W.K.). Jayavarman IV inforza programm ambizzjuż ta' kostruzzjoni. Ġibjun enormi tal-ilma u madwar erbgħin tempju nbnew taħt it-tmexxija tiegħu. L-iżjed kumpless sinifikanti bit-tempji, santwarju doppju (Prasat Thom/Prang), isegwi pjanta lineari u mhux waħda konċentrika bħall-biċċa l-kbira tat-tempji tar-rejiet Khmer. L-iżjed struttura unika hija piramida b'seba' saffi għolja 36 metru (118-il pied), li x'aktarx intużat bħala tempju statali ta' Jayavarman IV. Hemm ukoll santwarji impressjonanti b'lingas għoljin żewġ metri (6 piedi 7 pulzieri).

Taħt Jayavarman IV, l-istil ta' Koh Ker ġie żviluppat u l-arti tal-iskultura laħqet il-quċċata tagħha. Varjetà kbira ta' statwi ġew skolpiti. Minħabba li huwa mbiegħed, ir-rikkezzi tas-sit arkeoloġiku ta' Koh Ker ġew misruqa bosta drabi mill-ħallelin. L-iskulturi ta' Koh Ker mhux biss jistgħu jinstabu f'diversi mużewijiet, iżda anke f'kollezzjonijiet privati. Diversi kapolavuri ta' Koh Ker minn żmien għal żmien jitfaċċaw fl-irkanti. Dawn l-opri, attwalment, jitqiesu bħala arti misruqa.

Is-sit jinsab madwar sagħtejn u nofs 'il bogħod minn Siem Reap, u l-viżitaturi jistgħu jissoġġornaw fil-villaġġ fil-qrib ta' Seyiong, 10 kilometri mit-tempji fejn hemm għadd ta' akkomodazzjonijiet biex jilqgħuhom. Il-vjaġġaturi jistgħu wkoll joqogħdu fil-Koh Ker Jungle Lodge Homestay, proġett turistiku sostenibbli li nbena fil-villaġġ ta' Koh Ker fl-2009. Il-komunità ta' Koh Ker f'Mejju 2019 fetħet akkomodazzjoni bażika tal-injam fil-villaġġ.

Is-sit ta' Koh Ker tniżżel fil-lista tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-17 ta' Settembru 2023 matul il-45 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Riyadh, l-Arabja Sawdija.

Is-sit ta' Koh Ker jinsab bejn ix-xaqlibiet tan-Nofsinhar tal-muntanji Dangrek, il-muntanji Kulen (Phnom Kulen) fil-Lbiċ, u l-muntanja Tbeng (Phnom Tbeng, qrib Tbeng Meanchey) fil-Lvant. Il-biċċa l-kbira tal-art bl-għoljiet hija miksija bil-ġungla, iżda l-maġġoranza tas-siġar joħorfu kull staġun. Il-belt ta' Koh Ker kienet tinsab tul l-iżjed rotta strateġika importanti tal-Imperu Khmer. Din ir-rotta, ġejja minn Angkor u Beng Mealea sa Koh Ker, kienet twassal sat-Tempju ta' Preah Vihear u minn hemm sa Phimai fit-Tajlandja u sa Wat Phu fil-Laos. Ir-reġjun ta' Koh Ker huwa relattivament niexef. Bosta ġibjuni u kanali nbnew matul is-sekli 9 u 10 biex tiġi żgurata l-provvista tal-ilma. Illum il-ġurnata l-ilma jiġi ppompjat minn fond ta' 30 sa 40 metru (98 sa 131 pied).

Jayavarman IV

immodifika
 
Inċiżjoni tal-qedem mill-fdalijiet ta' Koh Ker.

Jayavarman IV irrenja mid-928 sad-941 f'Koh Ker. Jingħad li huwa kien ir-re lokali f'dan is-sit remot, x'aktarx art twelidu, qabel ma sar ir-re tal-imperu kollu. Dan jista' jispjega għaliex kellu r-residenza tiegħu f'Koh Ker u mhux f'Roluos (Hariharalaya) jew f'Yashodharapura (Angkor) bħar-rejiet l-oħra ta' qablu. Xi storiċi jaħsbu li Jayavarman IV kienu użurpatur; iżda, l-maġġoranza tagħhom jemmnu li huwa kien mexxej leġittimu li seta' jitla' fuq it-tron għax kien iżżewweġ lill-oħt tar-rispett tar-re Yasovarman I (889–900). Li huwa ċert hu li ż-żewġ ulied subien ta' Yasovarman I (Harshavarman I, li rrenja mid-900 sad-922, u Isanavarman II, li rrenja mid-922 sal-ħabta tad-925) ma kellhomx tfal. Fiż-żmien qasir li Jayavarman IV irrenja f'Koh Ker, twettaq programm ambizzjuż ta' kostruzzjoni. Dan kien possibbli biss bis-saħħa ta' sistema restrittiva tal-ġbir tat-taxxi bħalma nafu mill-inċiżjonijiet li nstabu fis-sit. Inbnew madwar 40 tempju, il-piramida unika b'seba' saffi u baray (ġibjun tal-ilma) enormi. Taħt Jayavarman IV, ġie żviluppat l-istil ta' Koh Ker u l-arti tal-iskultura laħqet il-quċċata tagħha.

