Torri tax-Xebba (Baku)

torri f'Baku, l-Ażerbajġan

It-Torri tax-Xebba (bl-Ażerbajġani: Qız qalası; bil-Persjan: قلعه دختر; bl-Ingliż: Maiden Tower) huwa monument tas-seklu 12 li jinsab fiċ-ċentru storiku ta' Baku, il-belt kapitali tal-Ażerbajġan. Flimkien mal-Palazz tax-Shirvanshah tas-seklu 15 jifforma grupp ta' monumenti storiċi li fl-2001 tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] It-torri huwa wieħed mill-iżjed monumenti nazzjonali ikoniċi tal-Ażerbajġan u jidher fuq il-karti tal-flus u d-dokumenti uffiċjali tal-Ażerbajġan.

It-Torri tax-Xebba.

It-Torri tax-Xebba jospita mużew li jippreżenta l-istorja tal-evoluzzjoni storika tal-belt ta' Baku u fih ukoll ħanut fejn wieħed jista' jixtri xi tifkiriet. Mill-bejt wieħed ikollu veduta panoramika tat-toroq u tal-minareti taċ-ċentru storiku tal-belt, it-triq prinċipali ta' Baku, id-dar ta' Isa bek Hajinski u tal-Bajja ta' Baku.

It-torri għandu wkoll sensiela ta' misteri u leġġendi marbuta miegħu, li nibtu mill-istorja u mill-kultura tal-Ażerbajġan.[3][4] Tabilħaqq, xi ġrajjiet saru t-tema għax-xenarji taż-żfin klassiku u tat-teatru. It-Torri tax-Xebba (żfin klassiku) huwa kapulavur dinji taż-żfin klassiku tal-Ażerbajġan, maħluq mill-kompożitur Afrasiyab Badalbeyli fl-1940, u l-ispettaklu taż-żfin klassiku reġa' ttella' fl-1999.

B'konsegwenza tat-treġġigħ lura tal-kosta tal-Baħar Kaspju, tfaċċat biċċa art. Din l-art ġiet żviluppata bejn is-sekli 9 u 15, u nbnew is-swar taċ-ċentru storiku u l-palazz, inkluż il-bastjun il-kbir tat-Torri tax-Xebba.[5]

 
It-Torri tax-Xebba fuq il-karti tal-flus tal-Ażerbajġan.

Xi sorsi xjentifiċi jindikaw li t-Torri tax-Xebba huwa eżempju importanti taż-Żoroastrijaniżmu u l-arkitettura pre-Iżlamika fl-Iran u fl-Ażerbajġan.[6][7] Il-Professur Davud A. Akhundov jipprovdi evidenza arkeoloġika u arkitettonika u jsostni li t-torri kien it-Torri Sagru tan-Nar taż-Żoroastrijaniżmu li kellu seba' ħarġiet għan-nar fil-quċċata tiegħu.[8] Iż-Żoroastrijani kienu jemmnu li hemm Seba' Stadji jew Seba' Smewwiet li wieħed irid jgħaddi minnhom biex jilħaq il-ġenna.

Skont Davud A. Akhundov u Hassan Hassanov dan it-Tempju Sagru tan-Nar imur lura għall-ħabta tas-seklu 8-7 Q.K.[9][10][11]

It-Torri tax-Xebba jinsab fil-parti tax-Xlokk ta' Icheri Sheher u għandu storja misterjuża u mimlija leġġendi marbuta ma' żewġ perjodi, għalkemm ma ġewx stabbiliti b'ċertezza. L-inħawi tat-torri ġew insedjati għall-ewwel darba fil-preistorja, preċiżament fil-Paleolitiku.[12]

