Lübeck

belt f'Schleswig-Holstein fit-Tramuntana tal-Ġermanja

Lübeck (pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈlyːbɛk]; bil-Ġermaniż t'Isfel: Lübeek), uffiċjalment il-Belt Anseatika ta' Lübeck (bil-Ġermaniż: Hansestadt Lübeck), hija belt fit-Tramuntana tal-Ġermanja. B'popolazzjoni ta' madwar 217,000 abitant, Lübeck hija t-tieni l-ikbar belt tul il-kosta Baltika Ġermaniża u fl-istat ta' Schleswig-Holstein, wara l-belt kapitali statali Kiel, u hija l-35 l-ikbar belt fil-Ġermanja.

Lübeck
 Ġermanja
Amministrazzjoni
Stat sovranĠermanja
Federated state of GermanySchleswig-Holstein
Kap tal-Gvern Jan Lindenau (en) Translate
Isem uffiċjali Lübeck
Freie und Hansestadt Lübeck
Lubeca
Ismijiet oriġinali Lübeck
Kodiċi postali 23552–23570
Ġeografija
Koordinati 53°52′11″N 10°41′11″E / 53.8697°N 10.6864°E / 53.8697; 10.6864Koordinati: 53°52′11″N 10°41′11″E / 53.8697°N 10.6864°E / 53.8697; 10.6864
Lübeck is located in Germany
Lübeck
Lübeck
Lübeck (Germany)
Superfiċjenti 214.21 kilometru kwadru
Għoli 13 m
Fruntieri ma' Ostholstein (en) Translate, Stormarn (en) Translate, District of Duchy of Lauenburg (en) Translate, distrett ta' Nordwestmecklenburgu Krummesse (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 219,044 abitanti (31 Diċembru 2023)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 4502, 4508u 451
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Kawasaki, Klaipėda, Szczecin, La Rochelle, Kotka, Venezja, Wismar, Bergen, Spokaneu Muniċipalità ta' Gotland
luebeck.de

Il-belt tinsab f'Holstein, fil-Grigal ta' Amburgu, fil-bokka tax-xmara Trave, li tnixxi fil-Bajja ta' Lübeck fil-lokalità ta' Travemünde, u li tkompli sejra fit-tributarja tax-xmara Trave, Wakenitz. Il-belt hija parti mir-Reġjun Metropolitan ta' Amburgu, hija l-iżjed belt fil-Lbiċ tal-Baħar Baltiku, u hija l-eqreb punt ta' aċċess għall-Baltiku minn Amburgu. Il-port ta' Lübeck huwa t-tieni l-ikbar port Baltiku Ġermaniż wara l-port ta' Rostock. Il-belt tinsab fiż-żona djalettali tat-Tramuntana tas-Sassonja t'Isfel tal-Ġermaniż t'Isfel.

Lübeck hija famuża peress li kienet in-nieqa u l-belt kapitali de facto tal-Lega Anseatika. Iċ-ċentru storiku tal-belt huwa l-iżjed Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO estensiv tal-Ġermanja.[1]

Filwaqt li s-simbolu tal-belt huwa d-Daħla ta' Holsten, il-veduta panoramika ta' Lübeck hija dominata mis-seba' torrijiet tal-ħames knejjes prinċipali tagħha: il-Knisja ta' Santa Marija, il-Katidral ta' Lübeck, il-Knisja ta' San Ġakbu, il-Knisja ta' San Pietru, u l-Knisja ta' San Giles. Il-katidral, li tlesta għall-ħabta tal-1230, kien l-ewwel knisja kbira tal-brikks fir-reġjun Baltiku. Il-Knisja ta' Santa Marija, li tlestiet fl-1351, intużat bħala mudell għall-knejjes Gotiċi tal-brikks l-oħra madwar il-Baltiku. Għandha t-tieni l-ogħla faċċata b'żewġ spieri wara l-Katidral ta' Köln, li qabiżha fl-1880. Għandha l-ogħla volta tal-brikks u hija t-tieni l-ogħla struttura tal-brikks wara l-Knisja ta' San Martin f'Landshut. Travemünde hija lokalità famuża mal-baħar, u l-Maritim tagħha jservi bħala t-tieni l-ogħla fanal fid-dinja b'għoli ta' 114-il metru (374 pied). Lübeck hija magħrufa wkoll għall-Marżipan ta' Lübeck.

Il-bniedem insedja l-inħawi madwar fejn illum insibu l-belt ta' Lübeck wara l-aħħar Era Glaċjali li ntemmet għall-ħabta tad-9700 Q.K. Fl-inħawi nstabu diversi dolmen Neolitiċi.

Għall-ħabta tas-700 W.K., il-popli Slaviċi bdew jinsedjaw il-partijiet tal-Lvant ta' Holstein, żona li qabel kienet insedjata minn abitanti Ġermaniċi li kienu telqu minn hemm fil-Perjodu tal-Migrazzjoni. Karlu Manju, li l-isforzi ta' Kristjanizzazzjoni taż-żona tiegħu ġew opposti mis-Sassoni Ġermaniċi, keċċa ħafna mis-Sassoni u daħħal minflok alleati Slavi Polabjani. Liubice (li tfisser "sabiħa") ġiet stabbilita max-xtut tax-xmara Trave madwar erba' kilometri (2.5 mili) fit-Tramuntana taċ-ċentru storiku tal-belt attwali ta' Lübeck.

Fis-seklu 10, dan sar l-iżjed insedjament importanti tal-konfederazzjoni Obotrita u nbena kastell. Fl-1128, il-pagani Rani minn Rügen qerdu lil Liubice.