Harshavarman II

immodifika

Wara l-mewt ta' Jayavarman IV, il-prinċep iddeżinjat ma ħax postu. Minfloku, Harshavarman II (iben ieħor ta' Jayavarman IV) tela' fuq it-tron. Bħal missieru, huwa rrenja f'Koh Ker (941–944) iżda wara tliet snin miet; x'aktarx mhux minħabba kawżi naturali. L-ebda wieħed mit-tempji f'Koh Ker jistgħu jiġu attribwiti lilu. Warajh, fuq it-tron tela' kuġinuh, li reġa' għamel lil Roluos (Hariharalaya) bħala s-sede tal-poter.

Koh Ker wara d-944 W.K.

immodifika

Anke wara d-944 W.K., filwaqt li l-belt kapitali tal-Imperu Khmer kienet marret lura lejn il-pjanuri fit-Tramuntana tal-lag ta' Tonle Sap, inbnew iktar tempji fis-sit ta' Koh Ker. Inċiżjoni partikolari ssemmi r-renju ta' Udayadityavarman I fl-1001. Fil-bidu tas-seklu 13 hemmhekk twettaq l-aħħar santwarju. Taħt Jayavarman VII, inbniet Prasat Andong Kuk, l-hekk imsejħa kappella-sptar, waħda minn iktar minn 100 kappella-sptar li nbnew taħt dan il-mexxej.

Storja moderna

immodifika

Seklu 19

immodifika
 
It-torri ta' Koh Ker.

Fit-tieni parti tas-seklu 19, vjaġġaturi avventuriżi Franċiżi marru fil-foresti ta' madwar Koh Ker biex jikkaċċjaw l-annimali selvaġġi. Meta marru lura fi Franza rrakkontaw ġrajjiet dwar l-istrutturi li kienu raw. Ir-riċerkaturi Franċiżi Lunet de Lajonquière u Étienne Aymonier żaru Koh Ker biex jivverifikaw b'għajnejhom. Huma raw il-kumpless tat-tempju prinċipali ta' Prasat Thom/Prang, Baray u grupp ta' santwarji bil-linga. Huma skoprew ukoll xi sottosezzjonijiet ta' triq ewlenija wiesgħa iktar minn 8 metri (26 pied). Huma kienu tal-fehma li fl-imgħoddi kien hemm triq li kienet tikkollega Koh Ker ma' Wat Phu (illum il-ġurnata fin-Nofsinhar tal-Laos). Għall-ħabta tal-1880, membri ta' spedizzjoni Franċiża waslu f'Koh Ker u serqu bosta statwi u riljievi. Dawn l-opri issa jinsabu fil-Musée Guimet f'Pariġi.

Seklu 20

immodifika

Fil-bidu tas-seklu 20, l-istoriċi tal-arti rrealizzaw li f'Koh Ker kien ġie żviluppat stil għalih. George Cœdès ikkonkluda mit-tinqix fil-blat tas-sit li Koh Ker kienet il-belt kapitali tal-Imperu Khmer (928 – 944 W.K.) matul ir-renju ta' Jayavarman IV u s-suċċessur tiegħu Harshavarman II. Fis-snin 30 tas-seklu 20, ir-riċerkaturi Franċiżi reġgħu żaru Koh Ker. Huma skoprew bosta monumenti u sabu sa ħamsin santwarju fl-inħawi f'erja ta' madwar 35 kilometru kwadru (8,649 akru). Henry Parmentier ħejja għadd ta' tpinġijiet. Wara interruzzjoni minħabba r-renju tat-terrur tal-Khmer Rouge, ir-riċerka f'Koh Ker tkompliet mix-xjenzati Franċiżi, Ġappuniżi u Awstraljani ta' APSARA.

Seklu 21

immodifika

Fil-bidu tas-seklu 21, ix-xjenzati kkonkludew li mhux il-monumenti kollha setgħu nbnew fiż-żmien qasir meta Koh Ker kienet il-belt kapitali tal-Imperu Khmer (928 – 944 W.K.). Bdiet era ġdida f'Koh Ker malli bdew jiġu analizzati r-ritratti satellitari. Fl-2004 iż-żona protetta ġiet estiża għal 81 kilometru kwadru (31 mil kwadru; 20,016 akru). Għal ħames snin, ir-riċerkaturi Ġappuniżi esploraw u ddeskrivew xi 184 monument, u ddokumentaw il-pożizzjonijiet eżatti tagħhom. Ir-riċerkatur Awstraljan Damian Evans u t-tim tiegħu rnexxielhom jivverifikaw it-teorija ta' Lajonquière li fl-imgħoddi kien hemm rotta tal-Khmer bejn Koh Ker u Wat Phu, li x'aktarx kienet l-iżjed triq strateġika importanti tal-Imperu Khmer.

 
Statwa ta' Brahma bl-istil ta' Koh Ker, għall-ħabta tad-925-950, il-Mużew ta' Guimet, Pariġi, Franza.