Sara Ashurbeyli, professur u storiku prominenti tal-istorja ta' Baku kkalkulat li l-pedamenti tat-torri, estiżi għal 15-il metru taħt l-art, u l-ewwel tliet sulari ta' fuq l-art, oriġinarjament inbnew bejn is-sekli 4 u 6 W.K. u tindika d-differenza ċara fil-ġebel li ntużaw fit-torri mqabbla mal-ġebel li ntużaw fil-belt Medjevali ta' madwaru. Din il-konklużjoni hija parzjalment appoġġata mill-istoriku u Professur Bretanitskiy li sostna li t-torri nbena parzjalment fis-sekli 5 u 6 u mbagħad iktar 'il quddiem fis-seklu 12.[13] Huwa maħsub li s-sit oriġinarjament intuża matul żmien is-Sassanidi bħala tempju taż-Żoroastrijaniżmu.[14] Hemm kitba mnaqqxa f'għoli ta' 14-il metru mal-ħajt tan-Nofsinhar li b'kalligrafija Kufika antika ssemmi lil Qubbeye Masud ibn Davud jew Kubey Mesud ibn Da’ud, arkitett li kien attiv fis-seklu 12; hu u missieru kienu l-arkitetti li bnew ukoll it-Torri Tond ta' Mardakan.[15] Madankollu, hemm nuqqas ta' qbil peress li l-kitba mnaqqxa tat-Torri tax-Xebba, għad-differenza tal-kitba mnaqqxa tat-Torri ta' Mardakan, fil-fatt ma tiżvelahx tassew bħala l-arkitett, għalkemm hemm qbil ġenerali li l-biċċa l-kbira tat-torri modern tmur lura għas-seklu 12. Il-Professur Ahmadov jemmen li t-torri kien jintuża bħala osservatorju astronomiku minn żmien ir-rikostruzzjoni tiegħu, minħabba l-fatt li hemm 30 marka fil-ġebel tal-parti t'isfel tat-torri u 31 marka oħra fil-ġebel tal-parti ta' fuq tat-torri, ikkollegati flimkien b'qisu ċintorin tal-ġebel, li skontu huma marbuta mal-jiem tax-xahar.

Skont skavi arkeoloġiċi reċenti, li twettqu fl-1962-1963 fil-pjan terran tal-mina, it-torri nbena fuq xaqliba kbira tal-blat orjentata lejn il-baħar, u l-istruttura riffieda li ġejja 'l barra mit-torri prinċipali pprovdiet stabbiltà għat-torri. Skavi ulterjuri żvelaw ukoll xorok tal-injam ta' 14-il metru (46 pied), fil-pedamenti tat-torri. Huwa maħsub li dan x'aktarx kien disinn biex il-binja tkun reżistenti għat-terremoti. Huwa maħsub ukoll li x'aktarx l-għamla ċilindrika tat-torri b'ħitan fil-bażi ħoxnin ħames metri (16-il pied) li jsiru 4.5 metri (15-il pied) u erba' metri (13-il pied) iktar 'il fuq ipprovdew pedamenti sodi li wasslu biex l-istruttura baqgħet teżisti tul is-sekli. Jissemma wkoll li t-torri nbena f'daqqa u mhux fi żminijiet differenti kif isostnu studjużi oħra.[16]

It-torri u strutturi oħra bil-ħitan tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u matul it-tmexxija Russa fl-1806 ġew imsaħħa u b'hekk waslu sa żminijietna.[17]

It-Torri tax-Xebba jidher ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-karti tal-flus tal-Ażerbajġan ta' 1 sa 250 manat tal-1992-2006, fuq il-karta tal-flus tal-10 manat maħruġa mill-2006, kif ukoll fuq in-naħa ta' wara tal-munita ta' 50 qəpik izzekkata bejn l-1992 u l-2006 u tal-munita ta' 5 qəpik izzekkata mill-2006.[18]

Leġġendi u misteri

immodifika

Hemm diversi misteri u leġġendi marbuta mat-Torri tax-Xebba ta' Baku. Madankollu, il-misteru prinċipali hu d-disinn u l-iskop tat-torri. B'kollox hemm xi 20 leġġenda marbuta mat-Torri tax-Xebba ta' Baku. Għadd kbir minnhom huwa marbut mal-perjodu Iżlamiku u Medjevali tal-istorja ta' Baku. Iżda oħrajn għandhom għeruq fondi fiż-Żoroastrijaniżmu jew l-istorja, ir-reliġjon u l-kultura pre-Iżlamika tal-Ażerbajġan. X'aktarx li l-iżjed leġġenda famuża hi dik tat-tfajla verġni tax-xagħar aħmar li salvat lill-poplu ta' Baku mill-iskjavitù. Il-ġrajja għandha għeruq marbuta mat-twemmin u mal-kultura Żoroastrijani tal-pajjiż u twasslet sa żminijietna.[19]

Leġġenda tat-tfajla tax-xagħar aħmar

immodifika
 
Rikostruzzjoni tat-Tempju Sagru tan-Nar ta' Baku bit-Torri tax-Xeba, ta' Davud Akhundov, 1986.

