Martin Heidegger
Martin Heidegger (twieled fis-26 ta' Settembru 1889 – miet fis-26 ta' Mejju 1976) kien filosfu influwenti Ġermaniż. L-iktar xogħol magħruf tiegħu, Essri u Żmien, hu ġeneralment meqjus fost l-iktar xogħlijiet filosofiċi importanti tas-seklu 20. Heidegger jibqa' karattru kontroversjali minħabba l-involviment tiegħu man-Naziżmu.
Ħajja u filosofija
immodifikaHeidegger sostna li l-filosofija tal-Punent, sa minn żmien Platun, ma fehmitx l-essri, u kellha tendenza li tindirizza l-mistoqsija tal-essri f'termini singolari, jiġifieri xi jfisser li xi ħaġa tkun, flok xi jfisser l-essri nnifsu.
Heidegger kien jemmen li l-istudji kollha li saru fuq l-essri ffukaw fuq entitajiet partikulari u l-karattri tagħhom, jew minflok ittrattaw l-essri nnifsu bħala entità, jew sustanza b'karattru. Heidegger għalhekk issuġġerixxa li l-metodu filosofiku għandu jiġġedded, permezz ta' proċess li jeżamina l-istorja tal-filosofija nfisha.
Heidegger sostna li dan in-nuqqas ta' fehma, sa minn żmien Platun, ħalla l-marka tiegħu fuq kull stadju tal-filosofija tal-Punent. Dak kollu li nifhmu, mill-mod kif nitkellmu sal-idea tas-"sens komun", hu sensibbli għal żbalji minħabba żbalji fundamentali dwar in-natura tal-essri. Dawn l-iżbalji joħorġu fit-termini li ntużaw fl-istorja tal-filosofija — ir-realtà, il-loġika, Alla, l-għarfien, il-preżenza, eċċ. Lejn l-aħħar tal-filosofija tiegħu, Heidegger argumenta li dan jaffettwa b'mod profond il-mod kif il-bniedem jidentifika ruħu mat-teknoloġija moderna.
Ix-xogħol ta' Heidegger kien influwenti ħafna fuq il-filosofija, it-teoloġija, u l-umanitajiet. Fil-filosofija, ix-xogħol ta' Heidegger kien kruċjali fl-iżvilupp tal-eżistenzjaliżmu, l-ermenewtika, id-dekostruzzjoni, il-postmoderniżmu, u l-filosofija kontinentali. Filosfi importanti bħal Karl Jaspers, Leo Strauss, Ahmad Fardid, Hans-Georg Gadamer, Jean-Paul Sartre, Emmanuel Lévinas, Hannah Arendt, Maurice Merleau-Ponty, Michel Foucault, Richard Rorty, u Jacques Derrida kollha analizzaw ix-xogħlijiet ta' Heidegger.
Heidegger jibqa' jissemma wkoll għall-appoġġ li wera għan-Naziżmu, u kien membru tal-Partit Nazzjonali Soċjalista Ġermaniż (NSDAP) mill-1933 sa Mejju tal-1945.[1] Dawk li jappoġġjawh, b'mod speċjali Hannah Arendt, iħarsu lejn dan is-sostenn bħala żball personali, irrilevanti għall-filosofija tiegħu. Kritiċi bħall-eks studenti tiegħu Emmanuel Lévinas[2] u Karl Löwith[3] sostnew li l-appoġġ ta' Heidegger għan-Naziżmu kien immorali u jixhed żbalji fundamentali fil-ħsieb tiegħu.
Referenzi
immodifika- ^ Sors: Hannah Arendt / Martin Heidegger by Elzbieta Ettinger, Yale University Press, New Haven, 1995, page 10
- ^ "Martin Heidegger, Emmanuel Levinas\, and the Politics of Dwelling" minn David J. Gauthier, Teżi tal-Ph.D., Louisiana State University, 2004, paġna 156
- ^ Karl Löwith, Mein Leben in Deutschland vor und nach 1933: ein Bericht (Stuttgart: Metzler, 1986), pġ. 57, tradotta minn Paula Wissing kif iċċitaha Maurice Blanchot f'"Thinking the Apocalypse: a Letter from Maurice Blanchot to Catherine David," fi Critical Inquiry 15:2, pġ. 476-477.