L-iskavi li saru f'Diċembru 2015 mit-timijiet Kambodjani u internazzjonali qrib Prasat Thom u Rahal fiż-żona urbana ewlenija ta' Koh Ker wasslu għal datazzjoni bir-radjukarbonju li b'mod ċar jindikaw li kien hemm abitazzjoni u attività sinifikanti diġà matul is-sekli 7-8 W.K., li spiss huwa perjodu li l-istoriċi jindikaw bħala l-perjodu Chenla. Xi tipi ta' bċejjeċ tal-fuħħar jaf imorru lura għall-perjodu Funan iktar bikri. Ġew irkuprati iktar minn 24,000 artefatt u ekofatt mit-tliet siti ta' prova. L-artefatti fil-biċċa l-kbira huma bċejjeċ tal-fuħħar b'tipi lokali u eżotiċi li jirrappreżentaw iktar minn 1,000 sena ta' użu tas-sit matul is-sekwenza okkupazzjonali. Fost it-tipi eżotiċi ta' bċejjeċ tal-fuħħar hemm ix-xogħol bil-ġebel Ċiniż u l-bċejjeċ igglejżjati mill-perjodi Song u Yuan. Bċejjeċ eżotiċi oħra tal-fuħħar jinkludu xogħol bil-ġebel Tajlandiż u Vjetnamiż li ġeneralment imur lura għall-aħħar tal-perjodi ta' Angkor u ta' wara Angkor. Ġie nnutat ukoll xi xogħol tal-fuħħar Persjan li jmur lura għas-seklu 9. B'hekk, is-sit ta' Koh Ker ġie kkollegat ma' ktajjen tal-valur fuq distanza twila għal diversi perjodi konsiderevoli. Għalkemm l-inħawi jaf intużaw għal xi skop ieħor matul is-seklu 10 waqt l-aqwa taż-żieda tal-kostruzzjoni waqt ir-renju ta' Jayavarman IV, l-użu u l-attivitajiet fis-sit komplew saħansitra wara s-seklu 10. L-intensità tal-attivitajiet u d-densità tal-okkupazzjoni jaf varjaw maż-żmien b'rabta mal-fatturi politiċi u soċjoekonomiċi. Varjabbli tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali u umani kif ukoll fenomeni ambjentali jaf kellhom rwol sinifikanti b'rabta mal-bidliet fil-popolarità, fil-popolazzjoni u fil-produttività. Il-proġett kien parti mill-Iskola fis-Sit taċ-Ċentru ta' Nalanda - Sriwijaya taħt it-tmexxija ta' Dr. D. Kyle Latinis u Dr. Ea Darith (tal-Awtorità Nazzjonali ta' APSARA) bl-appoġġ ulterjuri mingħand l-Awtorità Nazzjonali għal Preah Vihear.

L-ebda mill-iskulturi immensi, espressivi u mill-isbaħ ma tħallew fis-sit. Bosta minnhom insterqu u issa jinsabu fil-mużewijiet u fil-kollezzjonijiet privati. Xi statwi tneħħew mill-organizzazzjonijiet tal-gvern biex jiġi evitat is-serq. Ħafna kapulavuri ta' Koh Ker issa jinsabu fil-kollezzjoni tal-Mużew Nazzjonali fi Phnom Penh.

Fl-aħħar tal-2011, dan is-sit daqstant imbiegħed ġibed l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir ta' madwar id-dinja meta Sotheby's ippruvaw ibigħu statwa ta' ġellied mitiku tal-Imperu Khmer. F'Marzu 2012, il-gvernijiet tal-Istati Uniti u tal-Kambodja ressqu dokumenti ġuridiċi sabiex jissekwestraw l-istatwa li skonthom tneħħiet illegalment mis-sit. Statwa oħra simili, marbuta wkoll mas-sit ta' Koh Ker, tinsab għall-wiri fil-Mużew ta' Norton Simon f'Pasadena, California, l-Istati Uniti.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Koh Ker: is-Sit Arkeoloġiku ta' Lingapura jew Chok Gargyar tal-Qedem ġie ddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]

l-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Reliġjon

immodifika

Qabel ma Koh Ker saret il-belt kapitali tal-Imperu Khmer (928 W.K.), diġà kienu jeżistu bosta santwarji b'lingas ta' Xiva. Koh Ker kien sit ta' qima fejn Xiva kien ilu jiġi meqjum għal żmien twil. Anke Jayavarman IV kien devot ħafna ta' din id-divinità tal-Induiżmu. Peress li r-rejiet li ġew warajh (li r-residenza tagħhom ma kinitx f'Koh Ker) qalbu mill-Indiużmu għall-Buddiżmu, huma ordnaw li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa fit-tempji tagħhom. Minħabba li kienu remoti ħafna, ma sarux interventi fis-santwarji f'Koh Ker.