Fl-1143, Adolf II, il-Konti ta' Schauenburg u ta' Holstein, stabbilixxa l-belt moderna bħala insedjament Ġermaniż fil-gżira Bucu f'nofs ix-xmara. Huwa bena kastell ġdid, li ssemma għall-ewwel darba mill-kronista Helmold bħala kastell li kien jeżisti fl-1147. Adolf kellu jċedi l-kastell lid-Duka tas-Sassonja, Enriku l-Iljun, fl-1158. Wara l-waqgħa ta' Enriku mill-poter fl-1181, il-belt saret belt imperjali għal tmien snin.

L-Imperatur Barbarossa (li rrenja fl-1152-1190) ordna li l-belt kellu jkollha kunsill ta' tmexxija magħmul minn 20 membru. Il-kunsill kien iddominat mill-merkanti, u għaldaqstant l-interessi kummerċjali sawru l-politika ta' Lübeck għal sekli sħaħ. Il-kunsill baqa' jeżisti sas-seklu 19. Il-belt u l-kastell bidlu s-sjieda tagħhom għal xi żmien u saru jiffurmaw parti mid-Dukat tas-Sassonja sal-1192, tal-Kontea ta' Holstein sal-1217, u tar-renju tad-Danimarka sal-Battalja ta' Bornhöved fl-1227.

Belt Anseatika

immodifika

Għall-ħabta tal-1200, il-port sar il-punt tat-tluq prinċipali għall-kolonjalisti li salpaw lejn it-territorji Baltiċi kkonkwistati mill-Ordni Livonjana, u iktar 'il quddiem, mill-Ordni Tewtonika. Fl-1226, l-Imperatur Federiku II eleva l-belt għall-istatus ta' belt ħielsa imperjali, u b'hekk saret il-Belt Ħielsa ta' Lübeck.

Fis-seklu 14, Lübeck saret ir-"Reġina tal-Lega Anseatika", peress li kienet bil-bosta l-ikbar membru u l-iżjed wieħed setgħan ta' dik l-organizzazzjoni kummerċjali Medjevali. Fl-1375, l-Imperatur Karlu IV ta t-titlu ta' waħda mill-ħames "Glorji tal-Imperu" lil Lübeck, titlu kondiviż ma' Venezja, Ruma, Pisa u Firenze.

Diversi kunflitti dwar il-privileġġi kummerċjali rriżultaw fi ġlied bejn Lübeck (u l-Lega Anseatika) u d-Danimarka u n-Norveġja - b'eżiti li varjaw. Filwaqt li Lübeck u l-Lega Anseatika pprevalew fil-kunflitti tal-1435 u tal-1512, Lübeck tilfet meta ġiet involuta fil-Gwerra Fewdali tal-Konti, gwerra ċivili li faqqgħet fid-Danimarka mill-1534 sal-1536. Lübeck ingħaqdet ukoll mal-Lega pro-Luterana Schmalkaldika ta' nofs is-seklu 16.

Wara t-telfa li ġarrbet fil-Gwerra Fewdali tal-Konti, il-poter ta' Lübeck bil-mod il-mod beda jmajna. Il-belt baqgħet newtrali fil-Gwerra ta' Tletin Sena tal-1618-1648, iżda l-kombinament tad-devastazzjoni mill-gwerra li damet deċennji u l-orjentazzjoni Trans-Atlantika ġdida tal-kummerċ Ewropew wasslu għad-deklin fl-importanza tal-Lega Anseatika - u b'hekk magħha ta' Lübeck. Madankollu, anke wara l-isfaxxar de facto tal-Lega Anseatika fl-1669, Lübeck xorta waħda baqgħet belt kummerċjali importanti fil-Baħar Baltiku.

Mill-gwerer ta' Napuljun għall-gwerra bejn Franza u l-Prussja

immodifika
 
Lübeck fil-Kronaka ta' Nuremberg, 1493.

Matul il-gwerra tar-Raba' Koalizzjoni kontra Napuljun, it-truppi taħt il-Marexxall Jean Baptiste Bernadotte (li iktar 'il quddiem sar ir-Re tal-Iżvezja) okkupaw Lübeck wara battalja kontra l-Ġeneral Prussjan Gebhard Blücher fis-6 ta' Novembru 1806 minħabba li dan tal-aħħar uża b'mod illegali l-belt bħala fortizza, b'vjolazzjoni tan-newtralità ta' Lübeck, b'segwitu għall-għan Franċiż tal-korpi tiegħu wara l-Battalja ta' Jena-Auerstadt. Taħt is-Sistema Kontinentali, il-bank tal-Istat falla. Fl-1811, l-Imperu Franċiż formalment annetta lil Lübeck bħala parti minn Franza iżda l-alleati ta' kontra Napuljun ħelsu l-inħawi fl-1813.

Wara t-telfa li ġarrab Napuljun, il-Kungress ta' Vjenna tal-1815 irrikonoxxa lil Lübeck bħala belt ħielsa indipendenti. Il-belt saret membru tal-Konfederazzjoni Ġermaniża (1815-1866), tal-Konfederazzjoni Ġermaniża tat-Tramuntana (1866-1871) u tal-Imperu Ġermaniż (1871-1918).

Matul il-Gwerra bejn Franza u l-Prussja, il-battaljun ta' de Fusilier ta' Lübeck kien parti mit-"tieni Riġment Anseatiku tal-Fanterija Nru 76". Dakinhar tal-Battalja ta' Loigny, il-kmandant tas-17-il Diviżjoni, Hugo von Kottwitz, avvanza filgħodu quddiem il-battaljun ta' de Fusilier tar-riġment, u ħeġġiġhom "jikkommemoraw il-qlubija tal-Lega Anseatika". Huwa wettaq attakk fit-Tramuntana filwaqt li l-battaljuni l-oħra daru lejn Loigny.