Darba fost l-oħrajn, kien hemm raħal-fortizza tal-qedem jismu Baku. Il-fortizza kellha Tempju-Torri tan-Nar. Fil-qedem, l-għadu ċċirkonda l-fortizza u ordna lill-poplu ta' Baku jarrendi, iżda l-poplu rrifjuta. B'hekk l-għadu vara assedju biex iġarraf il-fortizza u qabad l-abitanti kollha bħala lsiera. Bosta difensuri tal-fortizza mietu huma u jippruvaw iwaqqfu l-attakki tal-għadu. Sadanittant, il-kmandant tal-għadu ordna li l-provvisti tal-ilma jitkissru. B'hekk kull min kien fil-fortizza bata l-għatx. Ma kien hemm l-ebda ikel u xorb, iżda tixrid tad-demm u mwiet biss. Il-Maġi Supremi, flimkien ma' patrijiet oħra, talbu lin-Nar Imqaddes fit-Tempju-Torri tan-Nar tal-fortizza, u talbu lill-alla ta' Ahura Mazda biex jgħin lin-nies. Huma talbu lejl u nhar biex Ahura Mazda isalvalhom ħajjithom u biex jifilħu jirreżistu lill-għadu. Finalment, it-talb tagħhom instema'. L-għada, in-nies raw biċċa kbira min-Nar Imqaddes taqa' mill-quċċata tat-Tempju-Torri tan-Nar. Tfajla sabiħa ħarġet min-nar u kellha xagħar twil aħmar nar. Il-folla niżlet għarkopptejha minnufih u bdiet titlob. Hija qalet: "Tinkwetawx. Se ngħinkom u se nħariskom. Tuni xabla u elmu. L-għadu ma għandux jara x-xagħar tiegħi ta' tfajla, iftħu x-xatba tal-fortizza". Sadanittant, il-kmandant tal-għadu kien qed jistenna barra għall-pahlevan tal-fortizza biex jiġġieldu wieħed kontra l-ieħor. Jekk jirbaħ il-ġlieda l-pahlevan tal-fortizza, l-armata tal-għadu kellha tirtira. Iżda jekk jirbaħ l-għadu, allura jkunu ħakmu l-fortizza u l-abitanti ħajjin kollha jsiru lsiera. Ix-xatba tal-fortizza nfetħet u l-kmandant tal-għadu ra pahlevan ġej għall-ġlied. Għaldaqstant, bdiet battalja qalila. Darba minnhom, il-pahlevan tal-fortizza rnexxielu jwaqqa' lill-għadu minn fuq iż-żiemel u ressaq sikkina direttament ma' għonq l-għadu. Il-kmandant tal-għadu werżaq: "Irbaħt inti! Min int? Neħħi l-elmu minn fuq rasek. Irrid nara wiċċek, pahlevan!". Kif tneħħa l-elmu induna li l-pahlevan tal-fortizza kienet it-tfajla sabiħa tax-xagħar aħmar twil. Maħsud stqarr: "O, inti tfajla! Inti tfajla qalbiena u sabiħa! Jekk it-tfajliet ta' Baku huma daqstant qalbiena, qatt mhu se naħkem il-fortizza tiegħek! Toqtolnix, ja sbejħa!". L-għadu ssaħħar quddiem is-sbuħija u l-qlubija tagħha u talabha tiżżewġu. It-tfajla ma qatlitux u saret tħobbu għax rat li kellu qalbu tajba. B'hekk, l-għadu ma ħakimx lil Baku u l-poplu lokali sejjaħ it-torri bħala t-Torri tax-Xebba.[20]

Leġġenda dwar il-waqfien tan-nirien

immodifika

Il-leġġenda li jmiss għandha għeruq Żoroastrijani wkoll.