Inċiżjonijiet

immodifika

Instabu diversi inċiżjonijiet li jsemmu lil Koh Ker bħala l-belt kapitali tal-imperu f'Siem Reap, f'Battambang, f'Takeo u f'Kampong Cham (belt). Mill-inċiżjonijiet li ġew skoperti f'Koh Ker, huwa stmat li iktar minn għaxart elef ruħ kienu jgħixu f'Koh Ker meta kienet il-belt kapitali (928 – 944 W.K.). L-inċiżjonijiet jispjegaw kif kienet tiġi organizzata l-forza tax-xogħol: kienu jinġabru t-taxxi f'għamla ta' ross fil-pajjiż kollu u kienu jservu biex jipprovdu għall-ħaddiema li kienu jiġu minn provinċji differenti. Inċiżjoni f'Prasat Damrei tistqarr li s-santwarju fil-quċċata tat-tempju statali (Prang) jospita lingam ta' madwar 4.5 metri (14-il pied 9 pulzieri) u li l-istabbiliment ta' dan is-simbolu ta' Xiva wassal għal ħafna problemi. Inċiżjoni bis-Sanskritu f'Prasat Thom tagħti evidenza tal-konsagrazzjoni ta' lingam ta' Xiva fid-921 W.K. li kien jiġi meqjum bl-isem ta' Tribhuvaneshvara ("Sinjur tad-Dinja bi Tliet Saffi").

Deskrizzjoni

immodifika

Iċ-ċentru tal-belt tal-qedem kien jinsab fin-naħa tal-Grigal tal-baray (ġibjun tal-ilma). L-inċiżjonijiet isostnu li mill-inqas għaxart elef abitant kienu jgħixu hemmhekk matul ir-renju ta' Jayavarman IV. Xi riċerkaturi tal-imgħoddi kienu jemmnu li l-belt kienet protetta b'ħajt kwadru b'tul laterali ta' 1.2 kilometru (1,312-il jarda). Iżda riċerka ġdida tindika li l-istrutturi lineari li nstabu f'din il-parti ta' Koh Ker kienu xtut jew digi ta' kanali tal-qedem. Fir-rigward tal-binjiet tal-injam tal-Imperu Khmer ma nstabux artefatti.

Il-laterit, il-ġebel ramli u l-brikks kienu jintużaw bħala materjali tal-kostruzzjoni f'Koh Ker. Il-laterit u l-ġebel ramli ta' kwalità eċċellenti kienu jinkisbu fi kwantitajiet kbar mill-barrieri fir-reġjun ta' Koh Ker, għaldaqstant it-trasport tal-ġebel lejn is-sit ma kienx problema. Il-brikks prodotti kienu żgħar, regolari u solidi ħafna. Kien jintuża saff irqiq ta' tkaħħil organiku ta' konsistenza mhux magħrufa, possibbilment xi forma ta' taħlita veġetali. Wara iktar minn millenju, is-santwarji tal-brikks f'Koh Ker jinsabu f'kundizzjoni ferm aħjar minn dawk tal-laterit. Is-soqfa ta' xi tempji f'Koh Ker kienu jinbnew bl-injam u kienu miksijin bil-madum. F'dawn il-monumenti nstabu toqob għax-xorok tal-injam. Is-santwarju prinċipali (il-kumpless tat-tempji ta' Prasat Thom/Prang) ma kienx jeżisti f'nofs il-belt tal-qedem.

Ġibjuni tal-ilma

immodifika

Il-ġibjun enormi tal-ilma magħruf bħala Rahal huwa l-ikbar kostruzzjoni tas-sit tal-belt kapitali tal-qedem ta' Koh Ker. Għandu tul ta' madwar 1,200 metru (1,312-il jarda) u wiesa' madwar 560 metru (612-il jarda). Il-ġibjun tal-ilma fih tliet digi b'taraġ tal-laterit. L-orjentazzjoni tar-Rahal mhijiex mil-Lvant għall-Punent bħal dik tal-ġibjuni l-kbar f'Angkor; minflok l-orjentazzjoni hija tat-Tramuntana 15° il-Punent. Minħabba li l-iżjed monumenti importanti f'Koh Ker għandhom l-istess orjentazzjoni, huwa maħsub li l-ewwel inbena l-ġibjun tal-ilma u l-bqija tal-istrutturi nbnew madwaru wara. Ir-Rahal tnaqqax parzjalment mill-ġebel iżda mhux ċar jekk l-orjentazzjoni tiegħu hijiex dovuta għal xi ħofra naturali li kienet preżenti hemmhekk. Illum il-ġurnata l-biċċa l-kbira tal-ġibjun tal-ilma nixef għalkollox u huwa miksi bil-ħaxix. Qrib is-santwarju doppju għad hemm xi għadajjar xi kultant.

Trapeang Andong Preng

immodifika

200 metru (219-il jarda) fin-Nofsinhar tas-santwarju doppju ta' Prasat Thom/Prang hemm baċir imħaffer fil-ħamrija li huwa twil 40 metru (44 jarda). Għandu taraġ tal-laterit man-naħat kollha tiegħu. Matul l-istaġun tax-xita, l-ilma jasal sa fond ta' 7 metri (23 pied). Trapeang Andong Preng mhuwiex parti minn xi tempju, iżda jaf kien xi banju rjali, għax qrib dan il-post fl-imgħoddi kien hemm il-palazz tal-injam tar-re.

Trapeang Khnar

immodifika

Tempji u santwarji

immodifika

Kumpless tas-santwarju doppju ta' Prasat Thom/Prang

immodifika

Pjanta lineari

immodifika
 
Veduta tal-piramida b'seba' saffi ta' Koh Ker.