Dan ix-xokk ħasad lill-Franċiżi, tant li ġew invażi mill-ġnub. Huma ħarbu lejn Fougeu iżda tkeċċew minn hemm ukoll. Il-battalja saret il-ġrajja tal-istabbiliment tal-aħħar riġment ta' Lübeck, it-tielet Riġment Anseatiku tal-Fanterija Nru 162, li ġie stabbilit fl-1897. Meta l-kmandant tal-battaljun irritorna lejn Lübeck flimkien mal-battaljun tiegħu, huwa nħatar kmandant tar-riġment.

Seklu 20

immodifika
 
Id-daħla tal-battaljun ta' de Fusilier f'Lübeck fit-18 ta' Ġunju 1871.

Fl-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija u l-waqgħa tal-Imperu Ġermaniż, Lübeck saret stat membru tar-Repubblika ta' Weimar (1919-1933). Wara li n-Nażisti ħatfu l-poter, Lübeck, bħall-istati Ġermaniżi l-oħra kollha, ġiet soġġetta għall-proċess ta' Gleichschaltung (koordinazzjoni). Wara l-promulgazzjoni tat-"Tieni Liġi dwar il-Koordinazzjoni tal-Istati mar-Reich" tas-7 ta' April 1933, Friedrich Hildebrandt inħatar għall-kariga l-ġdida ta' Reichsstatthalter (Gvernatur tar-Reich) ta' Lübeck fis-26 ta' Mejju 1933. Hildebrandt ħatar lil Otto-Heinrich Drechsler bħala l-Bürgermeister, minflok is-Soċjal-Demokratiku elett, Paul Löwigt. Barra minn hekk, fit-30 ta' Jannar 1934, il-gvern tar-Reich ippromulga l-"Liġi dwar ir-Rikostruzzjoni tar-Reich", u formalment ġew aboliti l-parlamenti statali kollha u s-sovranità ġiet ittrasferita mill-istati lejn il-gvern ċentrali. B'din l-azzjoni, l-assemblea popolari ta' Lübeck, il-Bürgerschaft, ġiet xolta u Lübeck effettivament tilfet id-drittijiet tagħha bħala stat federali. Taħt id-dispożizzjonijiet tal-Att taż-Żona l-Kbira ta' Amburgu, Lübeck ġiet assorbita fil-Provinċja Prussjana ta' Schleswig-Holstein mill-1 ta' April 1937, u b'hekk tilfet l-istatus li kellha għal 711-il sena ta' belt ħielsa indipendenti.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-1945), Lübeck saret l-ewwel belt Ġermaniża li ġarrbet bumbardament sostanzjali mill-Forza tal-Ajru Rjali (bl-Ingliż: Royal Air Force (RAF)). L-attakk tat-28 ta' Marzu 1942 ikkawża n-nirien li ħakmu ċ-ċentru storiku u wasslu għal ħsarat estensivi. Dan l-attakk qered tlieta mill-knejjes prinċipali u partijiet kbar miż-żona mibnija; il-qniepen tal-Knisja ta' Santa Marija ċedew u waqgħu mit-torri għal isfel fuq il-ġebel. Kważi 1,500 dar inqerdu għalkollox, 2,200 dar ġarrbu ħsarat estensivi u 9,000 dar ġarrbu ftit ħsarat. Iktar minn 320 ruħ tilfu ħajjithom. Iż-żona industrijali ta' Lübeck ġiet ibbumbardjata fil-25 ta' Awwissu 1944 u 110 ruħ inqatlu. B'kollox, kważi 20 % taċ-ċentru storiku tal-belt inqered għalkollox, bi ħsara partikolari fil-kwartier ta' Gründungsviertel, fejn il-merkanti għonja mil-Lega Anseatika kien jgħixu fl-imgħoddi. Il-Ġermanja operat kamp tal-priġunieri tal-gwerra għall-uffiċjali, Oflag X-C, qrib il-belt mill-1940 sa April 1945. It-Tieni Armata Brittanika daħlet f'Lübeck fit-2 ta' Mejju 1945 u okkupatha mingħajr reżistenza.

Fit-3 ta' Mejju 1945, wieħed mill-ikbar diżastri fl-istorja navali seħħ fil-Bajja ta' Lübeck meta l-inġenji tal-ajru tal-gwerra tal-RAF għerrqu tliet vapuri: l-SS Cap Arcona, l-SS Deutschland u l-SS Thielbek - li, minn taħt, kienu ppakkjati bil-priġunieri tal-kampijiet ta' konċentrament. F'dan id-diżastru mietu madwar 7,000 ruħ.