Darba fost l-oħrajn, kien hemm għadu li assedja l-fortizza ta' Baku. Madankollu, il-poplu ta' Baku rrifjuta li jarrendi. Il-poplu ddeċieda li jiġġieled sal-aħħar u li jibqa' jiddefendi l-fortizza u l-għajxien tiegħu. B'hekk il-poplu ta' Baku ġġieled bi qlubija kbira iżda s-sitwazzjoni fi ħdan il-fortizza kompliet issir dejjem iktar perikoluża. L-għadu implimenta assedju aħrax kontra d-difensuri tal-fortizza billi kisser il-provvista tal-ilma. B'hekk mingħajr ikel u xorb, id-difensuri ma kellhom l-ebda ċans ta' għajxien. Sadanittant, il-Maġi Supremi flimkien ma' patrijiet oħra talbu fit-Tempju-Torri tan-Nar tal-fortizza. Kollha flimkien talbu lill-alla Ahura Mazda u talbuh jgħinhom. Wara diversi jiem ta' talb bla heda, it-talba tagħhom instema' u seħħ terremot qawwi u devastanti. Eluf ta' għedewwa mietu u b'hekk l-għedewwa l-oħra li baqgħu ħajjin ħarbu. Għaldaqstant, il-poplu ta' Baku ħeles mill-jasar iżda n-Nar Sagru tneħħa mill-quċċata tat-Tempju-Torri tan-Nar.[21]

Oriġini tal-isem

immodifika

Il-Professur Mahir Khalifa-zadeh jemmen li apparti l-leġġendi, kienet biċċa xogħol diffiċli li jinstabu spjegazzjonijiet storiċi jew evidenza arkeoloġika jew bil-miktub għaliex it-torri ssejjaħ it-Torri tax-Xebba. Minbarra l-isfondi epiċi, huwa maħsub li t-terminu "xebba" jindika li t-torri ma nqeridx minn xi għadu u għaldaqstant mill-puntidivista reliġjuż iffisser li qatt ma ntmess mill-ħażen ta' Angra Mainyu u allura baqa' tempju-torri "verġni" tal-alla Ahura Mazda taż-Żoroastrijaniżmu.[20]

Arkitettura

immodifika
 
Rikostruzzjoni tat-Tempju Sagru tan-Nar ta' Baku bit-Torri tax-Xeba, ta' Davud Akhundov, 1986.

It-torri ġie deskritt bħala "l-iżjed monument maestuż u misterjuż ta' Baku, il-Gyz Galasy", mibni fuq pedamenti sodi tal-blat. Mibni direttament mal-linja tal-kosta, huwa xhieda ta' fużjoni ta' influwenzi Għarab, Persjani u Ottomani. Inbena biswit bir naturali taż-żejt.[22] Huwa struttura ċilindrika ta' tmien sulari b'għoli ta' 29.5 metru (97 pied) u b'dijametru fil-bażi ta' 16.5-il metru (54 pied). L-ispazju intern disponibbli fit-torri jingħad li jesa' sa 200 ruħ. Orjentata lejn il-Lvant hemm biċċa twila u soda orjentata lejn iż-żerniq u tipponta lejn l-ekwinozji. Din wasslet għall-konklużjoni li t-torri kien inbena bħala torri astronomiku; filwaqt li r-riffieda tħares lejn il-Lvant, id-daħla tat-torri tħares lejn ix-Xlokk. Kull sular tat-torri għandu saqaf baxx bil-volti, b'"koppla tal-ġebel" b'fetħa ċentrali. Il-ħxuna tal-ħitan tvarja minn ħames metri (16-il pied) fil-bażi u ċilindrikament tonqos għal 3.2-4.2 metri (10-14-il pied) fis-sulari ta' fuq nett. Is-sulari kollha huma kkollegati b'garigor taraġ li jmiss mal-ħajt ċirkolari u huma mdawla bi twieqi dojoq jew niċeċ ġejjin 'il ġewwa. L-istruttura tal-ġebel fiha wċuħ f'finituri differenti, magħmula bil-ġebla tal-ġir griża lokali. Il-kisjiet fuq il-ġebel bi tkaħħil tal-ġibs jagħti effett li jvarja bejn l-iswed u l-abjad. Il-parti tal-Majjistral tat-torri għad għandha l-kisi oriġinali fil-wiċċ. It-torri għandu wkoll biċċa minnu ħierġa 'l barra, qisha riffieda kurva tal-ġebel. L-iżjed xogħol tal-ġebel bikri għandu rkejjen kwadri.[2][23]

 
Id-daħla tat-torri.