Il-kumpless tal-monument prinċipali f'Koh Ker għandu pjanta lineari u huwa twil madwar 800 metru (875 jarda). L-orjentazzjoni tiegħu hija E15°N, b'mod parallel mal-ġibjun tal-ilma. Iż-żona tal-parkeġġ taqsam il-kumpless f'żewġ partijiet. Fuq in-naħa tal-Lvant tal-parkeġġ hemm żewġ strutturi msejħa palazzi. Fuq in-naħa tal-Punent tal-parkeġġ hemm il-monumenti l-oħra. Dawn jinsabu wara r-ristoranti u mil-Lvant għall-Punent huma: paviljun enormi tad-daħla, żewġ torrijiet, torri tad-daħla tal-brikks ħomor (Prasat Krahom), ħajt madwar il-kumpless b'żewġ spazji miftuħa (fl-ispazju miftuħ tal-Lvant hemm il-kumpless tat-tempju ta' Prasat Thom b'ħandaq, filwaqt li fl-ispazju miftuħ tal-Punent hemm piramida b'seba' saffi, imsejħa Prang). Wara l-ħajt tal-madwar hemm għolja artifiċjali, l-hekk imsejjaħ Qabar tal-Iljunfant Abjad. Bl-eċċezzjoni ta' Prasat Krahom u l-Prang (piramida), dan il-kumpless tat-tempji jinsabu f'kundizzjoni xejn tajba.

Fin-naħa tal-Lvant taż-żona tal-parkeġġ hemm żewġ strutturi, l-hekk imsejħa palazzi. Kull struttura tikkonsisti f'erba' binjiet rettangolari madwar bitħa jew spazju miftuħ. It-tmien binjiet kollha fihom tliet kmamar u wħud għandhom terrazzin bil-pilastri. X'aktarx li dawn il-palazzi kienu jintużaw għall-meditazzjoni jew bħala swali għat-talb mir-re jew min-nobbli.

Paviljun tad-daħla u torrijiet tal-laterit

immodifika

Bejn il-palazzi u l-eqreb monument hemm distanza ta' xi 185 metru (607 piedi). Fuq in-naħa tax-xellug taż-żona tal-parkeġġ (wara r-ristoranti) hemm il-paviljun tad-daħla li huwa magħmul mill-ġebel ramli. Dan jinsab 45 metru (148 pied) 'il bogħod mis-santwarju doppju u għandu pjanta b'għamla ta' salib twila 60 metru (197 pied) u wiesa' 30 metru (98 pied). B'mod parallel mal-pjanta b'għamla ta' salib hemm żewġ swali u eżatt wara l-paviljun tad-daħla hemm il-fdalijiet ta' żewġ torrijiet kbar tal-laterit.

Prasat Krahom

immodifika

Wara l-fdalijiet tal-paviljun tad-daħla u t-torrijiet tal-laterit hemm torri tal-brikks ħomor, magħruf bħala Prasat Krahom (krahom = aħmar), li jservi bħala daħla għall-monumenti fuq ġewwa. Għandu pjanta b'għamla ta' salib ukoll, jinsab f'kundizzjoni tajba u fl-imgħoddi kien jospita statwa ta' Xiva f'poża ta' żfin, b'ħamest irjus u għaxar dirgħajn. L-iskultura kienet għolja 3.50 metri (11-il pied 6 pulzieri), iżda issa tkissret għalkollox. Framment ta' id b'daqs ta' 0.5 metri (20 pulzier) jinsab għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali fi Phnom Penh.

Perimetru estern

immodifika

Il-perimetru estern huwa twil 328 metru (1,076 pied) u wiesa' 151 metru (495 pied). Hemm ħajt addizzjonali li jaqsam iż-żona interna fi tnejn. Fil-bitħa tal-Lvant hemm ħandaq u l-kumpless tat-tempji ta' Prasat Thom; u f'dik tal-Punent hemm il-piramida msejħa Prang. Il-bitħa tal-Lvant hija twila 153 metru (502 piedi) u hija kważi kwadra, filwaqt li l-bitħa tal-Punent hija twila 171 metru (561 pied).

Il-ħandaq fil-bitħa tal-Lvant huwa wiesa' madwar 47 metru (154 pied) u jmiss mal-Prasat Thom. Huwa pittoresk ħafna għaliex tulu hemm għadd ta' siġar wara xulxin. Żewġ digi, waħda fin-naħa tal-Lvant u l-oħra fin-naħa tal-Punent, jagħtu għall-artijiet fi ħdan il-ħandaq. Maġenb id-digi hemm għadd ta' balavostri tan-Naga. Fuq id-diga tal-Lvant bejn in-Naga kien hemm ukoll mogħdija bil-kolonni u bil-pilastri. Wara kull Naga fin-naħa tal-Lvant kien hemm xbieha bilwieqfa enormi ta' Garuda.

