Wachau

wied fl-Awstrija

Wachau (ippronunzjata bil-Ġermaniż: [vaˈxaʊ]) huwa wied Awstrijaku b’pajsaġġ pittoresk iffurmat mix-xmara Danubju. Il-wied huwa wieħed mid-destinazzjonijiet turistiċi l-iktar prominenti tal-Awstrija t’Isfel, li tinsab f’nofs triq bejn l-irħula ta’ Melk u Krems, u jattira wkoll lill-esperti tal-inbejjed ta’ kwalità għolja u lil dawk li jħobbu qatra nbid tajba.[1] Il-wied ta’ Wachau huwa twil 36 kilometru[2] u diġà kien insedjat fi żminijiet preistoriċi. X’aktarx li wieħed mill-iktar postijiet magħrufa fi ħdan Wachau huwa l-attrazzjoni turistika ta’ Dürnstein, fejn ir-Re Rikkardu I tal-Ingilterra kien inżamm priġunier mid-Duka Leopoldu V tal-Awstrija u ta’ Steiermark. L-eleganza arkitettonika tal-monasteri antiki ta’ Wachau (l-Abbazija ta’ Melk u l-Abbazija ta’ Göttweig), il-kastelli u l-fdalijiet flimkien mal-arkitettura urbana tal-irħula u tal-villaġġi tiegħu, kif ukoll il-kultivazzjoni tad-dwieli bħala prodott agrikolu importanti huma l-karatteristiċi dominanti tal-wied.[3][4]

Veduta ta’ Wachau mill-għoli

Wachau tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-“Pajsaġġ Kulturali ta’ Wachau” f’Diċembru 2000 għall-istorja arkitettonika u agrikola tiegħu.[5][6]

Żmien il-qedem

immodifika
 
Il-Kastell ta’ Schallaburg

Saħansitra qabel li l-perjodu Neolitiku ġab miegħu bidliet fl-ambjent naturali tal-wied, ġew identifikati fdalijiet Paleolitiċi fil-wied fl-għamla ta’ “figurini” f’Galgenberg u f’Willendorf li jingħad li huma antiki bejn 32,000 sena u 26,000 sena rispettivament, u dan jixhed l-okkupazzjoni umana fil-wied minn dak iż-żmien. Ġie dedott li Krems u Melk kienu insedjamenti stabbiliti sew fil-perjodu Neolitiku bikri bejn l-4500 Q.K. u l-1800 Q.K. L-istorja antika tal-wied ta’ Wachau fil- perjodu Neolitiku bdiet bid-deforestazzjoni min-nies għall-kultivazzjoni u għall-insedjamenti.[3]

 
Weißenkirchen in der Wachau: veduta tal-knisja parrokjali mill-pjazza tas-suq għall-knisja parrokkjali

Fil-15 Q.K., ir-renju Ċeltiku ta’ Noricum sar parti mill-Imperu Ruman. Minn dak iż-żmien, il-konfini tal-Imperu kienu tul id-Danubju anke f’Wachau u l-fortifikazzjonijiet tal-fruntieri tal-Imperu Ruman inbnew tul ix-xtut tan-Nofsinhar tiegħu, speċjalment Castrum Favianis (li attwalment huwa magħruf bħala Mautern an der Donau) fit-tarf nett tan-naħa t’isfel tal-wied u xi burgi (jiġifieri fortizzi żgħar qishom torrijiet tal-għassa) fiż-żona tal-muniċipalità ta’ Rossatz-Arnsdorf. Il-fdalijiet tagħhom għadhom viżibbli llum il-ġurnata, l-iktar f’Bacharnsdorf. Il-ħakma Rumana fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tad-Danubju ġiet fi tmiemha meta r-Re Odoaker ordna l-evakwazzjoni tal-popolazzjoni li kienet titkellem bil-Latin fl-488 W.K.

L-isem “wachu” ġie rreġistrat bħala “locus Wahowa” fit-853 W.K. u l-isem “Krems” ġie rreġistrat bħala Urbs Chremisa fid-995 W.K., li jfisser li Krems huwa l-eqdem raħal tal-Awstrija.