Analiżi bir-reqqa tal-karatteristiċi tal-kostruzzjoni tat-torri mill-arkeologi tissuġġerixxi li x-xogħol tal-ġebel, kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra tal-istruttura, għandu għamla ta' maqrut jew djamant u dan joħroġ fid-dieher kemm fin-naħa ta' fuq kif ukoll fin-naħa ta' isfel tal-ħajt tat-torri. Il-qatgħa b'għamla ta' djamant titqies bħala karatteristika dekorattiva, b'mod partikolari fuq in-naħa ta' barra tal-ħajt tal-Punent. Din il-karatteristika tul it-torri kollu tindika li milli jidher it-torri kien inbena f'daqqa f'perjodu wieħed. Madankollu, wieħed ma jistax jgħid b'ċertezza għaliex ir-rinnovazzjonijiet reċenti ma sarux bl-iżjed mod xjentifiku.[23]

Bir tal-Ilma

Struttura notevoli oħra fit-torri hi bir tal-ilma b'dijametru ta' 0.7 metri (2.3 piedi), fond 21 metru (69 pied) sal-akwifer ta' taħtu, li ġie skopert fit-tieni sular tat-torri. Għandu daħla wkoll fil-pjan terran li ġiet skoperta mill-arkeologu Abbas Islamov waqt studju reċenti tat-torri. Dan il-bir ġie interpretat bħala struttura għall-ħżin tal-ilma tax-xita u jingħad li l-ilma huwa nadif u frisk (għalkemm jinsab qrib il-baħar). Il-katusa taċ-ċeramika (b'dijametru ta' 30 ċentimetru (12-il pulzier)) li tinżel 'l isfel min-niċeċ tat-torri għal ġol-bir kienet is-sors tal-provvista tal-ilma. Peress li din is-sistema antika tal-ilma jingħad li hija oriġinali, jeħtieġ li titnaddaf u l-konfigurazzjoni tagħha għadha trid tiġi aċċertata minn studji oħra biex jiġi deskritt in-network tad-dranaġġ li oriġinarjament kien parti mit-torri. Iċ-ċeramika tas-sistema u s-sedimenti ddepożitati fiha jistgħu jgħinu biex tiġi stabbilita l-età tat-torri permezz tat-teknika tal-luminixxenza termika.

Fit-torri wkoll, bejn it-tieni u s-seba' sular, hemm gandott bil-katusi b'għamla semiċirkolari f'kull sular. Huwa magħmul mill-katusi taċ-ċeramika mdaħħla f'xulxin waħda fuq l-oħra u ssiġillati bit-tkaħħil tal-ġibs. Il-katusi x'aktarx li ġew prodotti bl-idejn u għandhom dijametru ta' 20-25 ċentimetru (7.9-9.8 pulzier) b'ħitan ħoxnin 2.2 ċentimetri (0.87 pulzieri) u kull segment huwa twil 40-45 ċentimetru (16-18-il pulzier). Hemm gandotti simili bil-katusi mill-pjan terran sal-livell tal-pedamenti, iżda b'erba' katusi taċ-ċeramika fl-irkejjen, ta' 22 ċentimetru (8.7 pulzieri) bi 18-il ċentimetru (7.1 pulzieri), li jibqgħu sejrin 'il barra minn ġol-ħajt.[23]

 
Dettalji arkitettoniċi tat-Torri tax-Xebba.