Prasat Thom

immodifika

X'aktarx li xi partijiet minn Prasat Thom, inkluż il-ħandaq u l-perimetru intern, inbnew qabel id-921 W.K. Is-santwarju tkabbar matul ir-renju ta' Jayavarman IV u issa fih żewġ ħitan tal-madwar fi ħdan il-ħandaq. L-ewwel ħajt intern huwa tal-brikks; it-tieni ħajt estern, b'tul ta' 66 metru (217-il pied) u b'wisa' ta' 55 metru (180 pied), huwa tal-laterit. Hemm ukoll żewġ daħliet fil-Lvant u fil-Punent u d-daħliet tat-tieni ħajt għandhom pjanta b'għamla ta' salib. Id-daħliet tal-ewwel ħajt huma iżgħar u ma għandhomx pjanta b'għamla ta' salib. Il-pjan bejn l-ewwel u t-tieni ħajt huwa mibni għalkollox bi strutturi rettangolari, x'aktarx li nbnew wara. Fl-ispazju miftuħ fin-nofs hemm is-santwarju u faċċata tiegħu hemm l-hekk imsejħa żewġ libreriji. Wara s-santwarju fuq pjattaforma rettangolari hemm disa' torrijiet f'żewġ ringieli (waħda b'ħames torrijiet u oħra b'erba' torrijiet). Madwar il-pjattaforma hemm tnax-il prasat iżgħar f'gruppi ta' tlieta. Il-21 torri kollha fl-imgħoddi kienu jospitaw xi linga.

Il-piramida b'seba' saffi msejħa Prang x'aktarx li kienet it-tempju statali ta' Jayavarman IV. Il-kostruzzjoni tas-santwarju bdiet fid-928 W.K. Fil-pjan terran, naħa waħda tal-binja b'bażi kwadra hija twila 62 metru (203 piedi) u l-istruttura hija għolja 36 metru (118-il pied). Oriġinarjament fil-pjattaforma ta' fuq nett kien hemm linga enormi għolja x'aktarx iktar minn 4 metri (13-il pied) u b'piż ta' diversi tunnellati. L-inċiżjonijiet jindikaw li din kienet l-itwal u l-isbaħ linga ta' Xiva u kienet tinsab f'santwarju li xi riċerkaturi jsostnu li jaf kien għoli xi 15-il metru (49 pied). Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-piramida hemm taraġ wieqaf li jagħti sal-quċċata. It-taraġ oriġinali jinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna, l-istess bħas-sellum tal-bambù li nbena fis-seklu 20. Għalhekk wieħed ma jistax jixxabbat sal-quċċata tal-piramida b'dan il-mod. Madankollu, hemm taraġ ġdid li jista' jintuża biex wieħed jasal sal-quċċata tal-piramida. Fir-rigward tas-seba' saff, xi xjenzati jsostnu li dan kien il-pjattaforma tas-santwarju peress li fuq in-naħat hemm riljievi mill-isbaħ ta' għadd ta' Garuda. L-uniku tempju tal-Khmer li jixbaħ it-tempju huwa dak ta' Baksei Chamkrong f'Angkor. Iżda l-monument b'erba' saffi ta' hemmhekk huwa ferm iżgħar u għandu taraġ fuq kull naħa. Fuq il-pjattaforma fil-quċċata ta' Baksei Chamkrong hemm ukoll prasat f'kundizzjoni tajba.

Qabar tal-Iljunfant Abjad

immodifika

Wara l-ispazju miftuħ bil-piramida tas-seba' saffi hemm għolja artifiċjali b'għamla preċiża ta' ċirku miksija bis-siġar u magħrufa bħala l-Qabar tal-Iljunfant Abjad. "L-Iljunfant Abjad" hija leġġenda magħrufa sew fix-Xlokk tal-Asja. Hemm teoriji differenti dwar l-għolja. Uħud jgħidu li din l-istruttura jaf hija l-pedament ta' piramida oħra. Oħrajn isostnu li jaf kienet il-qabar ta' Jayavarman IV. Il-mogħdija wieqfa li tagħti għall-quċċata tal-għolja issa hija magħluqa minħabba raġunijiet ta' sigurtà.

Santwarji tul it-triq tal-aċċess

immodifika

Prasat Pram

immodifika
 
Prasat Pram.

L-iżjed santwarju fin-Nofsinhar ta' dan il-grupp huwa Prasat Pram fuq in-naħa tal-Punent tat-triq. Mogħdija żgħira twila 300 metru (328 jarda) tagħti għall-monument. Is-santwarju fih ħames torrijiet jew prasats (pram = ħamsa). Imbagħad hemm tliet torrijiet tal-brikks f'ringiela fuq l-istess pjattaforma li jħarsu lejn il-Lvant. It-torri ċentrali huwa kemxejn ogħla mill-oħrajn. F'kull wieħed minn dawn it-torrijiet, fl-imgħoddi kien hemm lingam iżda dawn insterqu flimkien mal-arċitravi mnaqqxin. Żewġ prasat (li jħarsu lejn il-Punent) jinsabu quddiem il-pjattaforma. Wieħed huwa tal-brikks u fih toqob b'għamla ta' djamanti fin-naħa ta' fuq. Dan jindika li t-torri fl-imgħoddi kien jintuża bħala santwarju tan-nar (is-setet tan-nar kienu importanti ħafna matul l-era tar-rejiet Khmer). Il-binja l-oħra hija żgħira u hija tal-laterit. Meta mqabbla mat-tnejn l-oħra, din tinsab f'kundizzjoni ħażina. Il-brikks ta' daqs regolari żgħir iżommu ma' xulxin permezz ta' tkaħħil organiku ta' kompożizzjoni mhux magħrufa (x'aktarx taħlita veġetali). Oriġinarjament, it-torrijiet kienu miksijin bl-istukko abjad u għad hemm xi fdalijiet żgħar tiegħu li għadhom viżibbli. Tnejn mit-torrijiet huma pjuttost pittoreski għax huma miksijin bl-għeruq. Il-ħames torrijiet huma mdawrin b'ħajt. Id-daħla (gopuram) imwaqqa' tinsab fuq in-naħa tal-Lvant. Żewġ artefatti ta' Prasat Pram jinsabu għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali fi Phnom Penh: statwa mxellfa ta' ljun u frammenti ta' Vixnu wieqaf b'erba' dirgħajn.

