Preistorja (Latin pr𝙚̄ = qabel u Grieg στορία = storja) huwa terminu użat biex jiddeskrivi dak iż-żmien qabel ma l-bniedem tgħallem jikteb u għaldaqstant huwa dak iż-żmien qabel l-istorja miktuba. Kien Paul Tournal li oriġinarjament ħareġ bit-terminu Pré-historique sabiex ikun jista' jiddeskrivi l-iskoperti tiegħu fl-għerien fin-nofsinhar ta' Franza. Bdiet tiġi użata fil-Lingwa Franċiża għall-ħabta tal-1830 sabiex tiddeskrivi dak iż-żmien qabel il-kelma bdiet tiġi miktuba, u ġiet introdotta fil-Lingwa Ingliża minn Daniel Wilson fl-1851.

It-tempji tal-Imnajdra.

Il-preistorja Ewropea u dik tal-Mediterran kif ukoll tal-Asja Minuri, kif ukoll reġjuni oħra, tinqasam f'diversi partijiet ta' żminijiet, fosthom, dik Paleolitika, jiġifieri, żmien il-ħaġar l-antik, il-Mesolitiku, żmien il-Ħaġar tan-nofs u n-Neolitiku, jiġifieri, żmien il-Ħaġar l-aktar riċenti. Dan l-aħħar żmien jirreferi wkoll għal dak iż-żmien li l-bniedem beda jaħdem l-art u jipproduċi l-prodotti agrikoli. Dan kien iż-żmien li l-bniedem bidel xogħlu minn dak ta' kaċċatur u ġabbar tal-ħxejjex, żerriegħa u frott, għal wieħed li beda jikkoltiva bosta minn dawn il-veġetali.

Fuq in-nies li għexu f'dawn iż-żmienijiet nafuh mill-iskavi f'bosta reġġjuni ffejn l-arkeoloġi setgħu jinterpretaw is-sejbiet tagħhom b'mod li bnew fehmithom dwar minn setgħu kienu dawn in-nies. Id-datazzjonijiet tal-kulturi differenti isir b'mod xjentifiku ibbażat fuq testijiet ta' oġġetti organiċi li ntużaw f'dawniż-żminijiet, kif ukoll metodi oħra xjentifiċi fil-laboratorji. Ma ' dawn jidħlu l-istudju antropoloġiku fejn l-istudjuż speċjalizzat f'dan is-suġġett jipotesizza minn fuq kulturi primittivi li għadhom jgħixu f'ħajja pri-industrijali u jappikahom għal kultura preistorika li jkun qiegħed jistudja. Wara żmien in-Neolitiku, hemm Żmien ir-Ram, u Żmien il-Bronż. Sa dan iż-żmien u jista' jkun anki sa żmien wara, kultura preistorja tkun għadha ħajja fl-istess żmien waqt li kulturi oħra jkunu qed jipprattikaw il-kitba, u għaldaqstant, ikunu klassifikati bħala ċivilta' litterata.


Hemm ukoll il-Protostorja, dak il-perijodu fejn ċivilta' partikulari tkun qed tipprattika kitba u għaldaqstant komunikazzjoni ta' ċertu stil li mhuwiex kitba letterarja. Eżempju ta' dan huma l-kulturi Eġizzji tal-Meżopotamja. F'tal-ewwel intużaw il-jeriglifiċi, disinji ta' kull tip li bejniethom wieħed ikun jista' jaqra messaġġ, jew storja. Imbagħad għandek il-kitba primittiva bħal ma' hi dik Hittita, fil-Meżopotamja li hi magħmlu minn kuneiform li setgħu intużaw anki għal skopijiet ta' dokumentazzjoni ta' kummerċ.

Il-kitba Feniċja magħmula minn konsonanti ġabet il-preistorja tal-Mediterran fi tmiemha għaliex issa d-dokumenti li jindikaw it-twemmin u l-mod ta' ħajja ta' dan il-poplu kienet miktuba kemm fuq il-ġebel kif ukoll fuq il-papiru. Bil-kitba, l-arkeologu, hekk kif jirnexxilu jiddeċifra dawn is-sinjali simboli, jew sinjali ta' ħsejjes, ikun kapaċi jibda biex jifhem b'mod aktar konkret il-mod ta' ħajja f'kull aspett ta' dawn il-popli.

  NODES