Il-popolazzjoni ta' Lübeck kibret b'mod konsiderevoli, minn madwar 150,000 ruħ fl-1939 għal iktar minn 220,000 ruħ wara l-gwerra, bis-saħħa tal-influss ta' refuġjati Ġermaniżi etniċi li kienu tkeċċew mill-eks provinċji tal-Lvant tal-Ġermanja fil-Blokk Komunista. Lübeck baqgħet parti minn Schleswig-Holstein wara t-Tieni Gwerra Dinjija (u konsegwentement kienet tagħmel parti mill-Ġermanja tal-Punent). Kienet tinsab direttament ma' dik li saret il-fruntiera interna matul id-diviżjoni tal-Ġermanja f'żewġ stati fil-perjodu tal-Gwerra Bierda. Fin-Nofsinhar tal-belt, il-fruntieri kienet issegwi l-fluss tax-xmara Wakenitz, li kienet tissepara żż-żewġ Ġermanji b'inqas minn 10 metri (33 pied) f'ħafna postijiet tul ix-xmara. L-iżjed post fit-Tramuntana fejn wieħed seta' jaqsam il-fruntiera kien id-distrett ta' Schlutup f'Lübeck. Għal deċennji sħaħ sar restawr taċ-ċentru storiku tal-belt ta' Lübeck u fl-1987 l-UNESCO niżżlitu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tagħha.[1]

Fit-18 ta' Jannar 1996 billejl, in-nirien ħakmu dar tar-refuġjati barranin, u mietu 10 persuni u ndarbu sew iktar minn 30 ruħ, l-iktar tfal. Il-biċċa l-kbira tal-abitanti tad-dar ħasbu li kien attakk razzista, peress li ddikjaraw li kienu ltaqgħu ma' ostilità kbira fil-belt. Dak iż-żmien il-pulizija u l-qorti lokali ġew ikkritikati peress li eskludew ir-razziżmu bħala motiv possibbli saħansitra qabel bdew l-investigazzjonijiet preliminari. Madankollu, sal-2002, il-qrati sabu li l-Ġermaniżi kollha involuti ma kinux ħatja; u kwalunkwe persuna li kienet ħatja baqgħet qatt ma nqabdet.

F'April 2015, Lübeck ospitat il-konferenza tal-G7.

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika
 
Veduta taċ-ċentru storiku mill-ajru.

Iċ-ċentru storiku tal-Belt Anseatika ta' Lübeck ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987. Iż-żona ta' lqugħ tas-sit ġiet immodifikata kemxejn fl-2009.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".

Demografija

immodifika

Fl-2020, il-belt kellha popolazzjoni ta' 219,645 ruħ. L-ikbar gruppi etniċi minoritarji huma t-Torok, l-Ewropej Ċentrali (l-iktar il-Pollakki), l-Ewropej tan-Nofsinhar (l-iktar il-Griegi u t-Taljani), l-Ewropej tal-Lvant (eż. ir-Russi), l-Għarab, u diversi gruppi iżgħar.

L-iżvilupp tal-popolazzjoni mill-1350:

Popolazzjoni storika
Sena Pop. ±% p.a.
1350 18,800 —    
1400 17,200 −0.18%
1502 25,444 +0.38%
1600 19,749 −0.26%
1708 19,978 +0.01%
1807 31,450 +0.46%
1845 38,190 +0.51%
1871 48,274 +0.91%
1900 93,241 +2.30%
1910 112,890 +1.93%
1925 124,358 +0.65%
Sena Pop. ±% p.a.
1939 154,811 +1.58%
1946 235,923 +6.20%
1952 234,960 −0.07%
1960 231,827 −0.17%
1970 241,982 +0.43%
1980 222,145 −0.85%
1990 213,847 −0.38%
2000 215,267 +0.07%
2010 212,112 −0.15%
2015 218,253 +0.57%
2020 219,645 +0.13%

L-istruttura tal-popolazzjoni:

Klassifika Nazzjonalità Popolazzjoni (31 ta' Diċemrbu 2020)
1 Turkija 4,077
2 Sirja 2,733
3 Polonja 2,496
4 Afganistan 1,228
5 Iraq 1,191
6 Bulgarija 998
7 Russja 983
8 Italja 724
9 Rumanija 709

Politika

immodifika

Is-sindku attwali ta' Lübeck huwa Jan Lindenau tal-Partit Demokratiku Soċjalista (SPD). L-iżjed elezzjoni reċenti għas-sindku saret fl-2017. Il-kunsill tal-belt ta' Lübeck jiggverna l-belt flimkien mas-sindku.

 
L-Isptar tal-Ispirtu s-Santu, waħda mill-eqdem istituzzjonijiet ta' Lübeck (1260).

Turiżmu

immodifika

Fl-2019, Lübeck laħqet iż-żewġ miljun soġġorn. Lübeck hija famuża għaċ-ċentru storiku Medjevali tagħha mimli knejjes, għall-Holstentor, u għas-sqaqien u għat-toroq iż-żgħar. Lübeck ġiet imsejħa "Die Stadt der 7 Türme" (il-belt tas-seba' torrijiet) minħabba s-seba' torrijiet prominenti tal-knejjes tagħha. Bħal f'bosta postijiet oħra fil-Ġermanja, Lübeck għandha tradizzjoni twila tas-suq tal-Milied f'Diċembru, li jinkludi s-suq famuż tal-artiġjanat fi ħdan l-Isptar tal-Ispirtu s-Santu, li jinsab fin-naħa tat-Tramuntana ta' Königstrasse.

 
Il-Muniċipju.
 
Il-Knisja ta' Santa Marija.
 
Il-Katidral ta' Lübeck u l-binjiet storiċi tul l-Obertrave.

Il-biċċa l-kbira taċ-ċentru storiku tal-belt ippreserva l-bixra Medjevali tiegħu, b'binjiet storiċi u toroq dojoq. Kien hemm żmien fl-imgħoddi fejn wieħed seta' jaċċessa ċ-ċentru storiku tal-belt biss mill-erba' daħliet tagħha. Illum il-ġurnata fadal tnejn minn dawn id-daħliet, il-Holstentor (1478) famuża u l-Burgtor (1444).

