Pont Antik ta' Mostar

pont fuq ix-xmara Neretva f’Mostar, il-Bożnija-Ħerzegovina

Il-Pont Antik ta' Mostar, magħruf ukoll bħala l-Pont ta' Mostar (bit-Tork: Mostar Köprüsü) jew Stari Most (li litteralment tfisser "Pont Antik"; bis-Serbjan: Стари мост), huwa pont Ottoman rikostruwit tas-seklu 16 fir-raħal ta' Mostar fil-Bożnija-Ħerzegovina minn naħa għall-oħra fix-xmara Neretva u jikkollega ż-żewġ partijiet tar-raħal. Il-Pont Antik ta' Mostar baqa' qawwi u sħiħ għal 427 sena, sa ma ġġarraf fid-9 ta' Novembru 1993 mill-forzi paramilitari Kroati matul il-Gwerra bejn il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzergovina. Sussegwentement, ġie varat proġett ta' rikostruzzjoni u l-pont reġa' nfetaħ fit-23 ta' Lulju 2004.

Il-Pont Antik ta' Mostar billejl

Il-pont jitqies bħala arkitettura Iżlamika eżemplari tal-Balkani u kien ġie kkummissjonat minn Suleiman il-Manjifiku fl-1557. Ġie ddisinjat minn Mimar Hayruddin, student u apprendist tal-arkitett Mimar Sinan li bena bosta mill-binjiet ewlenin tas-Sultan f'Istanbul u fl-Imperu Ottoman, bħal pereżempju l-Moskea ta' Selimiye f'Edirne, it-Turkija.[1][2][3][4]

Il-Pont Antik ta' Mostar tniżżel fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[5]

Karatteristiċi

immodifika
 
Veduta tal-Pont ta' Mostar mix-xatt

Il-Pont Antik ta' Mostar minn naħa għall-oħra tax-xmara Neretva jinsab fil-qalba taċ-ċentru storiku tar-raħal ta' Mostar. Ir-raħal huwa l-ħames l-akbar fil-pajjiż u huwa ċ-ċentru tal-Kanton Ħerzegovina-Neretva tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina. Xi kultant ir-raħal jitqies bħala l-kapitali mhux uffiċjali tal-Ħerzegovina. Il-Pont Antik ta' Mostar huwa mħatteb u fin-nofs tal-ħnejja tal-parti t'isfel tiegħu ġej għall-ponta. Il-pont huwa wiesa' erba' metri u twil 30 metru, b'għoli ta' 24 metru 'l fuq mix-xmara Neretva. Il-pont huwa protett minn żewġ torrijiet iffortifikati: it-torri ta' Halebija fil-Grigal u t-torri ta' Tara fil-Lbiċ, imsejħa "l-għassiesa tal-pont".[1]

Minflok pedamenti, il-pont għandu pilastri riffieda tal-ġebla tal-ġir ikkollegati mal-ħitan tal-ġnub tul l-irdumijiet qrib ix-xmara. Meta wieħed ikejjel mil-livell tal-ilma tas-sajf, il-pilastri riffieda għandhom għoli ta' 6.53 metri mil-livell tal-ilma sal-ogħla punt tal-ħnejja tal-parti ta' taħt tal-pont imħatteb. Il-bidu tal-ħnejja hija enfasizzata permezz ta' linja ta' impjastru f'għoli ta' 0.32 metri. Il-ħnejja togħla sa 12.02-il metru.[1]

 
Il-Pont Antik ta' Mostar fl-1979

Il-pont oriġinali ssostitwixxa pont sospiż tal-injam iktar antik li ma tantx kien stabbli. Il-kostruzzjoni nbdiet fl-1557 u damet disa' snin: skont inċiżjoni fuq il-pont stess, il-Pont Antik ta' Mostar tlesta fis-sena 974 AH (bil-Latin: Anno Hegirae, "fis-sena tal-Hijra"), li tikkorrispondi għall-perjodu bejn id-19 ta' Lulju 1566 u s-7 ta' Lulju 1567. Ma tantx hemm wisq tagħrif dwar il-kostruzzjoni tal-pont antik fid-dokumenti bil-miktub, għajr li t-tkaħħil x'aktarx kien magħmul bl-abjad tal-bajd[6] u isem il-kostruttur Mimar Hayruddin, flimkien ma' għadd ta' memorji u leġġendi. Minkejja lil Mimar Hayruddin kien ingħata l-piena tal-mewt, ġie ordnat jibni pont ta' dimensjonijiet bla preċedent. Jingħad li Mimar Hayruddin inqatel dakinhar li tneħħa l-armar tal-kostruzzjoni mill-istruttura kompluta tal-pont. Dak iż-żmien li nbena, il-Pont Antik ta' Mostar kien jifforma wkoll l-iktar ħnejja wiesgħa fid-dinja.[1]