Il-Markiżi ta’ Babenberg, b’Leopoldu I bħala l-ewwel re tagħhom, irrenjaw f’Wachau mid-976 W.K. Fis-seklu 11 feġġ id-Dukat Awstrijaku ta’ Babenberg taħt Enriku I, eżattament fl-1156; li għadda f’idejn il-familja tal-kavallieri ta’ Wachau, il-familja Kuenring, u wara għaddiet f’idejn il-familja Babenberg. Iktar ’il quddiem, fl-1430, id-Duka Albrecht V (ir-Re Albrecht II) kiseb il-poter. Bejn l-1150 u l-1839, l-erba’ rħula ta’ San Mikiel, Wösendorf, Joching, u Weissenkirchen iffunzjonaw b’mod indipendenti. Madankollu, huma ffurmaw entità waħda bħala Wachau jew Tal Wachau fl-1972. Parti interessanti mill-istorja tas-seklu 12 hija l-priġunerija tar-Re Rikkardu I tal-Ingilterra fil-Kastell ta’ Kuenringerburg (issa baqa’ biss il-fdalijiet tiegħu) fuq ir-raħal ta’ Dürnstein minħabba li insulta lid-Duka ta’ Babenberg, Leopoldu V billi wera nuqqas ta’ rispett lejn il-bandiera Awstrijaka (kien tefagħha ġo fossa tad-dranaġġ). Anki jekk kien qed jivvjaġġa fl-Awstrija (kien qed jirritorna mill-Artijiet Imqaddsa) pjuttost b’mod ittravestit (kien ħalla daqna twila biex ma jintagħrafx), xorta waħda ġie identifikat f’berġa f’Erdberg, li issa huwa subborg ta’ Vjenna. Fl-aħħar inħeles wara li ħallas rahan għali ta’ 35,000 kg ta’ fidda. Skont il-leġġenda, il-libertà tar-re ġiet iffaċilitata bis-saħħa tal-isforzi tal-assistent Franċiż tiegħu Blondel. Jingħad li dan ir-rahan tal-fidda ntuża biex tinbena l-belt ta’ Wiener Neustadt.[7][8]

 
Burgruine Aggstein

Bejn l-1150 u l-1839, l-erba’ rħula ta’ San Mikiel, Wösendorf, Joching u Weissenkirchen iffunzjonaw b’mod indipendenti. Madankollu, huma ffurmaw entità waħda bħala Wachau jew Tal Wachau biss fl-1972. Wachau kellu wkoll għadd ta’ invażjonijiet. L- Ungeriżi invadew fis-seklu 15 u Matthias Corvinus okkupa Krems u Stein fl-1477. L-attivitajiet tar-Riformisti tal-Knisja wkoll kellhom impatt bejn l-1530 u l-1620, u l-Protestanti fl-aħħar mill-aħħar ġew imrażżna mis-Superjur tal-patrijiet tal-Abbazija ta’ Göttweig Georg II Falb bejn l-1612 u l-1631; ħdax-il abbazija Benedittina Awstrijaka kienu taw l-appoġġ sħiħ tagħhom f’din ir-rebħa. Dan kellu impatt kbir fuq il-kultura reliġjuża tal-wied b’ħafna knejjes, kappelli u monumenti oħra li nbnew fil-wied.[3]

Stabbilita f’Wachau u tittratta l-politika ta’ dan iż-żmien, il-poeżija epika Ġermaniża Nibelungenlied inkitbet għall-ħabta tas-sena 1200.[9] Frammenti ta’ din l-epika ġew skoperti fil-librerija monastika ta’ Melk, u għadhom jintwerew hemmhekk ukoll.

 
Veduta tal-Abbazija ta’ Göttweig minn Stein

Madankollu, seħħew bidliet sostanzjali fil-pajsaġġ matul il-perjodu Medjevali mis-seklu 9 bl-istabbiliment tal-monasteri tal-Bavarja u ta’ Salzburg. Matul dan il-proċess ta’ żvilupp, il-ħtiġijiet ekonomiċi kienu jeħtieġu l-ħolqien ta’ għelieqi mtarrġin tad-dwieli għall-manifattura u għall-kummerċ tal-inbid. Fis-seklu 17, iż-żona bil-vinji kienet tvarja ħafna skont il-klima kif ukoll il-kummerċ tal-inbid tagħha. Il-vitikultura fuq l-inżul u t-tlajja’ tal-għoljiet kienet ipprattikata mis-seklu 18 iżda kienu meħtieġa aġġustamenti fil-qisien tal-art għall-vitikultura u għall-mergħa, u għall-vitikultura u għall-ortikultura (għat-tkabbir tal-frott) sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi fir-reġjun. Flimkien ma’ dan, il-kampanja bdiet tiżviluppa wkoll u dan affettwa mill-qrib il-prattiki agrikoli fir-reġjun.[3][5]