Iċ-ċentru storiku tal-belt huwa dominat minn seba' torrijiet tal-kampnari tal-knejjes. L-eqdem knejjes huma l-Katidral ta' Lübeck u l-Knisja ta' Santa Marija, li t-tnejn imorru lura għas-sekli 13 u 14.

Mibni fl-1286, l-Isptar tal-Ispirtu s-Santu f'Koberg huwa waħda mill-eqdem istituzzjonijiet soċjali eżistenti fid-dinja u waħda mill-iżjed binjiet importanti fil-belt. L-Isptar jiffunzjona kemm bħala dar fejn jirtiraw l-anzjani kif ukoll bħala dar fejn jiġu ndukrati. Xi partijiet storiċi nfetħu għall-pubbliku inġenerali.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu:

  • il-Muniċipju;
  • il-Knisja ta' Santa Katarina, knisja li kienet parti minn eks monasteru, issa l-Katharineum, skola tal-Latin;
  • id-Dar ta' Thomas Mann;
  • id-Dar ta' Günter Grass;
  • il-Knisja ta' San Pietru;
  • il-Knisja ta' San Lawrenz, li tinsab fis-sit ta' ċimiterju għan-nies li mietu matul il-pesta tas-seklu 16;
  • il-Knisja ta' San Ġakobb tal-1334;
  • il-Knisja tal-Qalb Imqaddsa;
  • il-Knisja ta' San Eġidju;
  • is-Salzspeicher, imħażen storiċi fejn kien jinħażen il-melħ ittrasportat minn Lüneburg biex jiġi ttrasportat lejn il-portijiet Baltiċi;
  • il-belt ta' Travemünde mal-kosta tal-Baħar Baltiku.
 
Is-Salzspeicher, l-imħażen tal-melħ.

Il-kompożitur Franz Tunder kien l-organist prinċipali tal-Knisja ta' Santa Marija ta' Lübeck, meta beda t-tradizzjoni tal-Abendmusiken, fejn kienet tindaqq il-mużika kull filgħaxija. Fl-1668, bintu Anna Margarethe żżewġet lill-kompożitur Daniż-Ġermaniż Dieterich Buxtehude, li sar l-organist il-ġdid tal-Knisja ta' Santa Marija. Uħud mill-kompożituri emerġenti ta' dak iż-żmien ivvjaġġaw lejn Lübeck biex jaraw l-ispettakli mużikali tiegħu, b'mod notevoli Handel u Mattheson fl-1703, u Bach fl-1705.

Il-kittieb u r-rebbieħ tal-Premju Nobel Thomas Mann kien membru tal-familja Mann tal-merkanti ta' Lübeck. Ir-rumanz magħruf sew tiegħu tal-1901 Buddenbrooks għarraf lill-qarrejja fil-Ġermanja (u iktar 'il quddiem ta' madwar id-dinja, permezz ta' bosta traduzzjonijiet) dwar l-istil ta' ħajja u d-drawwiet tal-borgeżija ta' Lübeck fis-seklu 19.

 
Lübeck u x-xmara Trave.

Lübeck saret magħrufa wkoll għal skandlu notevoli tal-arti fis-snin 50 tas-seklu 20. Lothar Malskat tqabbad biex jirrestawra l-affreski Medjevali tal-Knisja ta' Santa Marija, li ġew żvelati bis-saħħa tal-ħsarat estensivi li ġarrbet mill-attakki mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minflok, huwa pitter xogħlijiet ġodda, taparsi kienu restawri, u kien hemm bosta esperti li emmnuh. Malskat iktar 'il quddiem żvela l-qerq hu stess. Il-kittieb u r-rebbieħ tal-Premju Nobel Günter Grass semma din il-kwistjoni fir-rumanz tiegħu tal-1986 Il-Far; mill-1995 huwa beda jgħix qrib Lübeck f'Behlendorf, fejn imbagħad indifen fl-2015.

Mużewijiet

immodifika

Lübeck għandha bosta mużewijiet żgħar, bħall-Mużew ta' Sant'Anna ta' Lübeck, il-Behnhaus, il-Hansemuseum Ewropew, u l-Holstentor. Il-Mużew tal-Pupazzi tat-Teatru ta' Lübeck huwa mużew privat. Mal-ilma hemm bastiment ħafif li kien intuża għal Fehmarnbelt u għal Lisa von Lübeck, li huwa rikostruzzjoni ta' karavella Anseatika tas-seklu 15. Il-mużew tal-marżipan fit-tieni sular tal-Kafetterija ta' Niederegger f'Breite Strasse jispjega l-istorja tal-marżipan, u juri l-forom storiċi tal-injam li kienu jintużaw għall-produzzjoni tal-blokok tal-marżipan u grupp ta' figuri storiċi magħmula bil-marżipan.

Ikel u xorb

immodifika
 
Il-marżipan ta' Niederegger.

Lübeck hija famuża għall-industrija tal-marżipan tagħha. Skont leġġenda lokali, il-marżipan ġie magħmul għall-ewwel darba f'Lübeck, x'aktarx b'rispons jew għal assedju militari tal-belt jew sena ta' ġuħ. Il-ġrajja, probabbilment apokrifa, issostni li l-belt spiċċat bla ikel għajr għal-lewż u għaz-zokkor li kien hemm fl-imħażen, u dawn intużaw għall-produzzjoni tal-"ħobż" tal-marżipan. Oħrajn jemmnu li l-marżipan effettivament ġie vvintat fil-Persja ftit mijiet ta' snin qabel Lübeck. L-iżjed produttur magħruf huwa Niederegger, li jżuruh spiss ħafna turisti f'Lübeck, speċjalment lejn żmien il-Milied.