L-esploratur Ottoman tas-seklu 17, Evliya Çelebi, kiteb li l-pont "huwa bħall-ħnejja ta' qawsalla fis-sema, estiża minn naħa għall-oħra... Jiena, qaddej fqir u msejken ta' Allah, ivvjaġġat f'16-il pajjiż, iżda qatt ma rajt pont tant għoli. Iwassal mill-blat fuq naħa għall-blat fuq in-naħa l-oħra u huwa għoli daqs is-smewwiet".[7]

Peress li l-importanza ekonomika u amministrattiva ta' Mostar kibret bil-preżenza dejjem tiżdied tat-tmexxija Ottomana, il-pont sospiż tal-injam fuq ix-xmara Neretva kellu jiġi sostitwit. Il-pont l-antik fuq ix-xmara "...kien magħmul mill-injam u kien sospiż fl-arja bil-ktajjen", kiteb il-ġeografu Ottoman Katip Çelebi, u "...tant kien jixxejjer 'l hemm u 'l hawn li n-nies li kienu jaqsmu minn fuqu kien jagħmlu dan b'imsarinhom f'saqajhom". Fl-1566, Mimar Hayruddin iddisinja l-pont, li kien intqal li sewa 300,000 Dramma (muniti tal-fidda) biex inbena. Il-proġett ta' kostruzzjoni ta' sentejn ġie ssorveljat minn Karagoz Mehmet Bey, il-ħatni tas-Sultan Suleiman u l-patrun tal-iktar kumpless tal-moskea importanti, il-Moskea ta' Hadzi Mehmed Karadzozbeg.[1]

 
Il-pont temporanju mirfud bil-kejbils

Il-Pont Antik ta' Mostar inqered fid-9 ta' Novembru 1993 fil-gwerra bejn il-Kroazja u l-Bożnija-Ħerzegovina, f'taqbida li damet madwar 24 siegħa.[8] L-ewwel pont temporanju li nbena fuq it-traċċi tal-pont l-antik infetaħ fit-30 ta' Diċembru 1993, wara li kien inbena fi tlett ijiem biss minn inġiniera militari Spanjoli assenjati għall-missjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR).[9][10][11] Sussegwentement, l-istruttura temporanja ġiet immodifikata tliet darbiet. Eventwalment iż-żewġt ixtut tax-xmara ġew ikkollegati b'pont iktar sod mirfud bil-kejbils sa ma saret rikostruzzjoni kif suppost tal-pont.[11][12]

Il-gazzetti bbażati f'Sarajevo rrappurtaw li iktar minn 60 balla laqtu l-pont l-antik qabel ma kkrolla.[13] Slobodan Pralijak, Ġeneral Kroat li ngħata sentenza ta' kriminal tal-gwerra, f'tentattiv biex jassolvi lilu nnifsu u lill-unitajiet militari tiegħu mir-responsabbiltà u mill-prosekuzzjoni għall-qerda tal-pont u għal reati oħra mwettqa matul il-gwerra, ippubblika dokument imsejjaħ "Kif inqered il-Pont Antik", fejn huwa jargumenta li allegatament kien hemm splussiv eżatt taħt il-pont lejn in-nofs tiegħu li ġie splodut mill-bogħod, apparti l-isparar, u dan wassal biex il-pont jinqered. Il-biċċa l-kbira tal-istoriċi jirrifjutaw dawn l-istqarrijiet u ma jaqblux mal-konklużjonijiet tal-Ġeneral.[14]

Wara l-qerda tal-pont antik, kelliem f'isem il-Kroati sostna li kienu qerdu l-pont apposta minħabba li kellu importanza strateġika.[15] L-akkademiċi argumentaw li l-pont fil-fatt ma tantx kellu importanza strateġika u l-qerda tiegħu kienet eżempju ta' qerda sfaċċata ta' binja kulturali. Peress li l-moskej, is-sinagogi u l-knejjes f'Mostar, kienu qrib ħafna ta' xulxin, il-Pont Antik ta' Mostar inqered għall-importanza simbolika li kellu peress li kien jikkollega komunitajiet li kienu tant differenti minn xulxin.[8] Andras Riedlmayer isostni li l-qerda tal-pont antik kienet att ta' "qtil tal-memorja", li permezz tiegħu l-evidenza ta' wirt kulturali kondiviż u tal-koeżistenza paċifika tal-komunitajiet inqerdet apposta.[13]