 
It-torri tal-kampnar ta’ Dürnstein

L-istorja tal-iżvilupp tal-irħula fil-wied tmur lura għas-sekli 11 u 12. Dan l-iżvilupp, li kien ta’ natura omoġenja b’binjiet tal-injam mibnija għall-abitazzjonijiet f’toroq irregolari, għadu viżibbli anke llum il-ġurnata. Madankollu, il-ġebla bħala materjal tal-kostruzzjoni ġiet introdotta fis-sekli 15 u 16 biex tissostitwixxi l-istrutturi l-qodma tal-injam mir-raħħala u mill-aristokratiċi. Mill-1950, bdew jitfaċċaw il-kumplessi residenzjali fil-periferija ta’ fuq tal-wied.[3][5]

Karatteristika notevoli tal-wied hija t-tqassim tar-raba’ u tal-binjiet tal-produtturi tal-inbid. Dawn huma wkoll ta’ żmien is-sekli 11 u 12 u wħud ġew ikkreditati wkoll għas-sekli 16-17. Bażikament jinsabu f’“forma tawwalija ta’ U jew ta’ L” b’żewġ settijiet paralleli ta’ binjiet. L-arkitettura Barokka hija karatteristika dominanti b’toroq bi statwi fin-niċeċ, pitturi mal-ħitan u xogħol bis-sgraffito, jew fdalijiet tagħhom.[3][5]

Storja moderna

immodifika
 
L-għelieqi mtarrġin bid-dwieli fir-reġjun ta’ Wachau.

Mill-1700 ’il quddiem (meqjus mal-perjodu modern) saru bosta xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni. Dawn kienu jinkludu l-Abbazija ta’ Melk mibnija mill-ġdid fl-1702, ir-restawr tal-Abbazija tal-Kanoniċi f’Dürnstein bejn l-1715 u l-1733 u xogħlijiet kbar ta’ rikostruzzjoni tal-Abbazija ta’ Göttweig li bdew fl-1719. Madankollu, fl-aħħar tas-sekli 18 u 19, kien hemm tnaqqis fl-importanza ta’ Wachau bħala riżultat tal-għeluq tal-monasteri taħt il-ħakma sekulari tal-Bavarjani. Madankollu, bosta avvenimenti biddlu s-sitwazzjoni, u mill-1904, il-komunitajiet lokali kollha ta’ bejn Krems u Melk ingħaqdu flimkien biex jiżguraw l-iżvilupp ekonomiku ta’ Wachau, billi integraw kemm setgħu l-wirt storiku mal-modernità. L-iżvilupp tat-turiżmu u tal-għelieqi bid-dwieli protetti mil-Liġijiet tal-Gvern saru sinonimi ma’ Wachau, tant li l-wied ingħata l-laqam ta’ “Wachau tad-Deheb”.[3]

Madankollu, fil-perjodu modern, il-binjiet tas-seklu 18 ġew integrati fit-tqassim tal-irħula, u jintużaw għall-promozzjoni tal-kummerċ u tal-artiġjanat. L-atmosfera tas-sekli 15 u 16 tista’ tiġi apprezzata fit-“taverni jew fil-bereġ tal-irħula, fl-istazzjonijiet u fl-istalel għaż-żamma taż-żwiemel, fid-djar tal-operaturi tad-dgħajjes u tal-ħlas tal-miżati għall-użu tax-xmara, kif ukoll fl-imtieħen, fil-fabbriki, jew fl-imħażen tal-melħ". Il-wied u l-irħula għadhom jippreservaw għadd ta’ kastelli ta’ valur storiku.[3][5]

 
Il-wied ta’ Wachau ħdejn Dürnstein (Unterloiben fuq ix-xellug u Oberloiben fuq il-lemin)

Sit ta’ Wirt Dinji u Natura 2000

immodifika
 
L-Abbazija ta’ Melk

Il-wied ta’ Wachau tniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bħala l-“Pajsaġġ Kulturali ta’ Wachau” f’Diċembru 2000.[5]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[5]