Il-kummerċ tal-inbejjed f'Lübeck imur lura għal żmien l-Anseatiċi. Inbid famuż ta' Lübeck huwa r-Rotspon, li huwa nbid magħmul mill-għeneb ipproċessati u ffermentati fi Franza u ttrasportati fi btieti tal-injam lejn Lübeck, fejn imbagħad jinħażen, jitħalla jiqdiem u jitqiegħed fil-fliexken.

Bħal f'komunitajiet kostali oħra tat-Tramuntana tal-Ġermanja, il-Fischbrötchen u l-Brathering huma ikliet popolari ta' malajr, peress li hemm abbundanza ta' varjetajiet ta' ħut.

 
L-Akkademja tal-Mużika ta' Lübeck.

Edukazzjoni

immodifika

Lübeck għandha tliet universitajiet, l-Università ta' Lübeck, l-Università Teknika tax-Xjenzi Applikati ta' Lübeck, u l-Akkademja tal-Mużika ta' Lübeck. L-Iskola Universitarja għall-Mediċina Informatika u x-Xjenzi Naturali hija fakultà ċentrali tal-università u ġiet stabbilita mill-Inizjattiva tal-Eċċellenza Ġermaniża. L-Iskola Internazzjonali tal-Midja l-Ġdida hija istitut affiljat tal-università.

Distretti

immodifika
 
Veduta panormaika taċ-ċentru storiku mit-Tramuntana.

Il-belt ta' Lübeck hija maqsuma f'10 żoni. Dawn mill-ġdid huma organizzati f'35 distrett urban. L-10 żoni bin-numri uffiċjali tagħhom, id-distretti urbani assoċjati magħhom u n-numru ta' abitanti tal-kwartieri huma dawn li ġejjin:

  • 01 - Iċ-ċentru tal-belt (~ 12,000 abitant)

L-Innenstadt huwa l-attrazzjoni turistika prinċipali u jikkonsisti miċ-ċentru storiku tal-belt kif ukoll l-eks fortifikazzjonijiet. Din hija l-eqdem u l-iżgħar parti ta' Lübeck.

  • 02 - San Jürgen (~ 40,000 abitant)
    • Hüxtertor / Mühlentor / Gärtnergasse, Strecknitz / Rothebek, Blankensee, Wulfsdorf, Beidendorf, Krummesse, Kronsforde, Niederbüssau, Vorrade, Schiereichenkoppel, Oberbüssau.
 
L-istazzjon prinċipali ta' Lübeck (Lübeck Hbf).

Sankt Jürgen huwa wieħed minn tliet subborgi ta' Lübeck (flimkien ma' St. Lorenz u St. Gertrud). Jinsab fin-Nofsinhar taċ-ċentru storiku u huwa l-ikbar parti tal-belt.

  • 03 - Moisling (~ 10,000 abitant)
    • Niendorf / Moorgarten, Reecke, iċ-ċentru storiku ta' Moisling / Genin.

Moisling tinsab l-iktar fil-Lbiċ u l-istorja tagħha tmur lura għas-seklu 17.

  • 04 - Buntekuh (~ 10,000 abitant)

Buntekuh tinsab fil-Punent ta' Lübeck. Parti kbira minnha tikkonsisti minn żoni

 
L-uffiċċju tar-reġistrazzjoni ċivili ta' Lübeck fiż-żona ta' St. Jürgen.

kummerċjali bħas-Citti-Park, l-ikbar stabbiliment kummerċjali ta' Lübeck.

  • 05 - In-Nofsinhar ta' St. Lorenz (~ 12,000 abitant)

Sankt Lorenz-Süd jinsab fil-Lbiċ taċ-ċentru storiku tal-belt u għandu l-ikbar densità tal-popolazzjoni. L-istazzjonijiet prinċipali tal-karozzi tal-linja u tal-ferroviji jinsabu fit-Tramuntana tiegħu.

  • 06 - It-Tramuntana ta' St. Lorenz (~ 40,000 abitant)
    • it-Tramuntana ta' Holstentor, Falkenfeld / Vorwerk / Teerhof, Großsteinrade / Schönböcken, Dornbreite / Krempelsdorf.

Sankt Lorenz-Nord jinsab fil-Majjistral ta' Lübeck u huwa maqsum minn Sankt Lorenz-Süd permezz tal-linji ferrovjarji.

  • 07 - St. Gertrud (~ 40,000 abitant)
    • Burgtor / Stadtpark, Marli / Brandenbaum, Eichholz, Karlshof / Israelsdorf / Gothmund.

Sankt Gertrud jinsab fil-Lvant taċ-ċentru storiku tal-belt. Dan is-subborg huwa kkaratterizzat l-iktar min-natura tiegħu. Il-biċċa l-kbira ta' dan is-subborg huwa magħmul minn bosta parks, ix-xmajjar Wakenitz u Trave u l-foresta ta' Lauerholz.

  • 08 - Schlutup (~ 6,000 abitant)
 
Il-bajja ta' Travemünde.

Schlutup tinsab l-iktar fil-Lvant miċ-ċentru storiku ta' Lübeck. Minħabba l-foresta ta' Lauerholz fil-Punent u x-xmara Trave fit-Tramuntana, Schlutup hija relattivament iżolata mill-partijiet l-oħra tal-belt.

  • 09 - Kücknitz (~ 20,000 abitant)
    • Dänischburg / Siems / Rangenberg / Wallberg, Herrenwyk, Alt-Kücknitz / Dummersdorf / Roter Hahn, Poeppendorf.