Wara li t-Torri tax-Xebba ta' Baku sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mas-swar u mal-Palazz tax-Shirvanshah, seħħ terremot fis-sena 2000 li ġarrab xi ħsarat fis-sit. L-UNESCO nnotata nuqqas ta' sforzi ta' konservazzjoni adegwati mill-awtoritajiet nazzjonali, u b'hekk niżżlet dan il-wirt kulturali mal-monumenti fil-"Lista ta' Siti ta' Wirt Dinji fil-Periklu" mill-2004 sal-2009 minħabba "telf ta' awtentiċità parzjalment minħabba t-terremot tas-sena 2000 u parzjalment minħabba l-pressjoni tal-iżvilupp urban". Madankollu, wara li l-awtoritajiet ikkonċernati ħejjew Pjan Direzzjonali ta' Konservazzjoni u żguraw li jkun hemm konservazzjoni u ġestjoni xierqa tas-sit, l-UNESCO neħħiet lil dan is-Sit ta' Wirt Dinji mil-lista tas-siti fil-periklu fl-2009. Intalab ukoll biex sal-1 ta' Frar 2010 l-Ażerbajġan jibgħat rapport aġġornat dwar l-istat ta' konservazzjoni tas-sit u dwar il-progress li jkun sar biex il-Kumitat tal-Wirt Dinji jkun jista' jqisu fl-34 sessjoni tiegħu.[24][25][26]

Fl-2011-2013 it-torri ġie rrestawrat. Waqt dan ir-restawr, fl-2011 twaħħlu panewijiet tal-plexiglass madwar il-pjattaforma ta' osservazzjoni tat-torri biex jiġu evitati s-suwiċidji.[27]

Sit ta' Wirt Dinji

immodifika

Il-Belt Iffortifikata ta' Baku bil-Palazz tax-Shirvanshah u t-Torri tax-Xebba ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Kultura popolari

immodifika

Il-ġrajja leġġendarja tar-re li jġiegħel lil bintu tiżżewweġ lil raġel li ma tħobbx, u li mbagħad taħrab mid-destin tagħha impost minn missierha billi titolbu jibnilha torri u meta jitlesta tagħmel suwiċidju billi taqbeż minn fuq għal isfel, issemmiet f'diversi poeżiji u reċti tal-Ażerbajġan. Iż-żfin klassiku msejjaħ "Torri tax-Xebba", kien l-ewwel spettaklu taż-żfin klassiku fl-Ażerbajġan tal-kompożitur Afrasiyyab Badalbayli fl-1940. Dan l-ispettaklu taż-żfin klassiku jsir fit-Teatru tal-Opri ta' Baku u fit-Teatru taż-Żfin Klassiku ta' Baku. Madankollu, il-ġrajja taż-żfin klassiku hija verżjoni mmodifikata tal-leġġenda. Skont din il-verżjoni mmodifikata taż-żfin klassiku, malli r-re reġa' lura mill-kampanja militari tiegħu sab li martu kienet welldet bint minflok iben. B'hekk inkorla u ordna li bintu tinqatel minnufih. Madankollu, il-qaddejja li kienet tieħu ħsieb it-tarbija ħaditha f'post sigriet fejn għexet, kibret u saret mara sabiħa. Meta għalqet sbatax-il sena tgħarrset ma' maħbub. F'dan il-mument, ir-re kumbinazzjoni ltaqa' magħha u kif raha ried jiżżewiġha u għalhekk ħadha u sakkarha fit-Torri tax-Xebba. Il-maħbub tat-tfajla rrabja ferm minħabba kif żvolġew l-affarijiet u rnexxielu joqtol lir-re. Imbagħad mar jiġri lejn it-Torri tax-Xebba biex isalva lill-maħbuba tiegħu. Madankollu, meta t-tfajla semgħet il-ħoss tal-passi resqin lejha fit-torri, ħasbet li kienu tar-re li kien ġej biex jaraha u minnufih għamlet suwiċidju billi qabżet mit-torri għal isfel.