Prasat Neang Khmau

immodifika
 
Prasat Neang Khmau bin-nugrufun mal-ħitan.

Din il-binja tinsab 12.5-il kilometru (7.8 mili) lejn in-Nofsinhar tal-piramida prinċipali ta' Koh Ker u nbniet bil-ġebel ramli u bil-brikks. Hija tempju tal-bidu tas-seklu 10 li ġie ddedikat lid-divinità Xiva tal-Induiżmu. Il-wiċċ ta' barra tat-tempju ġarrab ħsarat minħabba n-nirien (fil-fatt huwa iswed bin-nugrufun) u x'aktarx li minħabba f'hekk baqa' magħruf ukoll bħala Neang Khmau li bil-Khmer tfisser "Mara Sewda".

It-tempju jissejjaħ ukoll bħala l-"Verġni s-Sewda" u skont leġġenda jaf kien jitqies bħala l-ġenna għal Kali, id-Divinità tal-Qerda.

Leġġenda oħra dwar it-tempju ssostni li bosta snin ilu re setgħan, Preah Bat Sorya Teyong, kien jgħix fil-muntanja ta' Chiso. Darba fost l-oħrajn bintu, Neang Khmao, marret sa Tonle Protron u ltaqgħet ma' ġentlom, Bandit Srey, li mill-ewwel issaħħar warajha u uża l-maġija biex issir tħobbu. Meta r-re sema' b'li kien ġara, huwa ordna li bintu tiġi eżiljata u huwa bena żewġ tempji għaliha biex tgħix fihom. Waqt li kienet f'eżilju saret tħobb patri li mbagħad sar iħobbha u baqax jgħix bħala patri sabiex ikun jista' jmur jgħix mal-prinċipessa fit-tempju magħruf bħala Neang Khmao.

Prasat Bak

immodifika

Iktar lejn it-Tramuntana minn Prasat Neang Khmau u fuq in-naħa tal-Punent tat-triq hemm Prasat Bak, li huwa santwarju kwadru żgħir tal-laterit; naħa waħda tat-tempju hija twila xi 5 metri (16-il pied) biss. Illum il-ġurnata t-tempju jinsab f'kundizzjoni ħażina ħafna u sal-1960 kien jospita statwa kolossali ta' Ganexa (Ganexa huwa divinità tal-Induiżmu, iben Xiva u Uma, u jintwera b'ġisem uman u b'ras ta' iljunfant). Din l-iskultura issa tinsab flimkien mal-istatwa ta' Ganexa bilqiegħda f'kollezzjoni 'l barra mill-Kambodja.

Prasat Chen

immodifika

Dan is-santwarju huwa l-iżjed wieħed fit-Tramuntana minn fost dan il-grupp u jinsab ukoll fin-naħa tal-Punent tat-triq. Għandu żewġ ħitan madwaru. Id-daħla prinċipali (li issa waqgħet) fiha nnifisha kienet santwarju b'sala ċentrali kwadra (ta' 4 metri (13-il pied) fuq kull naħa). Tliet torrijiet tal-laterit (parzjalment imwaqqgħin) jinsabu fuq l-istess pjattaforma. Quddiemhom hemm il-fdalijiet ta' żewġ libreriji tal-brikks. L-istatwa taż-żewġ rejiet xadini Sugriva u Valin (figuri mill-ġrajja epika Induista tar-Ramayana) instabet f'dan is-sit u issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali fi Phnom Penh. Framment ta' statwa ta' Vixnu b'diversi dirgħajn instabet fin-nofs quddiem it-torri. F'dan it-tempju nstabu ħames inċiżjonijiet. Dawn isemmu l-ismijiet tal-bosta persuni marbuta ma' dan is-sit u l-funzjoni tagħhom.

Monumenti tul it-triq ċirkolari

immodifika

Prasat Balang (Prasat Leung Moi)

immodifika
 
Il-fdalijiet ta' Prasat Krachap.