Anke qabel ir-rikonoxximent mill-UNESCO, fil-5 ta’ Settembru 1994, iż-żona ta’ Wachau ġiet uffiċjalment imdaħħla fl-ambitu tan-“Natura 2000”, li huwa network ta’ siti Ewropej tal- Unjoni Ewropea fejn jiġi żgurat li l-iżvilupp fiż-żoni magħżula tas-siti jsegwi r-regoli u r-regolamenti stipulati kollha. Iż-żona magħżula fiha 5,000 monument storiku, għalkemm ħafna minnhom huma proprjetà privata. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Federali tal-Monumenti Storiċi (iżommu wkoll lista sħiħa tal-monumenti storiċi kollha fl-Awstrija) u l-Landeskonservatorat für Niederösterreich huma responsabbli għall-konservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali storiku ta’ Wachau.[3]

Ġeografija

immodifika
 
Mappa tal-Pajsaġġ Kulturali ta’ Wachau

Il-wied tad-Danubju fl-Awstrija bejn l-irħula ta’ Melk u ta’ Krems fl-Awstrija t’Isfel jissejjaħ Wachau. Din il-medda tal-wied tinkludi l-għoljiet u l-foresti biswitu msejħa Dunkelsteiner Waldbiswit u l-Waldviertel tan-Nofsinhar. Ix-xmara Danubju tnixxi mill-Grigal u mit-Tramuntana minn Melk għal Dürnstein minn lilwa li minnha mbagħad tnixxi lejn ix-Xlokk, u wara lejn il-Lvant mir-raħal ta’ Krems. F’Wachau, ir-raħal ta’ Spitz jinsab fuq ix-xatt tal-Punent tad-Danubju u r-raħal ta’ Melk jinsab fuq ix-xatt tal-Lvant tagħha. Irħula oħra importanti fil-wied huma Dürnstein, Weißenkirchen in der Wachau u Emmersdorf an der Donau, li għandhom bosta binjiet antiki li jmorru lura għal nofs is-seklu 6. Il-linja ferrovjarja li nbniet fl-1909 bejn Krems u Emmersdorf hija meravilja topografika. Insedjamenti notevoli oħra fil-wied ta’ Wachau jinkludu Aggsbach, Bachamsdorf, Bergern im Dunkelsteinerwald, Furth bei Göttweig, Joching, Maria Laach am Jauerling, Mautern an der Donau, Mühldorf, Oberamsdorf, Oberloiben, Rossatz-Arnsdorf, Ruhrsdorf, Schwallenbach, Schönbühel-Aggsbach, Unterloiben u Willendorf.[10]

Ix-xmara Danubju għandha network tajjeb li jikkonsisti minn sistema tan-navigazzjoni interna. Wieħed jista’ jżur is-siti storiċi tal-wied ta’ Wachau bid-dgħajjes li jaħdmu bl-istim; l-aqwa staġun għal żjara huwa bejn Mejju u Settembru. Is-servizzi tal-Autobahn huma disponibbli wkoll minn Vjenna. In-network tat-toroq żviluppat tajjeb ħafna bejn Melk u Krems u jsegwi l-kontorn tal-wied. Madankollu, ma hemm l-ebda pontijiet minn naħa għall-oħra tax-xmara Danubju f’dan ir-reġjun, u l-laneċ huma l-uniku mod biex taqsam ix-xmara.[10]

 
Id-Danubju fil-wied ta’ Wachau (Dürnstein fuq ix-xellug nett tax-xmara u Krems fuq il-lemin)

Referenzi

immodifika
  1. ^ "Wachau Wine Region". Wine-Searcher (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
  2. ^ "Getting there". Wachau Nibelungengau Kremstal (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
  3. ^ a b ċ d e f ġ g ""Wachau (Austria) No 970" (PDF). Unesco.org. pp. 22–26" (PDF).
  4. ^ "Wachau-Nibelungengau-Kremstal". Wachau Nibelungengau Kremstal (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
  5. ^ a b ċ d e f ġ Centre, UNESCO World Heritage. "Wachau Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-17.
  6. ^ "Report of the 24th session, 27 November - 2 December 2000". whc.unesco.org. Miġbur 2021-05-17.
  7. ^ Haywood, Anthony; Walker, Kerry (2008). Austria. Lonely Planet. pp. 165–174. ISBN 1-74104-670-X.
  8. ^ Bousfield, Jonathan; Humphreys, Rob (2001). The rough guide to Austria. Rough Guides. Rough Guides. pp. 174 of 172–176. ISBN 1-85828-709-X.
  9. ^ Wachau (Austria) No 970, p. 23.
  10. ^ a b Bedford, Neal; Gemma Pitcher (2005). Austria. Lonely Planet. pp. 130–131, 134. ISBN 1-74059-484-3.
  NODES
Intern 1
Note 2
os 14