Mill-2011 'l hawn, it-torri jipparteċipa wkoll fis-"Siegħa tad-Dinja", kampanja kontra t-tibdil fil-klima li matulha binjiet kbar jintfew għal siegħa biex titrawwem kuxjenza dwar dan is-suġġett.[28]

Gallerija

immodifika

Referenzi

immodifika
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Walled City of Baku with the Shirvanshah's Palace and Maiden Tower". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
  2. ^ a b "Rapport ta' Evalwazzjoni" (PDF).
  3. ^ "Baku's Maiden Tower: Legendary Monument of Mystery by Dr. Seyran Valiyev". www.azer.com. Miġbur 2023-04-11.
  4. ^ "14.3 Maiden Tower - Secrets of the Maiden Tower - What They Reveal about Early Man's Beliefs". www.azer.com. Miġbur 2023-04-11.
  5. ^ Blair, Sheila (1992). The monumental inscriptions from early Islamic Iran and Transoxiana. BRILL. p. 155. ISBN 90-04-09367-2.
  6. ^ D. A. Akhundov, On the origins, purposes and dating of the Baku tower-temple (qiz qalasi), in Russian, Baku, 1974, pp. 18-19.
  7. ^ Sara Ashurbeyli, New evidences on the history of Baku and the Maiden Tower, in Azerbaijani, Journal of Arts, N2 (14), Azerneshr publishing house, 1972, Ашурбейли С. Б. Новые изыскания по истории Баку и Девичьей башни. Гобустан. Альманах искусств №2(14). Азернешр, 1972 (на азерб. языке).
  8. ^ Davud A.Akhundov, The Architecture of the Ancient and Early-Medieval Azerbaijan, In Russian, Baku, 1986, ISBN 5-94628-118-6.
  9. ^ Davud A.Akhundov, The Architecture of the Ancient and Early Medieval Azerbaijan, In Russian, Baku, 1986, ISBN 5-94628-118-6.
  10. ^ Hassan Hassanov, Baku's Maiden Tower. A Pagan Monument of Baku, in Russian, ISBN 9789952273793.
  11. ^ Jonathan M. Bloom and Sheila S. Blair, The Grove Encyclopedia of Islamic Art and Architecture, Oxford University Press, 2009, Vol N2. ISBN 9780195309911.
  12. ^ Lonely Planet 1000 Ultimate Experiences. Lonely Planet. 2009. p. 191. ISBN 978-1-74179-945-3.
  13. ^ Ibrahimov, Dr. Kamil. "The Mystery of the Maiden Tower". Visions of Azerbaijan. pp. 22–26.
  14. ^ "A v e s t a". web.archive.org. 2010-04-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-04-28. Miġbur 2023-04-11.
  15. ^ Ашурбейли Сара. История города Баку: период средневековья. Баку, Азернешр, 1992, p. 149.
  16. ^ "Visions". www.visions.az. Miġbur 2023-04-11.
  17. ^ "Baku - World Heritage Site - Pictures, info and travel reports". web.archive.org. 2004-03-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2004-03-06. Miġbur 2023-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  18. ^ Azerbaijan, Central Bank of the Republic of. "Azərbaycan Respublikasının Mərkəzi Bankı". www.cbar.az (bl-Ażerbajġani). Miġbur 2023-04-11.
  19. ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Welcome to Encyclopaedia Iranica". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
  20. ^ a b "THE LEGEND OF BAKU MAIDEN TOWER (Zoroastran legends)" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
  21. ^ Mahir Khalifa-zadeh, On the Problem of Ancient Baku's Location, Prof. Ziya Bunyatov, Bakinsky Rabochiy.
  22. ^ Peoples of Western Asia. Marshall Cavendish Corporation. 2006. p. 53. ISBN 0-7614-7677-6.
  23. ^ a b ċ "14.3 Maiden Tower - Secrets of the Maiden Tower - What They Reveal about Early Man's Beliefs". azer.com. Miġbur 2023-04-11.
  24. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "27 COM 7B.59 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
  25. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "28 COM 15A.29 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
  26. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "29 COM 7A.28 - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
  27. ^ "Первая за две тысячи лет реставрация Девичьей башни". anl.az. Miġbur 2023-04-11.
  28. ^ "Подсветка Девичьей Башни будет отключена в рамках кампании Earth Hour - 1NEWS.AZ". web.archive.org. 2011-03-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-03-26. Miġbur 2023-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  NODES
INTERN 1
Note 1