Fit-Tramuntana tax-xmara Trave hemm Kücknitz, li hija ż-żona industrijali antika ta' Lübeck.

  • 10 - Travemünde (~ 15,000 abitant)
    • Ivendorf, Alt-Travemünde / Rönnau, Priwall, Teutendorf, Brodten.

Travemünde tinsab l-iktar fil-Grigal taċ-ċentru storiku ta' Lübeck qrib il-Baħar Baltiku. Permezz tal-bajja u tal-kosta twila tagħha, Travemünde hija t-tieni l-ikbar destinazzjoni turistika.

Relazzjonijiet internazzjonali

immodifika

Ġemellaġġi

immodifika

Lübeck hija ġemellata ma':

Bliet amikevoli

immodifika

Lübeck għandha relazzjonijiet ta' ħbiberija ma':

Trasport

immodifika
 
L-Ajruport ta' Lübeck.

Lübeck hija kkollegata ma' tliet awtostradi (Autobahnen) prinċipali. L-Awtostrada A1 tibqa' sejra lejn il-gżira ta' Fehmarn u Copenhagen (id-Danimarka) u lejn in-Nofsinhar lejn Amburgu, Bremen u Köln. L-Awtostrada A20 tibqa' sejra lejn il-Lvant lejn Wismar, Rostock u Szczecin (il-Polonja) u lejn il-Punent lejn Bad Segeberg u l-Baħar tat-Tramuntana. L-Awtorstrada A226 tibda fiċ-ċentru ta' Lübeck u tibqa' sejra lejn il-Grigal u l-belt portwali ta' Travemünde.

Lübeck hija moqdija minn diversi stazzjonijiet ferrovjarji. Dak prinċipali huwa ta' Lübeck Hauptbahnhof, li jaqdi madwar 31,000 passiġġier kuljum, u huwa l-iżjed stazzjon importanti f'Schleswig-Holstein. L-istazzjon huwa moqdi l-iktar minn servizzi ferrovjarji reġjonali lejn Amburgu, Lüneburg, Kiel, il-gżira ta' Fehmarn u Szczecin (il-Polonja). Hemm xi ferroviji li jivvjaġġaw distanzi twal lejn Munich, Frankfurt-am-Main u Köln. Matul il-vaganzi tas-sajf, ikun hemm bosta servizzi ferrovjarji addizzjonali. Sal-aħħar tal-2019, Lübeck kienet waqfa fil-linja ferrovjarja "Vogelfluglinie" minn Amburgu sa Copenhagen (id-Danimarka).

It-trasport pubbliku huwa organizzat mill-Kumpanija tat-Traffiku tal-Belt ta' Lübeck (Lübecker Stadtverkehr). Hemm 40 linja tal-karozzi tal-linja li jaqdu lill-belt u ż-żona madwar Lübeck, minbarra s-servizzi tal-karozzi tal-linja reġjonali.

Id-distrett ta' Travemünde jinsab mal-Baħar Baltiku u għandu l-port prinċipali tal-belt. L-iScandinavienkai (il-moll tal-Iskandinavja) huwa l-punt ta' tluq għar-rotot tal-laneċ lejn Malmö u Trelleborg (l-Iżvezja); Liepāja (il-Latvja); Helsinki (il-Finlandja) u San Pietruburgu (ir-Russja). Hija t-tieni l-ikbar port Ġermaniż mal-Baħar Baltiku.

L-Ajruport ta' Lübeck jinsab fin-Nofsinhar ta' Lübeck fir-raħal ta' Blankensee. L-ajruport jipprovdi titjiriet reġjonali lejn Munich u Stuttgart u xi titjiriet charter lejn l-Italja u l-Kroazja.

Nies notevoli

immodifika
 
Ephraim Carlebach, 1936.

Reliġjon

immodifika
  • Laurentius Surius (1522-1578), patri u ħaġjografu Kartużjan;
  • August Hermann Francke (1663-1727), pedagoġista u teologu li stabbilixxa l-Fondazzjonijiet ta' Francke;
  • Johann Lorenz von Mosheim (1693-1755), storiku tal-Knisja Luterana;
  • Ephraim Carlebach (1879-1936), rabbi u fundatur tal-Iskola Għolja tal-Iżraeliti f'Leipzig;
  • Joseph Carlebach (1883-1942), rabbi u vittma tal-Olokawst;
  • Felix Carlebach (1911-2008), rabbi.
 
Willy Brandt, 1980.
  • Johann Wittenborg (1321-1363), sindku ta' Lübeck li tilef fil-Battalja ta' Helsingborg;
  • Jürgen Wullenwever (għall-ħabta tal-1492-1537), sindku ta' Lübeck mill-1533 sal-1535;
  • George Wulweber, Protestant tas-seklu 16 li ġie ttorturat fuq il-forka;
  • Friedrich Krüger (1819-1896), diplomatiku għall-bliet Anseatiċi ta' Lübeck, Amburgu u Bremen;
  • John Rugee (1827-1894), politiku f'Wisconsin, l-Istati Uniti;
  • Gustav Radbruch (1878-1949), studjuż legali u politiku;
  • Hermann Lüdemann (1880-1959), politiku tas-CDU;
  • Otto-Heinrich Drechsler (1895-1945), sindku ta' Lübeck mill-1933 sal-1937 li stabbilixxa l-getto ta' Riga;
  • Haim Cohn (1911-2002), ġurista u politiku Iżraeljan;
  • Willy Brandt (1913-1992), politiku tal-SPD u Kanċillier Ġermaniż;
  • Björn Engholm (twieled fl-1939), politiku tal-SPD;
  • Robert Habeck (twieled fl-1969), kittieb u politiku tal-Alleanza 90/il-Ħodor;
  • Birgitt Ory (twieldet fl-1964), diplomatika;
  • Beatrix von Storch (twieldet fl-1971), politiku tal-AfD politician u eks Membru Parlamentari Ewropew.
 