Rikostruzzjoni

immodifika
 
Ir-rikostruzzjoni tal-pont

Wara li l-gwerra ntemmet, tfasslu pjanijiet biex il-pont jiġi rikostruwit. Il-Bank Dinji, l-UNESCO, il-Fond Fiduċjarju ta' Aga Khan għall-Kultura u l-Fond Dinji għall-Monumenti ffurmaw koalizzjoni biex titwettaq ir-rikostruzzjoni tal-Pont Antik ta' Mostar fiċ-ċentru storiku tar-raħal. Finanzjament addizzjonali ġie pprovdut mill-Italja, min-Netherlands, mit-Turkija, mill-Kroazja u mill-Bank ta' Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll mill-gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina. F'Ottubru 1998, l-UNESCO stabbiliet kumitat internazzjonali ta' esperti biex jissorvelja id-disinn u x-xogħol ta' rikostruzzjoni. Ġie deċiż li l-pont jinbena kemm jista' jkun bħall-pont antik oriġinali, bl-istess teknoloġija u bl-istess materjali.[16]

Il-pont reġa' nbena f'żewġ fażijiet. L-ewwel fażi ġiet immexxija minn inġiniera militari Ungeriżi u kienet tikkonsisti mill-olzar tal-materjal minn qiegħ ix-xmara biex jerġa' jintuża. It-tieni fażi kienet tikkonsisti mit-tneħħija tal-pont temporanju, kompitu li twettaq minn inġiniera militari Spanjoli, u mir-rikostruzzjoni tal-pont b'tekniki tal-kostruzzjoni Ottomani mwettqa minn sħubija ta' kumpaniji tal-inġinerija ċivili mmexxija mill-kumpanija Torka Er-Bu.[17][18] Fir-rikostruzzjoni ntużat it-tenelja, tip ta' ġebla tal-ġir fina miġjuba minn barrieri lokali, u l-bugħaddasa militari Ungeriżi rkupraw xi ġebel mill-pont oriġinali minn qiegħ ix-xmara, għalkemm il-biċċa l-kbira xorta kien ġarrab wisq ħsara biex jerġa' jintuża.[16]

Ir-rikostruzzjoni nbdiet fis-7 ta' Ġunju 2001. Il-pont rikostruwit, li xorta waħda baqa' jissejjaħ il-Pont Antik ta' Mostar, ġie inawgurat fit-23 ta' Lulju 2004, u huwa stmat li sewa 15.5-il miljun dollaru Amerikan.[16]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Iż-Żona tal-Pont Antik fiċ-Ċentru Storiku ta' Mostar ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi tal-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju", ladarba permezz tar-rikostruzzjoni tal-Pont Antik ta' Mostar u t-tiġdid tal-madwar reġa' qanqal it-tifsira storika eċċezzjonali u universali bħala simbolu ta' koeżistenza ta' komunitajiet minn sfondi kulturali, etniċi u reliġjużi differenti. Dan inkiseb u ssaħħaħ permezz tal-isforzi bla heda ta' solidarjetà umana favur il-paċi u permezz tal-kooperazzjoni b'saħħitha minkejja l-portata tad-diżastru.[5]

 
Veduta panoramika tal-Pont Antik ta' Mostar
Filmat tal-għadis mill-Pont Antik ta' Mostar
 
Id-drawwa tradizzjonali tal-għadis mill-pont fl-1980

Fl-1968, ġiet inawgurata kompetizzjoni formali tal-għadis li baqgħet issir kull sena. Kull sena ssir din il-kompetizzjoni tradizzjonali tal-għadis minn fuq il-Pont Antik ta' Mostar għall-ħabta ta' nofs is-sajf (l-aħħar ta' Lulju). Id-drawwa tradizzjonali tal-għadis titlob li l-irġiel żgħażagħ tar-raħal jaqbżu mill-pont għal ġox-xmara Neretva. Peress li x-xmara Neretva tkun kiesħa ħafna, anke fis-sajf, din id-drawwa fiha sogru mhux ħażin u tirrikjedi ħila u taħriġ[19], għalkemm dan l-aħħar kemm-il darba qabżu turisti wkoll.[20] L-ewwel persuna li qabżet mill-pont minn mindu reġa' nfetaħ kienet Enej Kelecija.[21]

Mill-2015 'l hawn, il-Pont Antik ta' Mostar huwa wieħed mill-postijiet fejn issir is-Serje Dinjija tal-Għadis mill-Għoli tar-Red Bull.[22]