Prasat Balang hija l-ewwel wieħed minn tliet santwarji bil-linga li jinsabu tul it-triq ċirkolari. Il-binja hija waħda kwadra tal-laterit u tinsab fuq pjattaforma, b'daħla waħda u bla saqaf. Fis-santwarju hemm linga impressjonanti fuq yoni. Is-simbolu falliku huwa għoli madwar 2 metri (7 piedi), għandu dijametru ta' kważi metru (39 pulzier) u piż ta' diversi tunnellati. Flimkien mal-yoni tnaqqax mill-ġebel oriġinali tal-post. Il-linga tinsab f'kundizzjoni tajba. Il-yoni huwa għoli madwar metru (39 pulzier) u qisu artal. Fuq l-erba' naħat fl-imgħoddi kienu mnaqqxa xi riljievi. F'kull waħda mill-irkejjen kien hemm Garuda mnaqqxa bir-reqqa, b'dirgħajn mgħollijin biex tingħata l-impressjoni li dawn il-figuri mitiċi kienu qed iġorru l-yoni. Ir-riljievi u l-Garuda nsterqu. Madwar il-yoni hemm spazju żgħir fejn xi patrijiet jagħmlu xi ritwali preskritti. L-ilma li jpoġġu fuq il-linga jemmnu li jsir imbierek meta jmiss mas-simbolu ta' Xiva, jiskula u jinġabar f'foss tal-yoni. Imbagħad permezz ta' żennuna (li għadha intatta) l-ilma kien inixxi lejn in-naħa ta' barra tas-santwarju fejn il-fidili setgħu jmissu l-ilma mbierek.

Prasat Thneng (Prasat Leung Pee)

immodifika

Prasat Thneng huwa simili ħafna għal Prasat Balang. Xi ħallelin ippruvaw iqaċċtu l-linga impressjonanti iżda ma rnexxielhomx. Minkejja dan ħallew warajhom spazju fond madwar nofs metru (20 pulzier), imma s-simbolu ta' Xiva għadu wieqaf f'postu fuq il-yoni li saritilha l-ħsara.

Leung Bye

immodifika

Prasat Leung Bon.

Prasat Andong Kuk (Prasat Sralau)

immodifika

Dan huwa tempju Buddist li nbena fl-aħħar tas-seklu 12 u fil-bidu tas-seklu 13 matul ir-renju ta' Jayavarman VII. Huwa wieħed minn iktar minn 100 sptar-santwarju li bena. L-isem modern ta' Sralau jirreferi għal speċi ta' siġra.

Prasat Krachap

immodifika

Xi kultant miktub bħala Prasat Kra Chap, dan is-sit illum il-ġurnata għad għandu daħla ppreservata sew u l-fdalijiet ta' ħames torrijiet irranġati b'mod partikolari f'grupp ta' ħamsa. Mill-inċiżjonijiet li nstabu madwar id-daħliet, ġie stabbilit li t-tempju kien iddedikat fid-928 lil Tribhuvanadeva, rappreżentazzjoni ta' linga ta' Xiva.

Prasat Bantaey Pee Chean[2]

immodifika

Prasat Chrap

immodifika
 
Banteay Peechean.

Dan it-tempju huwa magħmul minn tliet torrijiet tal-laterit. Illum il-ġurnata t-torrijiet kollha jinsabu f'kundizzjoni ħażina; minn ġewwa minħabba n-nirien u minn barra l-faċċati tal-Punent inqerdu b'tali mod li juri li l-ħsara li saret kienet intenzjonata jew kienet minħabba difett komuni fid-disinn. Ma fadal l-ebda inċiżjoni li tista' tgħin fid-datazzjoni tat-tempju jew fl-identifikazzjoni tad-divinitajiet għal min ġie ddedikat.

Prasat Damrei

immodifika

Mogħdija żgħira tagħti mit-triq ċirkolari għal Prasat Damrei (damrei = iljunfant). Dan is-santwarju fih ħajt madwaru u jinsab fuq pjattaforma għolja. Fuq kull waħda mill-erba' naħat tiegħu hemm taraġ b'madwar għaxar tarġiet. Tmien iljuni tal-ġebel fl-imgħoddi kienu jinsabu għassa mat-taraġ, iżda fadal wieħed biss minnhom f'postu. Fl-imgħoddi kien hemm skultura sabiħa ta' ljunfant f'kull rokna tal-pjattaforma iżda issa għad fadal tnejn biss. Is-santwarju huwa tal-brikks u jinsab f'kundizzjoni tajba. Inċiżjoni bis-Sanskritu li nstabet fit-tempju toffri evidenza li fl-imgħoddi kienet inbniet linga fil-quċċata tal-piramida (Prang).

Iktar qari

immodifika
  • A short guide to the temples in Koh Ker, Heritage Watch, madwar 26 paġna bil-pjanti, bit-tpinġijiet u bir-ritratti.
  • Helen Ibbitson Jessup (2004). Art & Architecture of Cambodia. World of Art. Thames & Hudson. ISBN 0-500-20375-X.
  • Dawn Rooney (2011). Angkor: Cambodia's Wondrous Khmer Temples. Odyssey Illustrated Guides. Foreword by Norodom Sihamoni (6th ed.). Airphoto International. pp. 374–380. ISBN 978-9622178021.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b "Koh Ker: Archaeological Site of Ancient Lingapura or Chok Gargyar - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-25.
  2. ^ Csaba Kàdas (2010). Koh Ker, Shortguide. Budapest: Hunincor. ISBN 978-963-08-0470-7.
  NODES
INTERN 5