J. F. Overbeck, awtoritratt mal-familja, 1820.
  • Benjamin Block (1631-1690), pittur Barokk Ġermaniż-Ungeriż;
  • Sir Godfrey Kneller (1646-1723), pittur tal-qorti ta' diversi monarki Brittaniċi;
  • Catharina Elisabeth Heinecken (1683-1757), artista u alkemista;
  • Carl Heinrich von Heineken (1707-1791), storiku tal-arti;
  • Friedrich Overbeck (1789-1869), pittur u kap tan-Nazzareni;
  • Johann Wilhelm Cordes (1824-1869), pittur tal-pajsaġġi;
  • Gotthardt Kuehl (1850-1915), pittur;
  • Maria Slavona (1865-1931), pittriċi impressjonista, oħt Cornelia Schorer;
  • Erich Ponto (1884-1957), attur;
  • Walter D. Asmus (twieled fl-1941), direttur tat-teatru;
  • Justus von Dohnányi (twieled fl-1960), attur;
  • Jonas Nay (twieled fl-1990), attur.
 
Dieterich Buxtehude.
  • Franz Tunder (1614-1667), organist u kompożitur;
  • Thomas Baltzar (għall-ħabta tal-1631-1663), vjolinist u kompożitur;
  • Dieterich Buxtehude (għall-ħabta tal-1637-1707), kompożitur u organist;
  • Andreas Kneller (1649-1724), kompożitur u organist;
  • Friedrich Ludwig Æmilius Kunzen (1761-1817), kompożitur;
  • Anja Thauer (1945-1973), vjolinċellista.
 
Robert Christian Ave-Lallemant, 1851.
  • Joachim Jungius (1587-1657), matematiku, fiżiku u filosfu;
  • Heinrich Meibom (1638-1700), espert mediku li skopra l-glandola Meibomjana;
  • Hermann von Fehling (1811-1885), spiżjar;
  • Robert Christian Avé-Lallemant (1812-1884), tabib u vjaġġatur riċerkatur;
  • Ernst Curtius (1814-1896), arkeologu u storiku klassiku;
  • Georg Curtius (1820-1885), filologu;
  • Friedrich Matthias Claudius (1822-1869), anatomista;
  • James Behrens (1824-1898), entomologu;
  • Friedrich Matz (1843-1874), arkeologu;
  • Friedrich Wilhelm Gustav Bruhn (1853-1927), ivvinta t-taksimetru;
  • Cornelia Schorer (1863-1939), waħda mill-ewwel tobba nisa fil-Ġermanja;
  • Heinrich Lüders (1869-1943), Orjentalist u indologu;
  • Justus Mühlenpfordt (1911-2000), fiżiku nukleari;
  • Wolfgang Luthe (1922-1985), tabib, psikoterapista u pijunier fit-taħriġ awtoġeniku.
 
Heinrich (xellug) u Thomas Mann, 1902.
  • Erasmus Finx (1627-1694), polistoriku, awtur u kittieb tal-knisja;
  • Christian Adolph Overbeck (1755-1821), sindku u poeta;
  • Johann Bernhard Vermehren (1777-1803), Romantiku u lekċerer;
  • Emanuel Geibel (1815-1884), poeta;
  • Gustav Falke (1853-1916), awtur;
  • Heinrich Mann (1871-1950), rumanzier;
  • Thomas Mann (1875-1955), rumanzier, rebbieħ tal-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1929;
  • Friedrich Ranke (1882-1950), Medjevalista, filologu, folklorista u kittieb Ġermaniż;
  • Jörg Wontorra (twieled fl-1948), ġurnalist sportiv;
  • Nicolai Riedel (twieled fl-1952), filologu, awtur u editur.
  • Sandra Völker (twieldet fl-1974), għawwiema, rebħet tliet medalji fil-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-1996;
  • Marie-Louise Dräger (twieldet fl-1981), ċampjin tad-dinja għal ħames darbiet bħala lightweight sculler;
  • Tobias Kamke (twieled fl-1986), plejer professjonali tat-tennis;
  • Maximilian Munski (twieled fl-1988), qaddief, rebbieħ ta' medalja tal-fidda fil-Logħob Olimpiku tas-sajf tal-2016.
 
C. F. Heineken, 1726.
  • Adam Brand (għall-ħabta tal-1692-1746), merkant u riċerkatur;
  • Christian Friedrich Heinecken (1721-1725), "l-istudjuż żgħir ta' Lübeck", tifel prodiġju;
  • Kurd von Schlözer (1822-1894), diplomatiku u storiku;
  • Hermann von der Hude (1830-1908), arkitett;
  • Hermann Blohm (1848-1930), bennej tal-vapuri u fundatur ta' kumpanija;
  • Hermann Pister (1885-1948), kmandant tal-SS Nażisti tal-Kamp ta' Konċentrament ta' Buchenwald;
  • Walter Ewers (1892-1918), bdot rinomat tal-Ewwel Gwerra Dinjija;
  • Hans Blumenberg (1920-1996), filosfu;
  • Jörg Ziercke (twieled fl-1947), kap kummissarju tal-Uffiċċju Federali Kriminali tal-Pulizija mill-2004 sal-2014.

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Hanseatic City of Lübeck". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-06.
  NODES
INTERN 4
Note 4