Kultura popolari

immodifika

Il-grupp mużikali rock Tork Bulutsuzluk Özlemi kiteb kanzunetta "Yaşamaya Mecbursun" (li tfisser litteralment "Għandek tgħix") dwar id-dieqa li ġabet magħha l-qerda tal-Pont Antik ta' Mostar, bil-lirika li ġejja:[23]

Lirika bit-Tork Traduzzjoni bil-Malti
(...)
Bugün duyduğun haberler
Sana utanç veriyor
Olabilir
Bugün din ve ırk uğruna
Cinayet işleniyor
Olabilir
Mostar Köprüsü çökmüş
Neretva ne kadar üzgün
Kim bilir
(...)
(...)
Illum l-aħbar li smajt
Tħammarlek wiċċek
X'aktarx
Illum f'ġieħ ir-reliġjon u r-razza
Qed iseħħ qtil
X'aktarx
Il-Pont ta' Mostar twaqqa'
Min jaf kemm ix-xmara Neretva
Għandha dieqa
(...)

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ d e "Commision to preserve national monuments". old.kons.gov.ba. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-06-26. Miġbur 2021-04-15.
  2. ^ Čišić, Husein (2007). Razvitak i postanak grada Mostara. Štamparija Mostar. p. 22. ISBN 9789958910500.
  3. ^ Stratton, Arthur (1972). Sinan. New York: Charles Scribner's Sons. ISBN 9780684125824.
  4. ^ Jezernik, Božidar (1995). "Qudret Kemeri: A Bridge between Barbarity and Civilization". The Slavonic and East European Review. 73 (95): 470–484. JSTOR 4211861.
  5. ^ a b ċ "Old Bridge Area of the Old City of Mostar". whc.unesco.org.
  6. ^ "Croats destroy Mostar's historic bridge". The Independent (bl-Ingliż). 2011-10-23. Miġbur 2021-04-15.
  7. ^ "Saudi Aramco World : Hearts and Stones". archive.aramcoworld.com. Miġbur 2021-04-15.
  8. ^ a b Dupré, Judith (2017). Bridges: A History of the World's Most Spectacular Spans (Google Books). New York: Hachette/Black Dog & Leventhal Press. ISBN 978-0-316-47380-4.
  9. ^ "El Viejo Puente de Móstar vuelve a unir orillas y sentimientos". abc (bl-Ispanjol). 2004-07-24. Miġbur 2021-04-15.
  10. ^ "Molina, Jorge. "Un puente para la paz" (mp4) (Documentary) (in Spanish). 31:41 – via YouTube".
  11. ^ a b "UNESCO (January 2005). "Nomination Dossier "The Old City of Mostar"" (PDF)" (PDF). whc.unesco.org.
  12. ^ "Introduction to Mostar Bridge". www.nato.int. Miġbur 2021-04-15.
  13. ^ a b Coward, Martin (2009). Urbicide: The Politics of Urban Destruction. London: Routledge. pp. 1–7. ISBN 978-0-415-46131-3.
  14. ^ "Slobodan Praljak: Defending Himself by Distorting History" (bl-Ingliż). 2017-12-04. Miġbur 2021-04-15.
  15. ^ Borowitz, Albert (2005). Terrorism for self-glorification: the herostratos syndrome. Kent State University Press. pp. 65. ISBN 0-87338-818-6.
  16. ^ a b ċ Armaly, Maha; Blasi, Carlo; Hannah, Lawrence (2004). "Stari Most: rebuilding more than a historic bridge in Mostar". Museum International. 56 (4): 6–17.
  17. ^ "SFOR Stabilisation Force in Bosnia and Herzegovina - Engineering- The Old Mostar Bridge Project". www.nato.int. Miġbur 2021-04-15.
  18. ^ "La Moncloa. 18/10/2010. Spain begins its final withdrawal from Bosnia after an 18-year mission [Government/News]". www.lamoncloa.gob.es (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-15.
  19. ^ "Bosnia's Bridge Divers Risk Their Necks for Tips and Thrills". www.vice.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-15.
  20. ^ "Jumping/diving Mostar Bridge - Old Bridge (Stari Most), Mostar Traveller Reviews". Tripadvisor (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-15.
  21. ^ ""Chránený klenot" (bis-Slovakk). Pluska". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-25. Miġbur 2021-04-15.
  22. ^ Diving, Red Bull Cliff. "Red Bull Cliff Diving". Red Bull Cliff Diving. Miġbur 2021-04-15.
  23. ^ "Bulutsuzluk". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-06-30. Miġbur 2021-04-15.
  NODES
Idea 1
idea 1
INTERN 2
Project 1